MESSAĠĠ ‘URBI ET ORBI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MILIED 2021

Is-Sibt, 25 ta’ Diċembru, 2021

 

Għeżież ħuti, il-Milied it-tajjeb!

 

Il-Kelma t’Alla li ħalqet id-dinja u li tagħti sens lill-istorja u lill-mixja tal-bniedem, saret laħam u ġiet tgħammar fostna.  Dehret qiesha fewġa, qiesha t-tħaxwix ta’ żiffa ħelwa, biex tfawwar il-qalb ta’ kull raġel u mara mifutħin għall-misteru.

Il-Verb sar laħam biex jiddjaloga magħna.  Alla ma jridx jitkellem waħdu, imma jrid djalogu.  Għax Alla nnifsu, Missier Iben u Spirtu s-Santu, huwa djalogu, komunjoni eterna u bla tarf ta’ mħabba u ħajja.

Meta ġie fid-dinja, fil-Persuna tal-Verb inkarnat, Alla wriena t-triq tal-laqgħa u djalogu.  Anzi Hu stess inkarna fih dit-Triq, sabiex aħna nsiru nafuha u nterrquha bil-fiduċja u t-tama.

Ħuti, “xi tkun id-dinja nieqsa mid-djalogu paċenzjuż bejn tant persuni ġenerużi li żammew familji u komunitajiet magħqudin?” (Enċ Fratelli tutti, 198).  F’daż-żmien ta’ pandemija aħna sirna konxji ta’ dan aktar minn qabel.  Il-ħila tagħna fejn jidħlu r-relazzjonijiet soċjali għaddejja minn prova iebsa ħafna; qed tissaħħaħ it-tendenza li ningħalqu, infendu għal rasna, u nirrifjutaw li noħorġu, li niltaqgħu, li nagħmlu l-affarijiet flimkien.  Fil-livell internazzjonali wkoll hemm ir-riskju li jkun imwarrab id-djalogu, ir-riskju li l-kriżi kumplikata twassal għal għażliet li jaqtgħu fil-qasir minflok ifittxu t-toroq itwal tad-djalogu; iżda dawn tal-aħħar, waħedhom, fir-realtà, jwasslu għas-soluzzjoni tal-kunflitti u għal benefiċċji maqbula u dejjiema.

Fil-fatt, waqt li madwarna u madwar id-dinja kollha tidwi l-aħbar tat-twelid tas-Salvatur, għajn tal-paċi vera, għadna naraw bosta kunflitti, kriżijiet u kuntradizzjonijiet.  Donnhom ma jieqfu qatt u kważi mank għandna nindunaw bihom.  Tant drajniehom li traġedji kbar donnhom jgħaddu bla ma nagħtu kashom; qed nirriskjaw li ma nisimgħux il-karba tal-uġigħ u d-disperazzjoni ta’ tant ħutna.

Niftakru fil-poplu sirjan, li għal aktar minn għaxar snin ilu jgħix fi gwerra li ħalliet bosta vittmi u għadd bla qies ta’ turufnati.  Inħarsu lejn l-Iraq, li għadu jsibha bi tqila jerfa’ rasu wara li ntemm il-kunflitt twil.  Nisimgħu l-għajta tat-tfal li ġejja mill-Yemen, fejn traġedja bla qies, minsija minn kulħadd, ilha snin għaddejja fis-skiet u qed tħalli ħafna mejta ta’ kuljum.

Niftakru fit-tensjonijiet bla tmiem bejn l-iżraeljani u  l-palestinjani, li ilhom ikaxkru mingħajr soluzzjoni b’konsegwenzi soċjali u politiċi dejjem jiżdiedu.  Ma ninsewx lil Betlem, il-post fejn Ġesù ra d-dawl, li għadha għaddejja minn żminijiet diffiċli anki minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi li ġabet il-pandemija, u li qed tkun ostaklu biex il-pellegrini jmorru jżuru l-Art Imqaddsa, minbarra li qed ikollha effetti negattivi fuq il-ħajja tal-popolazzjoni.  Niftakru fil-Libanu li għaddej minn kriżi bla preċedent u jinsab f’kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali ta’ tħassib kbir.

Imma, hekkhu, fis-satra tal-lejl, is-sinjal tat-tama!  Illum ”l-imħabba li tmexxi x-xemx u l-kwiekeb l-oħra” (Paradiso XXXIII, 145), kif jgħid Dante, sar bniedem.  Ħa fuqu s-sura umana, qasam magħna d-drammi tagħna u ġarraf il-ħajt tal-indifferenza tagħna.  Fil-kesħa tal-lejl qed jiftaħ dirgħajh ċkejknin lejna: għandu bżonn kollox imma jiġi biex itina kollox.  Nitolbuh itina l-qawwa li nkunu miftuħin għad-djalogu.  F’dal-jum ta’ festa nitolbuh bil-ħeġġa biex iqanqal fi qlub kulħadd ħerqa għar-rikonċiljazzjoni, ħerqa għall-fraternità.  Aħna nduru lejh b’dis-supplika tagħna.

Bambin Ġesù, agħti l-paċi u l-armonija lill-Lvant Nofsani u lid-dinja kollha.  Wieżen lil kulmin hu impenjat biex jagħti għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet imġagħlin jaħarbu mill-patrija tagħhom; farraġ lill-poplu tal-Afghanistan, li għal aktar minn erbgħin sena ilu jsofri bil-kbir minħabba kunflitti li mbuttaw lil ħafna biex jitilqu mill-pajjiż.

Sultan tal-Ġnus, għin lill-awtoritajiet politiċi biex iġibu l-paċi fis-soċjetajiet imġarrba mit-tensjonijiet u l-konfrontazzjoni.  Wieżen il-poplu tal-Myanmar, fejn l-intolleranza u l-vjolenza mhux rari li jolqtu wkoll lill-komunità nisranija u l-imkejjen tal-kult, u qed joskuraw il-wiċċ paċifiku tal-popolazzjoni.

Kun dawl u sostenn għal min jemmen u jaħdem, anki billi jmur kontra l-kurrent, favur il-laqgħa u d-djalogu, u tħallix li fl-Ukrajna tibqa’ tinfirex il-metastasi tal-kunflitt li kkankra.

Prinċep tal-Paċi, assisti lill-Etjopja biex issib mill-ġdid it-triq tar-rikonċiljazzjoni u l-paċi f’diskussjoni sinċiera li tqiegħed fl-ewwel post il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni.  Isma’ l-għajta tal-popolazzjonijiet tar-reġjun ta’ Sahel, li qed iġarrbu l-vjolenza minħabba t-terroriżmu internazzjonali.  Dawwar ħarstek lejn il-popli tal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq imġarrbin minħabba l-firdiet, in-nuqqas ta’ xogħol u d-diskrepanzi ekonomiċi; u taffi t-tbatijiet ta’ tant ħutna li qed isofru minħabba l-kunflitti interni fis-Sudan u s-Sudan t’Isfel.

Agħmel li fil-qlub tal-popli tal-kontinent amerikan isaltnu l-valuri tas-solidarjetà, tar-rikonċiljazzjoni u tal-konvivenza paċifika, bis-saħħa tad-djalogu, tar-rispett reċiproku u l-għarfien tad-drittijiet u l-valuri kulturali tal-bnedmin kollha.

Iben Alla, farraġ lill-vittmi tal-vjolenza fuq in-nisa li hi tant mifruxa f’daż-żmien ta’ pandemija.  Offri tama lit-tfal u l-adoloxxenti vittmi tal-bulliżmu u l-abbużi.  Agħti l-konsolazzjoni u l-għożża lil-anzjani, speċjalment lil dawk li l-aktar jinsabu waħdehom.  Nissel l-hena u l-għaqda fil-familji, imkien primarju tal-edukazzjoni u pedament tan-nisġa soċjali.

Alla-magħna, agħti s-saħħa lill-morda u nebbaħ lill-persuni kollha ta’ rieda tajba biex isibu soluzzjonijiet addattati ħalli tkun megħluba l-kriżi sanitarja u l-konsegwenzi tagħha.  Agħmel li l-qlub ikunu ġenerużi, sabiex iwasslu l-kura meħtieġa, speċjalment il-vaċċini, għand il-popolazzjonijiet l-aktar fil-bżonn.  Agħti l-ħlas lil dawk kollha li jagħtu attenzjoni u jiddedikaw ruħhom biex jieħdu ħsieb lill-familjari, lill-morda u lill-aktar dgħajfa.

Bambin ta’ Betlem, agħmel li l-priġinieri tal-gwerra, ċivili u militari, tal-kunflitti ta’ dan l-aħħar, kulmin jinsab il-ħabs għal raġunijiet politiċi, jerġgħu lura lejn djarhom bla telf ta’ żmien.  Tħallix li nibqgħu indifferenti quddiem id-dramm tal-migranti, tal-itturufnati u tar-rifuġjati.  Għajnejhom jitolbuna biex ma ndawrux wiċċna n-naħa l-oħra, biex ma nirroftawx l-umanità li tgħaqqadna lkoll flimkien, li nagħmlu tagħna l-istejjer tagħhom u ma ninsewx id-drammi tagħhom (1).

Verb etern li sirt laħam, agħmel li aħna nagħtu attenzjoni akbar lid-dar komuni tagħna, għax hi wkoll qed tbati minħabba l-mod ħażin li aħna spiss nittrattawa bih, u xpruna lill-awtoritajiet politiċi biex isibu qbil effikaċi sabiex il-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikunu jistgħu jgħixu f’ambjent li jirrispetta l-ħajja.

Għeżież ħuti,

hawn tant diffikultajiet fi żmienna, imma t-tama hi aktar qawwija għax “twieldet tarbija għalina” (Iż 9, 5).  Huwa l-Kelma t’Alla li sar in-fante (tfajjel), li jista’ biss jibki u li jeħtieġ kollox.  Kien jeħtieġ li jitgħallem jitkellem, bħal kull tifel ieħor, sabiex aħna nitgħallmu nisimgħu lil Alla, Missierna, nisimgħu lil xulxin u niddjalogaw bejnietna bħall-aħwa.

O Kristu, imwieled għalina, għallimna nimxu flimkien miegħek fit-toroq tal-paċi.

Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd!

 

[1] Cfr Diskors fir-“Reception and Identification Centre”, Mytilene, 5 ta’ Diċembru, 2021.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber