ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-BELT TA’ VENEZJA

LAQGĦA MAL-ARTISTI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Knisja tal-Madalena (Gżira ta’ Giudecca)

Il-Ħames Ħadd ta’ żmien l-Għid, 28 April, 2024

 

Sur Kardinal, Eċċellenzi,
Sur Ministru,
Sur President,
Illustri Kuraturi,
Għeżież Artisti!

Xtaqt ħafna niġi nżur il-Biennale ta’ Venezja biex irrodd lura ż-żjara, kif inhi drawwa tajba bejn il-ħbieb.  F’Ġunju li għadda, infatti, kont ilqajt bil-ferħ ma’ grupp imdaqqas ta’ artisti fil-Cappella Sistina.  Issa jien ġejt “fid-dar tagħkom” biex niltaqa’ magħkom personalment, biex inħossni aktar qrib tagħkom u hekk, irroddilkom ħajr ta’ dak li intom u ta’ dak li tagħmlu.  U fl-istess ħin, minn hawn irrid nibgħat dal-messaġġ lil kulħadd: id-dinja għandha bżonn l-artisti.  Juri dan l-għadd enormi ta’ persuni ta’ kull età li jżuru mkejjen tal-arti; bi pjaċir infakkar li fost dawn il-postijiet hemm il-Kappelli tal-Vatikan, l-ewwel padiljun tas-Santa Sede li twaqqaf fuq il-Gżira ta’ San Ġorġ sitt snin ilu b’kollaborazzjoni mal-Fundazzjoni Cini, fl-ambitu tal-Biennale tal-Arkitettura.

Nistqarr li ħdejkom ma nħossnix barrani: inħossni d-dar.  U naħseb li fir-realtà dan jgħodd għal kull bniedem, għax fil-verità, l-arti hi mlibbsa bl-istatus ta’ “belt il-kenn”, entità li ma tobdix lir-reġim tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni, biex toħloq għamliet ta’ appartenenza umana bil-ħila li tirrikonoxxi, tinkludi, tipproteġi, tħaddan lil kulħadd.  Kulħadd, ibda minn tal-aħħar.

Il-bliet tal-kenn huma istituzzjoni biblika, li diġà tissemma’ fil-kodiċi tad-Dewteronomju (cfr Dw 4,41), iddestinati biex ma jħallux demm innoċenti jiċċarċar u biex iraqqdu x-xewqa għamja tal-vendetta, biex ikunu garanzija għall-ħarsien tad-drittijiet umani u jfittxu toroq ta’ rikonċiljazzjoni.  Ikun importanti kieku l-oqsma artistiċi diversi jsiru kullimkien speċi ta’ xibka ta’ bliet il-kenn, billi jikkollaboraw biex jeħilsu lid-dinja minn paradossi (antinomji) insensati u issa bla sugu, li iżda qed jippruvaw jieħdu r-riedni f’idejhom bir-razziżmu, bil-xenofobija, bid-diżugwaljanza, bl-iskwilibriju ekoloġiku u bl-aporofobija, dan in-neoloġiżmu terribbli li jfisser “avversjoni għall-foqra”.  Wara dawn l-antinomji kollha dejjem hemm ir-rifjut tal-ieħor.  Hemm l-egoiżmu li lil dak li jkun iġibu jiffuzjona qiesu gżira iżolata minflok bħala parti minn xi ġabra ta’ gżejjer li jikkollaboraw bejniethom.  Nitlobkom bil-ħniena, ħbieb artisti, immaġinaw bliet li għadhom ma jeżistux fuq il-mappa: bliet li fihom ebda bniedem ma jitqies stranġier, barrani.  Hu għalhekk li meta ngħidu “stranġieri kullimkien”, inkunu qed nipproponu “fratellanza kullimkien”.

It-titlu tal-padiljun li nisnsabu fih hu “B’għajnejna”.  Ilkoll għandna bżonn min iħares lejna u lkoll għandna nażżardaw inħarsu lejna nfusna.  F’dan, Ġesù hu l-Imgħallem ta’ dejjem: Hu jħares lejn kulħadd bl-intensità ta’ mħabba li ma tiġġudikax, imma jaf ikun qrib u jagħti l-kuraġġ.  U nasal ngħid li l-arti tedukana għal dan it-tip ta’ ħars, mhux possessiv, mhux oġġettivanti, imma lanqas indifferenti, superfiċjali; tedukana għal ħarsa kontemplattiva.  L-artisti jinsabu fid-dinja, imma għandhom sejħa li jmorru lil hinn minnha.  Per eżempju, illum aktar minn qatt qabel, hu importanti li jagħrfu jagħmlu distinzjoni ċara bejn l-arti u s-suq.  Ċertament is-suq jippromwovi u jikkanonizza, imma dejjem hemm ir-riskju li l-kreattività jagħmilha “vampiru”, jisraq l-innoċenza u, fl-aħħar, lil dak li jkun jurih kif dak li għandu jagħmel, jagħmlu bl-indifferenza.

Illum għażlina li niltaqgħu hawn ilkoll flimkien, fil-ħabs tal-Giudecca.  Hu minnu li ħadd m’għandu l-monopolju tan-niket uman.  Iżda hemm ferħ u tbatija li jingħaqdu flimkien fil-femminil f’għamla unika u li għandna nagħtuha widen, għaliex huma għandhom xi ħaġa importanti x’jgħallmuna.  Qed niftakar f’artisti bħal Frida Khalo, Corita Kent jew Louise Bourgeois, u tant oħrajn.  Nawgura b’qalbi kollha li l-arti kontemporanja tkun tista’ twessagħlna ħarsitna u tgħinna nivvalorizzaw kif jixraq il-kontribut tan-nisa, bħala ko-protagonisti tal-avventura umana.

Għeżież artisti, niftakar fil-mistoqsija li Ġesù għamel lill-folol dwar Ġwanni l-Battista: “X’mortu taraw fid-deżert?  Xi qasba tixxejjer mar-riħ?  Allura x’mortu taraw?” (Mt 11,7.8).  Inżommu dil-mistoqsija fi qlubna, fil-qalb tagħna.  Din timbuttana lejn il-ġejjieni.

Grazzi!  Intom tinsabu fit-talb tiegħi.  U jekk jogħġobkom, itolbu għalija.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber