MESSAĠĠ URBI ET ORBI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MILIED 2020

Aula delle Benedizione

Il-Ġimgħa, 25 ta' Diċembru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-Milied it-tajjeb!

Nixtieq inwassal lilkom ilkoll il-messaġġ imħabbar mill-Knisja f'dil-festa, bi kliem il-Profeta Iżaija: "Tweldilna tifel, ingħatalna iben" (Iż 9,5)

Twieldet tarbija: it-twelid dejjem hu għajn ta' tama, hu ħajja li tinbet, hu wegħda ta' ġejjieni. U din it-tarbija, Ġesù, "twieldet għalina": għalina lkoll bla konfini, mingħajr privileġġi, ħadd imwarrab. It-tarbija li welldet Marija f'Betlem twieldet għal kulħadd: hija "I-iben" li Alla ta lill-familja umana kollha kemm hi.

Bis-saħħa ta' dit-tarbija lkoll nistgħu nduru lejn Alla u nsejħulu "Missier", "Papà".  Ġesù hu l-Waħdieni; ħadd aktar ma jaf lill-Missier, ħliefu.  Imma hu ġie fid-dinja propju biex jurina l-wiċċ tal-Missier.  U b'hekk, bis-saħħa ta' dit-tarbija, ilkoll nistgħu nissejħu u nkunu verament aħwa; minn kull kontinent, minn kull lingwa u kultura, bl-identitajiet u d-diversitajiet tagħna, iżda xorta waħda aħwa.

F'dan il-mument storiku, immarkat mill-kriżi ekoloġika u minn żbilanċ qawwi ekonomiku u soċjali, imtaqqal mill-pandemija tal-coronavirus, aktar minn qatt qabel neħtieġu l-fraternità.  U Alla joffrihielna billi jirregalalna lil Ibnu Ġesù: mhix fraternità magħmula minn kliem sabih, ideali astratti, sentimenti mċajpra.... Le.  Fraternità mibnija fuq imħabba vera, bil-ħila li tiltaqa' mal-ieħor li hu differenti minni, li tħoss miegħu tbatijietu, li tersaq lejh u tieħu ħsiebu anki jekk mhux parti mill-familja tiegħek, mir-razza tiegħek, tar-reliġjon tiegħek; hu differenti minni imma dejjem hu ħija, oħti.  U dan jgħodd ukoll għar-relazzjonijiet bejn il-popli u n-nazzjonijiet: ilkoll aħwa!

Fil-Milied niċċelebraw id-dawl ta' Kristu li jiġi fid-dinja u Hu jiġi għal kulħadd: mhux għal xi wħud biss.  Illum, f'daż-żmien ta' dlam u inċertezzi minħabba l-pandemija, qed ifiġġu diversi raġġi ta' tama, bħalma hi l-iskoperta tal-vaċċini. Imma biex dawn ir-raġġi jkunu jistgħu jdawlu u jwasslu t-tama lid-dinja kollha, hemm bżonn li jkunu għad-dispożizzjoni ta' kulħadd.  Ma nistgħux nippermettu li n-nazzjonaliżmi bla sens ma jħalluniex ngħejxu bħala familja umana vera bħalma aħna.  U lanqas nistgħu nħallu l-virus tal-individwaliżmu radikali jegħlibna u jirrendina indifferenti quddiem it-tbatija ta' ħutna l-oħra.  Ma nistax inqiegħed lili nnifsi qabel l-oħrajn u nqiegħed il-liġijiet tas-suq u tal-brevetti tal-invenzjonijiet 'il fuq mill-liġijiet tal-imħabba u tas-saħħa tal-umanità.  Nitlob lil kulħadd: lil min hu responsabbli fl-istati, lill-kumpanijji, lill-organi internazzjonali biex jippromovu l-koperazzjoni u biex inqassu l-piki filwaqt li jfittxu soluzzjonijiet ta' fejda għal kulħadd, speċjalment għall-aktar vulnerabbli u fil-bżonn, fir-reġjunijiet kollha tal-pjaneta.  Fl-ewwel post, kull min hu l-aktar vulnerabbli u fil-bżonn!

It-Tarbija ta' Betlem b'hekk tgħinna nkunu disponibbli, ġenerużi u solidali speċjalment mal-persuni l-aktar fraġli, il-morda u kull min f'daż-żmien spiċċa bla xogħol jew jinsab f'diffikultajiet kbar minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija, kif ukoll in-nisa li f'dawn ix-xhur ta' iżolament sofrew il-vjolenza domestika.

Quddiem sfida li ma tafx b'limiti ma nistgħux nibnu ħitan.  Ilkoll ninsabu f'baħar wieħed.  Kull persuna hi ħija, oħti.  F'kull persuna nara bħal f'mera l-wiċċ ta' Alla u f'dawk li qed ibatu nilmaħ lill-Mulej li qed jitlob l-għajnuna tiegħi.  Narah fil-marid, fil-fqir, f'min hu bla xogħol, fl-emarġinat, fil-migrant u r-rifuġjat: ilkoll ħutna!

Fil-jum li fih il-Verb ta' Alla jsir tarbija, indawru ħarsitna lejn il-bosta tfal li fid-dinja kollha, speċjalment fis-Sirja, fl-Iraq u fil-Yemen għadhom iħallsu prezz għoli tal-gwerra.  Wiċċhom jheżżeż il-kuxjenzi tal-bnedmin ta' rieda tajba biex ikunu ffaċċjati l-kawżi tal-kunflitti u b'impenn kuraġġuż jinbena ġejjieni ta' paċi.

Ħalli dan ikun iż-żmien propizju biex jittaffew it-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani u fil-Mediterran tal-punent.

Ġesù Bambin ifejjaq il-ġrieħi tal-maħbub poplu sirjan, li issa ilu għaxar snin mifni mill-gwerra u l-konsegwenzi tagħha, li ħżienu aktar minħabba l-pandemija.  Jalla jagħti l-faraġ lill-poplu iraqqin, iwieżen  lil dawk kollha li huma impenjati fil-mixja tar-rikonċiljazzjoni, partikolarment f'isem il-yażidi, li ntlaqtu bl-ikraħ tul dawn l-aħħar snin tal-gwerra.  Iġib il-paċi fil-Libja u jwassal biex il-fażi ġdida tan-negozjati li għaddejjin bħalissa, fl-aħħar  iġibu fi tmiemha kull għamla ta' ostilità fil-pajjiż.

Jalla t-Tarbija ta' Betlem tnissel il-fraternità fl-art li ratu jitwieled.  L-iżraeljani u l-palestinjani jistgħu jiksbu lura l-fiduċja reċiproka biex ifittxu paċi ġusta u dejjiema permezz ta' djalogu dirett, bil-ħila li jegħleb il-vjolenza u l-imrar endemiku, biex huma jsiru xhieda għad-dinja tas-sbuħija tal-fraternità.

Jalla l-kewkba li dawlet il-lejl tal-Milied tkun gwida u inkoraġġiment għall-poplu lebaniz, sabiex, fid-diffikultajiet li jinsab fihom bħalissa, bis-sapport tal-komunità internazzjonali, ma jitlifx it-tama.  Jalla l-Prinċep tal-Paċi jgħin lil min hu responsabbli f'dak il-pajjiż biex iwarrab l-interessi partikolari u jimpenja ruħu bis-serjetà, bl-onestà u t-trasparenza ħalli l-Libanu jkun jista' jaqbad mixja ta' riformi u jibqa' miexi 'l quddiem fil-vokazzjoni tiegħu tal-libertà u konvivenza paċifika.

Jalla l-Iben tal-aktar Għoli jwieżen l-impenn tal-komuntà internazzjonali u tal-pajjiżi interessati biex jibqa' fis-seħħ il-waqfien mill-ġlied fin-Nagorno-Karabakh, kif ukoll fir-reġjuni orjentali tal-Ukrajna, u jintagħżel id-djalogu bħala t-triq waħdanija li twassal għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

Jalla t-Tarbija Divina ttaffi t-tbatijiet tal-popolazzjonijiet tal-Burkina Faso, tal-Mali u tan-Niger, li għaddejjin minn kriżi umanitarja kbira u li fil-qofol tagħha hemm  estremiżmi u kunflitti bl-armi, imma wkoll minħabba l-pandemija u diżastri naturali oħra; jalla twaqqaf il-vjolenza fl-Etjopja, fejn minħabba l-ġlied, ħafna nies qed ikollhom jaħarbu; jalla ġġib il-faraġ lill-abitanti tar-reġjun ta' Cabo Delgado, fit-tramunata tal-Mozambique, vittmi tal-vjolenza terroristica internazzjonali; jalla tixpruna lil min hu responsabbli fis-Sudan t'Isfel, fin-Nigerja u fil-Camerun biex ikomplu l-mixja ta' fraternità u djalogu li bdew bejniethom.

Jalla l-Verb etern tal-Missier ikun għajn ta' tama għall-kontinent amerikan, li ntlaqat iebes mill-coronavirus, li kompla jħażżen il-ħafna tbatijiet li qed jgħakksuh, spiss eżasperat mill-konsegwenzi tal-korruzzjoni u t-traffikar tas-sustanzi.  Jalla jgħin biex it-tensjonijiet soċjali li nqalgħu m'ilux fiċ-Ċili jingħelbu u sabiex tintemm it-tbatija tal-poplu venezwelan.

Jalla s-Sultan tas-Sema jħares il-popolazzjonijiet ifflaġellati mid-diżastri naturali fix-xlokk tal-Asja, b'mod partikolari fil-Filippini u fil-Vjetnam, fejn għadd kbir ta' tempesti ġabu magħhom għarar  b'konsegwenzi devastanti fuq il-familji  li jgħixu f'adwk l-artijiet, kemm fl-għadd tal-ħajjiet umani, kif ukoll fi ħsara għall-ambjent u l-konsegwenzi fl-ekonomiji lokali.

U bi ħsiebi fl-Asja, ma nisrtax ninsa lill-poplu Rohingya:  jalla Ġesù, li twieled fqir fost il-fqar, inissel fihom it-tama fit-tbatijiet li għaddejjin minnhom.

Għeżież ħuti,

"Tweldilna tifel" (Iż 9,5).  Ġie biex isalvana!  Hu jħabbrilna li t-tbatija u l-ħażen m'għandhomx l-aħħar kelma.  Ir-rassenjazzjoni għall-vjolenza u għall-inġustizzji jkunu jfissru ċaħda tal-ferħ u tat-tama tal-Milied.

F'dal-jum ta' festa, indawwar ħsiebi b'mod partikolari lejn dawk li ma jħallux iċ-ċirkostanzi kuntrarji jgħelbuhom, imma jimpenjaw ruħhom biex iwasslu t-tama, faraġ u għajnuna billi jgħinu lil min qed ibati u jakkumnpanjaw lil min jinsab waħdu.

Ġesùt wieled fi stalla, imma mgeżwer fl-imħabba tal-Verġni Marija u ta' San Ġużepp.  Imwieled fil-laħam, Iben Alla kkonsagra l-imħabba tal-familja.  F'dal-ħin ħsiebi jdur lejn il-familji: dawk li llum ma jistgħux jiltaqgħu, kif ukoll dawk li jkollhom bilfors jibqgħu d-dar.  Jalla l-Milied ikun għal kulħadd okkażjoni biex jiskopru mill-ġdid il-familja bħala l-benniena tal-ħajja u tal-fidi; imkien ta' mħabba akkoljenti,  djalogu, maħfra, solidarjetà fraterna u ferħ flimkien, għajn ta' paċi għall-umanità kollha.

 

Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd!

Għeżież ħuti, inġedded l-awguri tiegħi ta' Milied hieni lilkom ilkoll magħqudin magħna f'kull rokna tad-dinja permezz tar-radju, tat-televiżjoni u mezzi oħra ta' komunikazzjoni.  Irroddilkom ħajr għall-preżenza spiritwali tagħkom f'dal-jum ikkaratteriżżat mill-ferħ.  F'dal jiem, li fihom l-atmosfera tal-Milied tistieden lill-bnedmin biex isiru aħjar u aktar fraterni, ma ninsewx nitolbu għall-familji u l-komunitajiet li jgħixu fost ħafna sofferenzi.  Jekk jogħġobkom, komplu itolbu għalija wkoll.  L-ikla tal-Milied it-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber