ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FIL-BELT TA’ VERONA

LAQGĦA MAL-PULIZIJA PENITENZJARJA, MAD-DETENUTI U L-VOLONTARJI

DISKORS TAL-QDUSIJA

 Faċilità Korrettiva “Montorio” (Verona)
Is-Sibt, 18 ta’ Mejju, 2024

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Irrodd ħajr lid-Direttriċi għall-akkoljenza u s-sens ta’ umoriżmu tagħha!  It-tbissima taħji ħafna.  Irrodd ħajr lilkom ilkoll, għall-entużjażmu, il-festa u l-għożża li qed turuni.  Minbarra hekk, tilsima lil dawk kollha li jaħdmu f’dan l-istitut; uffiċjali korrettivi, edukaturi, operaturi sanitarji amministrazzjoni, volontarji.  Irrid insellem ukoll lil dawk kollha li qed isegwuna mit-twieqi: insellem lilkom ilkoll!  Kont ħerqan biex niltaqa’ magħkom, ilkoll flimkien.

Għalija, żjara f’ħabs hi dejjem mument importanti, għax il-ħabs hu post ta’ umanità kbira.  Iva, hu mkien ta’ umanità kbira.  Umanità mġarrba, kultant imtaqqla’ mid-diffikultajiet, sens ta’ ħtija, ġudizzji, nuqqas ta’ fehim, sofferenza, imma fl-istess ħin forza u enerġija, xewqa ta’ maħfra, xewqa ta’ fidwa, kif qal Duarte fid-diskors tiegħu.

U f’din l-umanità, hawnhekk, fikom ilkoll, fina lkoll, hawn preżenti l-wiċċ ta’ Kristu, il-wiċċ ta’ Alla ħanin li jaħfer.  Tinsewhx dan: Alla jaħfer kollox u jaħfer dejjem, f’din l-umanità, hawn, fikom ilkoll.  F’das-sens għandna naraw lil Alla tal-ħniena.

Nafuha s-sitwazzjoni tal-ħabsijiet, spiss iffullati żżejjed – f’arti wkoll – bit-tensjonijiet u l-uġigħ li dan iġib miegħu.  Għalhekk irrid ngħidilkom li ninsab qribkom u nġedded l-appell, speċjalment lil min jista’ jagħmel xi ħaġa f’dal-qasam, sabiex tissokta l-ħidma biex il-ħajja fil-ħabs titjieb.  Darba waħda, mara li kienet taħdem fil-ħabs u kellha relazzjoni tajba mal-priġunieri nisa – kien ħabs femminili – omm ta’ familja, umana ħafna din il-mara, qaltli li kienet devota ta’ qaddisa.  “Imma liema qaddisa?”  “Santa Porta”. – “Għaliex?” – Hi l-bieb tat-tama”. U lkoll kemm intom għandkom tħarsu lejn dan il-bieb tat-tama.  Mhemmx ħajja umama bla xefaq.  Jekk jogħġobkom, taqalgħux għajnejkom minn fuq l-ixqfa li jidhru minn ġo dak il-bieb tat-tama.

Jien u nsewgi dak li jiġri fl-istitut tagħkom, b‘niket sirt naf li, sfortunatament, ftit ilu, xi wħud, b’ġest estrem, temmew ħajjithom.  Dan hu att ta’ swied il-qalb li jwassluk għalih id-disperazzjoni u wġigħ insostenibbli.  Għaldaqstant, filwaqt li ningħaqad mal-familji u magħkom ilkoll, nixtieq nistedinkom biex ma ċċedux meta tħossukom skuraġġjati, nistedinkom biex iżżommu għajnejkom fuq il-bieb bħala bieb tat-tama.  Dejjem hu dehen li tgħix il-ħajja, dejjem!, u dejjem hemm it-tama għall-ġejjieni, anki meta kollox jidher mitluf.  L-eżistenza tagħna, dik ta’ kull wieħed u waħda minna, hija importanti – aħna m’aħniex skart, l-eżistenza hija importanti – hija don uniku għalina u għall-oħrajn, u fuq kollox għal Alla li qatt ma jabbandunana, anzi li jaf jisma’, jifraħ u jibki magħna u jaħfer dejjem.  Bih maġenbna, bil-Mulej qribna, nistgħu negħlbu d-disperazzjoni.  U kif qalet id-direttriċi, Alla hu wieħed: il-kulturi tagħna għallmuna nsejħulu b’isem jew b’ieħor u biex insibuh b’modi differenti, iżda hu l-istess Missier tagħna lkoll.  Hu wieħed.  U r-reliġjonijiet kollha, il-kulturi kollha jħarsu lejn l-uniku Alla b’manjieri differenti.  Qatt ma jabbandunana.  Bih maġenbna nistgħu negħlbu d-disperazzjoni u ngħixu kull mument bħala waqt propizju biex nibdew mill-ġdid.  Nibdew mill-ġdid.  Hemm kanzunetta sabiħa tar-reġjun tal-Piemonte li se nipprova naqlibha għat-taljan, li tgħid hekk – ikantawha l-alpini -: “Fit-tlajja l-importanti mhux li ma taqax imma li ma tibqax mal-art”.  U lilna lkoll li naħdmu f’dal-ħabs, anki bħala volontarji, lill-familjari, lilna lkoll, ngħid ħaġa: jiswa li tħares lejn xi ħadd minn fuq għal-isfel f’okkażjoni waħda biss: biex tgħinu jqum.  Għalhekk, fl-agħar mumenti ma ningħalqux fina nfusna: nitkellmu m’Alla dwar il-weġgħat tagħna u ngħinu lil xulxin biex insibuh, ma’ dawk li qed jaqsmu l-mixja magħna u mal-persuni twajbin li jkollna ħdejna.  Mhix dgħufija titlob l-għajnuna, le: nagħmlu dan bl-umiltà, bil-fiduċja u bl-umanità.  Ilkoll għandna bżonn xulxin u lkoll għandna dritt nittamaw, lil hinn minn kull storja, kull żball jew falliment.  It-tama hi dritt li ma tiddeludik qatt.  Qatt.

Ftit xhur oħra se tibda s-Sena tal-Ġublew : sena ta’ konverżjoni, ta’ tiġdid u ħelsien għall-Knisja kollha; sena ta’ ħniena, li fiha narmu dak kollu li fl-imgħoddi taqqalna u nġeddu l-ħerqa tagħna għall-ġejjieni; li fiha niċċelebraw il-possibbiltà ta’ tibdil, biex inkunu, u, fejn meħtieġ, nerġgħu nibdew inkunu verament min aħna, u nagħtu l-aħjar tagħna.  Jalla dan ikun sinjal li jgħinna nerġgħu nqumu fuq saqajna u bil-fiduċja nerġgħu nsiru padruni ta’ kull ġurnata ta’ ħajjitna.

Għeżież ħbieb, grazzi ta’ dil-laqgħa.  Ngħidilkom is-sewwa: tagħmilli l-ġid.  Intom qed tkunu ta’ġid għalija, grazzi.  Ejjew inkomplu mexjin flimkien, għax l-imħabba tgħaqqadna lil hinn minn kull distanza.  Niftakar fikom fit-talb tiegħi u nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija: favur tiegħi mhux kontra!  Itolbu għalija.  U tinsewx: “Fit-tlajja l-importanti mhux li ma taqax imma li ma tibqax mal-art”.  Grazzi.

________________________________________________________________

Diskors mhux imħejji waqt l-għoti tar-rigal

U issa se nagħti rigal lill-istituzzjoni.  Se ntih lid-direttriċi.  Dar-rigal…  Ftakart f’virtù li għandu Alla u li aħna ninsewha, mhux veru?  Għaliex Alla għandu tliet virtuwjiet ewlenin: qrubija, ħniena u ħlewwa.  Alla qrib tagħna lkoll.  Alla mimli kumpassjoni u Alla hu ħelu.   U ftakart fit-tenerezza – ma tantx nitkellmu dwar it-tenerezza!  Ħsibt f’dar-rigal: il-Madonna bil-Bambin li hi propju l-ġest tat-tenerezza, tal-ħlewwa.  U ftakart ukoll li l-figura ta’ Marija hi figura li tgħaqqad flimkien kemm l-insara u wkoll il-muslmani, hi figura komuni bejnietna, tgħaqqadna lkoll.

Issa rrid intikom il-barka, imma bis-silenzju, hekk kulħadd jirċevieha mingħand Alla bil-mod kif jemmen fih hu.  Minuta ta’ silenzju u ntikom il-barka lkoll.

Barka

Il-Mulej iberikkom, jgħinkom tibqgħu mexjin ‘il quddiem, ifarraġkom fis-swied il-qalb tagħkom u jkun il-kumpann tagħkom fil-ferħ.  Ammen.

L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber