ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’VENEZJA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Pjazza San Mark (Venezja)

Il-V Ħadd tal-Għid, 28 ta’ April 2024

 

Ġesù huwa d-dielja, aħna l-friegħi. U Alla, il-Missier ħanin u twajjeb, bħal bidwi kollu sabar jaħdem din l-għalqa b’reqqa kbira biex ħajjitna timtela bil-frott. Għalhekk, Ġesù jirrakkomandalna biex inħarsu d-don bla tarf li hu r-rabta miegħu, li minnha tiddependi l-ħajja tagħna u kemm nagħmlu frott. Hu jtenni b’insistenza: “Ibqgħu fija u jien nibqa’ fikom. […] Min jibqa’ fija, u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott” (Ġw 15:4). Min jibqa’ magħqud ma’ Ġesù biss jista’ jagħmel il-frott. Ejjew nieqfu ftit u nitkellmu fuq dan.

 

Ġesù wasal biex jagħlaq il-missjoni tiegħu fuq din l-art. Fl-Aħħar Ikla ma’ dawk li kellhom ikunu l-Appostli tiegħu, hu jħallilhom, flimkien mal-Ewkaristija, xi kelmiet li jservu ta’ muftieħ. Waħda minnhom hi proprju din: “ibqgħu”, żommu ħajja r-rabta tagħkom miegħi, ibqgħu magħqudin miegħi bħall-friegħi mad-dielja. Meta juża din ix-xbieha, Ġesù jerġa’ jaqbad metafora biblika li l-poplu kien jafha tajjeb u li kien jiltaqa’ magħha wkoll fit-talb, bħal fis-salm li jgħid: “Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti! / Ħares mis-sema, u ara / u żur ’il din id-dielja” (Salm 80:15). Iżrael huwa d-dielja li l-Mulej ħawwel u li ħa ħsiebha. U meta l-poplu ma jagħmilx il-frott tal-imħabba li l-Mulej jistenna minnu, il-profeta Iżaija jifformula att ta’ akkuża billi jinqeda proprju bil-parabbola ta’ bidwi li għażaq id-dielja tiegħu, naddafha miż-żrar, ħawwel fiha dwieli mill-aħjar u stenna li tagħmel inbid tajjeb, imma din, minflok, tagħtih biss għeneb qares. U l-profeta jikkonkludi: “Għax l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej tal-eżerċti / hija d-dar ta’ Iżrael; / u l-irġiel ta’ Ġuda / huma l-mixtla tal-għalqa tiegħu. / Huwa stenna l-ġustizzja, / u araw sab it-tixrid tad-demm, / stenna s-sewwa, / u araw sama’ l-għajat tal-maħqura” (Iż 5:7). Ġesù nnifsu jerġa’ jaqbad lil Iżaija u jirrakkonta l-parabbola drammatika tal-bdiewa qattiela, biex juri b’mod qawwi l-kuntrast bejn ix-xogħol paċenzjuż ta’ Alla u r-rifjut tal-poplu tiegħu (ara Mt 21:33-44).

 

Allura, il-metafora tad-dielja, waqt li tesprimi l-għożża kollha mħabba ta’ Alla għalina, min-naħa l-oħra qed tiftħilna għajnejna, għax, jekk inkissru din ir-rabta mal-Mulej, ma nistgħux nagħmlu frott ta’ ħajja tajba u aħna stess inkunu nirriskjaw li nsiru friegħi niexfa. Kemm hi kerha din, li nsiru friegħi niexfa, dawk il-friegħi li jintremew.

 

Ħuti, b’din ix-xbieha li uża Ġesù fl-isfond, qed naħseb ukoll fl-istorja twila li torbot lil Venezja max-xogħol tad-dwieli u mal-produzzjoni tal-inbid, fil-kura ta’ tant bdiewa u f’tant għelieqi tad-dwieli li nħolqu fil-gżejjer tal-Laguna u fil-ġonna bejn it-toroq dojoq tal-belt, u f’dawk li fihom kienu jaħdmu l-monaċi biex jipproduċu nbid għall-komunitajiet tagħhom. F’din il-memorja, ma hux diffiċli li nifhmu l-messaġġ tal-parabbola tad-dielja u l-friegħi: il-fidi f’Ġesù, ir-rabta miegħu ma tjassarx il-libertà tagħna imma, bil-maqlub, tiftħilna qalbna biex nilqgħu l-ħajja li tiġi mill-imħabba ta’ Alla, li jkattar il-ferħ tagħna, jieħu ħsieb tagħna bl-istess għożża ta’ bidwi tajjeb tad-dwieli u jara li jwarrdu friegħi ġodda mqar meta l-art tal-ħajja tagħna tinxef. U ħafna drabi l-qalb tagħna tinxef.

 

Imma l-metafora li ħarġet mill-qalb ta’ Ġesù nistgħu naqrawha wkoll billi naħsbu f’din il-belt mibnija fuq l-ilmijiet, u magħrufa għal din l-uniċità tagħha bħala wieħed mill-postijiet l-aktar suġġestivi tad-dinja. Venezja hi ħaġa waħda mal-ilmijiet li fuqhom hi wieqfa, u mingħajr l-għożża u l-ħarsien ta’ dan ix-xenarju naturali tista’ saħansitra tieqaf teżisti. Hekk ukoll il-ħajja tagħna: aħna wkoll, mgħaddsa sa minn dejjem fl-għejun tal-imħabba ta’ Alla, aħna ħadna twelid ġdid bil-Magħmudija, erġajna twelidna għal ħajja ġdida mill-ilma u mill-Ispirtu s-Santu, u sirna ħaġa waħda ma’ Kristu bħalma l-friegħi huma mad-dielja. Fina hemm il-ħajja ta’ din l-imħabba, li mingħajrha nsiru friegħi niexfa, li ma jagħmlux frott. Il-Beatu Ġwanni Pawlu I, meta kien Patrijarka ta’ din il-belt, darba qal li Ġesù “ġie biex iġib lill-bnedmin il-ħajja ta’ dejjem […]”. U kompla: “Dik il-ħajja tinsab fih u minnu tgħaddi għal għand id-dixxipli tiegħu, bħalma l-ilma tal-ħajja jgħaddi għand il-friegħi mid-dielja. Hu ilma frisk, li huwa jagħti, għajn dejjem tgelgel” (A. Luciani, Venezia 1975-1976. Opera Omnia. Discorsi, scritti, articoli, vol. VII, Padova 2011, 158).

 

Ħuti, dan hu li jiswa: li nibqgħu fil-Mulej, ngħixu fih. Ejjew naħsbu għal ftit f’dan: nibqgħu fil-Mulej, ngħixu fih. U dan il-verb – nibqgħu – ma għandux jiġi interpretat bħala xi ħaġa statika, bħallikieku ried jgħidilna biex nibqgħu weqfin, ipparkjati fil-passività; fir-realtà, qed jistedinna biex niċċaqilqu, għax li nibqgħu fil-Mulej ifisser nikbru; li nibqgħu fil-Mulej dejjem ifisser nikbru, nikbru fir-relazzjoni tagħna miegħu, niddjalogaw miegħu, nilqgħu l-Kelma tiegħu, nimxu warajh fit-triq tas-Saltna ta’ Alla. Għalhekk dan ifisser li nimxu warajh: nibqgħu fil-Mulej u nimxu, nimxu warajh, inħallu l-Vanġelu tiegħu jipprovokana u nsiru xhieda ta’ mħabbtu.

 

Għalhekk Ġesù jgħidilna li min jibqa’ fih jagħmel il-frott. U dan mhux frott kien li kien! Il-frott tal-fergħat li fihom hemm l-ilma tal-ħajja hu l-għeneb, u mill-għeneb ġej l-inbid, li hu sinjal messjaniku per eċċellenza. Fil-fatt, Ġesù, il-Messija mibgħut mill-Missier, iġib l-inbid tal-imħabba ta’ Alla fil-qalb tal-bniedem u jimlieha bil-ferħ, jimlieha bit-tama.

 

Għeżież ħuti, dan huwa l-frott li aħna msejħin nagħmlu fil-ħajja tagħna, fir-relazzjonijiet tagħna, fil-postijiet li fihom inkunu ta’ kuljum, fis-soċjetà tagħna, fuq il-post tax-xogħol tagħna. Jekk illum inħarsu lejn din il-belt ta’ Venezja, nammiraw il-ġmiel li jgħaxxaq tagħha, imma nitħassbu wkoll għall-ħafna problematiċi li jhedduha: it-tibdil fil-klima, li għandu impatt fuq l-ilmijiet tal-Laguna u fuq it-territorju; id-dgħufija tal-bini, tal-ġid kulturali, imma anki dik tal-persuni; id-diffikultajiet biex jinħoloq ambjent li jkun jixraq lill-bniedem permezz ta’ immaniġġjar tajjeb tat-turiżmu; u fuq kollox, dak kollu li dawn ir-realtajiet jirriskjaw li jiġġeneraw f’termini ta’ relazzjonijiet soċjali miftuqa, ta’ individwaliżmu u ta’ solitudni.

 

U aħna l-Insara, li aħna friegħi magħquda mad-dielja, id-dielja ta’ dak Alla li jieħu ħsieb l-umanità u ħalaq id-dinja bħala ġnien biex fih aħna nistgħu nwarrdu u nwarrduh, aħna l-Insara, kif se nwieġbu għal dan? Jekk nibqgħu magħqudin ma’ Kristu nistgħu nagħmlu l-frott tal-Vanġelu fir-realtà li ngħixu fiha: frott ta’ ġustizzja u ta’ paċi, frott ta’ solidarjetà u ta’ kura ta’ xulxin; għażliet ta’ attenzjoni għall-ħarsien tal-wirt ambjentali imma anki ta’ dak uman: ma ninsewx il-wirt uman, l-umanità kbira tagħna, dik li Alla nnifsu ħa fuqu biex jimxi magħna; għandna bżonn li l-komunitajiet Insara tagħna, il-postijiet fejn ngħixu, il-bliet, isiru postijiet ospitabbli, akkoljenti, inklużivi. U Venezja, li sa minn dejjem kienet post ta’ laqgħa u ta’ qsim kulturali, hi msejħa tkun sinjal ta’ ġmiel aċċessibbli għal kulħadd, ibda minn dawk tal-aħħar, sinjal ta’ fraternità u ta’ kura tad-dar komuni tagħna. Venezja, art li tagħmel l-aħwa. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard