VELJA EKUMENIKA TA’ TALB

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Is-Sibt 30 ta’ Settembru 2023

 

Together”. “Flimkien”. Bħall-komunità Nisranija tal-bidu nhar Għid il-Ħamsin. Bħala merħla waħda, maħbuba u miġmugħa minn Ragħaj wieħed, Ġesù. Bħall-ġemgħa kbira tal-Apokalissi ninsabu hawn, aħwa “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien” (Apok 7:9), ġejjin minn komunitajiet u pajjiżi differenti, ulied l-istess Missier, maħbuba mill-Ispirtu li rċivejna fil-Magħmudija, imsejħin għall-istess tama (ara Efes 4:4-5).

 

Grazzi tal-preżenza tagħkom. Grazzi lill-komunità ta’ Taizé għal din l-inizjattiva. Insellem b’għożża kbira lill-Kapijiet tal-Knejjes, lill-mexxejja u lid-delegazzjonijiet tad-diversi tradizzjonijiet Insara, u nsellem lilkom ilkoll, speċjalment liż-żgħażagħ: grazzi! Grazzi li ġejtu titolbu għalina u magħna, f’Ruma, qabel l-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, lejlet l-irtir spiritwali ta’ qabilha. “Syn-odos”: nimxu flimkien, mhux biss il-Kattoliċi, imma l-Insara kollha, il-Poplu kollu tal-imgħammdin, il-Poplu kollu ta’ Alla, għax huwa “biss il-flimkien li jista’ jkun l-għaqda ta’ kulħadd” (J.A. Möhler, Symbolik oder Darstellung der dogmatischen Gegensätze der Katholiken und Protestanten nach ihren öffentlichen Bekenntnisschriften, II, Köln-Olten 1961, 698).

 

Bħall-ġemgħa kbira tal-Apokalissi, tlabna fis-skiet, smajna “skiet kbir” (ara Apok 8:1). U s-skiet hu importanti, hu b’saħħtu: jista’ jesprimi niket bla tarf quddiem id-diżgrazzji, imma anki, fil-mumenti ta’ ferħ, hena li jmur lil hemm mill-kliem. Għalhekk nixtieq fil-qosor nirrifletti magħkom fuq l-importanza tiegħu fil-ħajja ta’ min jemmen, fil-ħajja tal-Knisja u fil-mixja tal-għaqda tal-Insara. L-importanza tas-skiet.

 

L-ewwel: is-skiet hu essenzjali fil-ħajja ta’ min jemmen. Fil-fatt jinsab fil-bidu u fit-tmiem tal-ħajja ta’ Kristu fuq din l-art. Il-Verb, il-Kelma tal-Missier, sar “skiet” fil-maxtura u fuq is-salib, fil-lejl tat-Twelid u f’dak tal-Għid. Illejla aħna l-Insara waqafna siekta quddiem il-Kurċifiss ta’ San Damjan, bħal dixxipli b’widnejhom miftuħa quddiem is-salib, li hu l-katedra tal-Imgħallem. Aħna ma skitniex fil-vojt, imma dan kien mument mimli bl-istennija u d-disponibbiltà. F’dinja mimlija storbju aħna m’għadniex imdorrijin fis-skiet, anzi xi kultant insibuha bi tqila biex nissaportuh, għax iqegħidna quddiem Alla u quddiemna nfusna. Imma dan kien fil-bażi tal-kelma u tal-ħajja. San Pawl jgħid li l-misteru tal-Verb inkarnat kien “moħbi fis-skiet tal-eternità” (Rum 16:25), u hekk jgħallimna li s-skiet iħares il-misteru, kif Abraham ħares il-Patt, kif Marija ħarset f’ġufha u ħasbet bejnha u bejn ruħha fuq il-ħajja ta’ Binha (ara Lq 1:31; 2:19,51). Mill-bqija, biex tilħaq il-qalb tal-bnedmin, il-verità ma għandhiex bżonn ta’ għajjat vjolenti. Alla ma jogħġbuhx il-proklami u l-ħsejjes, it-tpaċpiċ u l-għagħa: Alla pjuttost jippreferi, kif għamel ma’ Elija, li jitkellem fiż-“żiffa ħelwa” (1 Slat 19:12), f’“nitfa ħoss ta’ skiet”. U allura aħna wkoll, bħal Abraham, bħal Elija, bħal Marija għandna bżonn ninħelsu minn tant storbji biex nisimgħu l-leħen tiegħu. Għax fis-skiet tagħna biss tista’ tidwi l-Kelma tiegħu.

 

It-tieni: is-skiet hu essenzjali fil-ħajja tal-Knisja. L-Atti tal-Appostli jgħidu li, wara d-diskors ta’ Pietru fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm, “waqa’ skiet fuq il-ġemgħa kollha” (Atti 15:12), li kienet qed tħejji ruħha biex tilqa’ x-xhieda ta’ Pawlu u Barnaba dwar is-sinjali u l-għeġubijiet li Alla kien għamel fost il-ġnus. U dan ifakkarna li s-skiet, fil-komunità ekkleżjali, jagħmel possibbli l-komunikazzjoni fraterna, li fiha l-Ispirtu s-Santu jpoġġi f’armonija l-veduti differenti, għax hu l-armonija. Inkunu sinodali jfisser nilqgħu lil xulxin b’dan il-mod, fl-għarfien li lkoll għandna xhieda x’nagħtu u għandna x’nitgħallmu, meta flimkien nagħtu widen għall-“Ispirtu tal-verità” (Ġw 14:17) biex nagħrfu dak li hu “jgħid lill-Knejjes” (Apok 2:7). U s-skiet jagħti tassew lok għad-dixxerniment, permezz tas-smigħ attent tat-“tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem” (Rum 8:26) tal-Ispirtu li jħalli eku, spiss moħbi, fil-Poplu ta’ Alla. Mela ejjew nitolbu lill-Ispirtu d-don tas-smigħ għall-parteċipanti tas-Sinodu: “smigħ ta’ Alla, sa ma jaslu biex flimkien miegħu jisimgħu l-karba tal-poplu; smigħ tal-poplu, sa ma jaslu biex jieħdu l-istess nifs tar-rieda li Alla jsejħilna għaliha” (Diskors fl-okkażjoni tal-Velja ta’ Talb bi tħejjija għas-Sinodu fuq il-Familja, 4 ta’ Ottubru 2014).

 

U fl-aħħar, it-tielet: is-skiet hu essenzjali fil-mixja tal-għaqda tal-Insara. Fil-fatt huwa fundamentali għat-talb, li minnu jibda l-ekumeniżmu u li mingħajru huwa sterili. Fil-fatt, Ġesù talab biex id-dixxipli tiegħu “jkunu ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Is-skiet li jsir talb jagħtina li nilqgħu d-don tal-għaqda “kif iridha Kristu”, “bil-mezzi li jrid hu” (ara P. Couturier, Talb għall-għaqda), mhux bħala frott awtonomu tal-isforzi tagħna u skont kriterji purament umani. Iktar ma nduru flimkien lejn il-Mulej fit-talb, iżjed inħossu li huwa hu li jsaffina u jgħaqqadna minkejja d-differenzi. L-għaqda tal-Insara tikber fis-skiet quddiem is-salib, proprju bħaż-żerriegħa li se nirċievu u li tirrappreżenta d-diversi doni msawba mill-Ispirtu s-Santu fuq id-diversi tradizzjonijiet: aħna għandna x-xogħol li niżirgħuha, fiċ-ċertezza li Alla biss jaf ikabbarha (ara 1 Kor 3:6). Din se tkun sinjal għalina, imsejħin biex aħna wkoll immutu fis-skiet għall-egoiżmu biex nikbru, permezz tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, fil-komunjoni ma’ Alla u fil-fraternità bejnietna.

 

Għalhekk, ħuti, ejjew, fit-talb komuni tagħna, nitolbu li nitgħallmu mill-ġdid kif nisktu: biex nagħtu widen għal-leħen tal-Missier, is-sejħa ta’ Ġesù u t-tnehid tal-Ispirtu. Nitolbu li s-Sinodu jkun kairós ta’ fraternità, post fejn l-Ispirtu s-Santu jsaffi lill-Knisja mit-tqassis, mill-ideoloġiji u mill-polarizzazzjonijiet. Aħna u mexjin lejn l-anniversarju importanti tal-Konċilju kbir ta’ Nicea, nitolbu li nkunu nafu kif, magħqudin u fis-skiet, bħall-Maġi naduraw il-misteru ta’ Alla magħmul bniedem, żguri li iktar ma nersqu qrib ta’ Kristu, iżjed inkunu magħqudin bejnietna. U bħalma l-għorrief tal-Lvant ġew immexxija lejn Betlehem minn kewkba, hekk id-dawl smewwi jmexxina lejn is-Sid waħdieni tagħna u lejn l-għaqda li għaliha huwa talab. Ħuti, ejjew nimxu flimkien, mixtieqa li niltaqgħu miegħu, nadurawh u nxandruh “biex id-dinja temmen” (Ġw 17:21).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard