ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

ĠEWWA VENEZJA

LAQGĦA MAL-ĦABSIN

TISLIMA TAL-PAPA

Bitħa tal-Faċilità Korrettiva għan-nisa f’Venezja, gżira ta’ Giudecca

V Ħadd taż-Żmien tal-Għid, 28 ta’ April 2024

Għeżież ħuti! Aħna lkoll aħwa, ilkoll, u ħadd m’għandu jiċħad lill-ieħor, ħadd!

Insellem bil-qalb lil kulħadd, speċjalment lilkom ħuti, li tinsabu f’dil-faċilità korrettiva ta’ Giudecca. Xtaqt niltaqa’ magħkom fil-bidu taż-żjara tiegħi ġo Venezja biex ngħidilkom li intom għandkom post speċjali f’qalbi.

Għaldaqstant xtaqt li ngħixu dan il-ħin mhux bħala “żjara uffiċjali”, imma bħala laqgħa li matulha, bil-grazzja ta’  Alla, nagħtu lil xulxin il-ħin, it-talb, li nkunu qrib ta’ xulxin, u l-imħabba ta’  aħwa. Illum se noħorġu iktar sinjuri minn din il-bitħa – aktarx huwa jien li se noħroġ minn hawn iktar sinjur – u dak li se naqsmu bejnietna se jkun prezzjuż!

Huwa l-Mulej li jridna niltaqgħu flimkien illum, ġejna minn triqat differenti, xi drabi toroq koroh ħafna, anke minħabba żbalji li minħabba fihom, kull persuna ġġorr ġrieħi u feriti, kull persuna għandha feriti. U Alla laqqagħna flimkien għaliex jaf li aħna lkoll hawnhekk, illum għandna xi ħaġa unika x’nagħtu u x’nirċievu, u li lkoll għandna bżonnha.  Kull persuna hija unika, u għandha rigal, u dan biex toffrih, biex taqsmu mal-oħrajn.

Il-ħabs huwa realtà iebsa, u problemi bħalma huma l-iffullar, in-nuqqas ta’  strutturi u riżorsi, il-vjolenzaċ iġibulkom ħafna tbatija.  Però jista’  jkun ukoll post fejn int titwieled mill-ġdid, titwieled mill-ġdid kemm fuq livell morali kif ukoll materjali, fejn id-dinjità tan-nisa u tal-irġiel ma’ titwarrabx, anzi tkun promossa permezz tar-rispett lejn xulxin u l-kura għat-talenti u l-ħiliet tagħkom li bħalissa aktarx jinsabu moħbijin minħabba dak li għaddejtu minnu, imma li jistgħu jerġgħu joħorġu fil-beraħ għall-ġid ta’ kulħadd – talenti u ħiliet li jistħoqqilhom attenzjoni u fiduċja. Qisu li ħadd ma jneħħi d-dinjità lil ebda persuna. Ħadd.

Għalhekk, b’mod paradossali, li tkun fil-ħabs taf tkun il-bidu ta’ xi ħaġa ġdida, billi niskopru fina u fl-oħrajn affarijiet sbieħ li ma konniex nafu bihom, kif nistgħu naraw fl-attività artistika li qed ittellgħu hawnhekk stess, u li fiha ħadtu sehem b’mod attiv; allura hawnhekk jista’  jsir għalikom post fejn intom tinbnew mill-ġdid, fejn b’kuraġġ tħarsu lejn ħajjitkom u tevalwaw ħajjitkom, tneħħu dak li mhux tajjeb u dak li jfixkilkom, jew dak li hu perikoluż u li hu ta’ ħsara għalikom, u taħdmu proġett għal ħajjitkom u tibdew billi tagħmlu pedamenti tajbin, u permezz ta’ esperjenzi li tagħmlu, tibnu ġebla wara l-oħra b’determinazzjoni. Biex tagħmlu dan, huwa meħtieġ li s-sistema tal-ħabs toffri wkoll għodod u spazji fejn il-bniedem jikber umanament, spiritwalment, kulturalment u professjonalment, billi jkun hemm kundizzjonijiet ħalli intom tistgħu tintegraw ruħkom b’mod san. Jekk jogħġobkom “tiżolawx id-dinjità”, tiżolawx id-dinjità, imma agħtu possibiltajiet ġodda.

Ma ninsewx li lkoll kemm aħna għandna żbalji x’jinħafrulna u feriti x’infejqu, anke jien, u li lkoll kemm aħna nistgħu nsiru persuni mfejqin li nwasslu l-fejqan,  persuni maħfura li nwasslu l-maħfra, persuni li twieldu mill-ġdid li nwasslu twelid ġdid.

Għeżież ħbieb, ejjew inġeddu llum, intom u jien, flimkien, il-fiduċja tagħna fil-ġejjieni: jekk jogħġobkom tagħlqux it-tieqa, dejjem ħarsu ‘l quddiem, dejjem ħarsu lejn il-ġejjieni, bit-tama. Inħobb naħseb fuq it-tama bħallikieku kienet xi ankra, ankrata fil-ġejjieni imma għandna l-ħabel f’idejna u nimxu ‘l quddiem bil-ħabel ankrat fil-ġejjieni. Ejjew nipproponu li nibdew kull ġurnata billi ngħidu: “illum huwa ż-żmien it-tajjeb”, illum, “illum huwa l-jum it-tajjeb”, illum (ara 2 Kor 6,2). Illum nerġa’  nibda mill-ġdid, dejjem, għal ħajti kollha!

Nirringrazzjakom ta’ din il-laqgħa u nwiegħdkom it-talb tiegħi għal kull waħda minnkom.  U intom itolbu għalija, għalija mhux kontrija taf!

U dan hu r-rigal li ġibtilkom. Ħarsu, hija t-tenerezza ta’ omm. U Marija għandha din it-tendenza magħna lkoll, magħna lkoll, għax hi omm it-tenerezza. Grazzi.

U issa qed ikeċċuni. Grazzi, grazzi ħafna, niftakar fikom! Ħarsu ‘l quddiem u kuraġġ, iċċedux, ħarsu ‘l quddiem u kuraġġ!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes