Laikos

 

 

MESSAĠĠ «URBI ET ORBI»
TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

ĦADD IL-GĦID 2025

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 20 ta’ April, 2025

 Kristu qam mill-mewt, alleluja!

Ħuti, l-Għid it-tajjeb!

 

Saflaħħar illum fil-Knisja tidwi l-alleluja, hi eku li jgħaddi minn fomm għal ieħor, minn qalb għal qalb, u l-għana tagħha jislet dmugħ ta’ hena fil-poplu t’Alla fid-dinja kollha.

Mill-qabar vojt ta’ Ġerusalemm tasal sa għandna t-tħabbira li qatt ma nstama’ bħalha: Ġesù, l-Imsallab, “mhux qiegħed hawn, qam” (Lq 24,6).  Ma jinsabx fil-qabar, hu ħaj!

 

L-imħabba għelbet il-mibegħda.  Id-dawl keċċa d-dlam. Il-verità rebħet fuq il-gideb.  Il-maħfra għelbet il-vendetta.  Il-ħażen ma għebx mill-istorja tagħna, se jibqa’ magħna sal-aħħar, imma m’għadux minn fuq, m’għadx għandu setgħa fuq min jilqa’ l-grazzja ta’ dil-ġurnata.

 

Ħuti, speċjalment intom li tinsabu fl-hemm u fl-ansjetà, l-għajta siekta tagħkom instemgħet, dmugħkom inġabar, ebda demgħa ma sfat fix-xejn!  Fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, Alla ħa fuqu l-ħażen kollu tad-dinja u bil-ħniena bla tarf tiegħu rebaħlu: qaċċat il-kburija djabolika li tavvelena qalb il-bniedem li tiżra’ ma’ kullimkien il-vjolenza u l-korruzzjoni.  Il-Ħaruf t’Alla ħareġ rebbieħ!  Għaldaqstant illum nistqarru: “Kristu, tama tiegħi, irxoxta!” (Sekwenza tal-Għid).

 

Iva, il-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù hu s-sies tat-tama: mal-bidu ta’ dil-ġrajja, it-tama ma baqgħetx aktar illużjoni.  Le.  Bis-saħħa ta’ Kristu msallab u rxuxtat, it-tama ma tqarraqx!  Spes non confundit! (cfr Rum 5,5).  U mhix tama evasiva, imma impenjattiva, ma taljenax imma tirresponsabbilizza.

 

Kulmin jittama f’Alla jqiegħed idejh dgħajfa fl-idejn kbar u qawwija tiegħu, iħallih jerġa’ jerfgħu biex jibda’ l-mixja: flimkien ma’ Ġesù Rxoxt isir pellegrin tat-tama, xhud tar-rebħa tal-Imħabba, tal-qawwa diżarmanti tal-Ħajja.

 

Kristu rxoxta!  F’din l-aħbar hemm miġbur is-sens kollu tal-eżistenza tagħna li mhix magħmula għall-mewt imma għall-ħajja.  L-Għid hu l-festa tal-ħajja!  Alla ħalaqna għall-ħajja u jrid li l-umanità tirxoxta mill-ġdid!  F’għajnejh kull ħajja hi prezzjuża!  Dik tat-tarbija f’ġuf ommha, kif ukoll dik tal-anzjan u tal-marid, li f’għadd dejjem jiżdied ta’ pajjiżi, huma meqjusin persuni għall-iskart.

 

Kemm għatx għall-mewt naraw ta’ kuljum fil-bosta kunflitti li qed jolqtu diversi nħawi tad-dinja!  Kemm vjolenza naraw ta’ spiss anki fil-familji, fuq in-nisa u t-tfal!  Kemm hemm disprezz lejn min hu l-aktar dgħajjef, lejn l-emarġinati, lejn il-migranti!

 

F’dal-jum nixtieq li nerġgħu lura għat-tama u jkollna fiduċja f’xulxin, ukoll f’dawk li mhumiex qrib tagħna jew ġejjin minn artijiet imbiegħda bi tradizzjonijiet, stili ta’ ħajja, ideat, drawwiet li m’aħniex familjari magħhom, għax ilkoll ulied Alla!

 

Nixtieq li terġa’ titkebbes it-tama li l-paċi hi possibbli!  Mill-Qabar Imqaddes, fil-Knisja tar-Riżurrezzjoni, fejn dis-sena l-Għid qed ikun iċċelebrat fl-istess jum mill-kattoliċi u mill-ortodossi, jalla jleħħ id-dawl tal-paċi fuq l-Art Imqaddsa kollha u fuq id-dinja kollha.  Jien qrib it-tbatijiet tal-insara fil-Palestina u f’Iżrael, kif ukoll qrib il-poplu kollu iżraeljan u l-poplu palestinjan kollu.  Il-klima ta’ antisemitiżmu li qed tiħrax madwar id-dinja kollha, hi ta’ tħassib.  Fl-istess ħin ħsiebi jdur lejn il-popolazzjoni, u b’mod partikolari lejn il-komunità nisranija f’Gaża, fejn il-kunflitt imdemmi qed ikompli jiġġenera mewt u qerda u qed jirrendi s-sitwazzjoni umanitarja drammatika u bla ġieħ.  Nagħmel appell lill-partijiet f’kunflitt: waqqfu l-ġlied, eħilsu lill-ostaġġi u għatu l-għajnuna lin-nies bil-ġuħ u li tamithom hi f’ġejjieni ta’ paċi!

 

Nitolbu għall-komunitajiet insara fil-Libanu u fis-Sirja, li, filwaqt li dal-pajjiż għaddej minn żmien delikat fl-istorja tiegħu, huma mxennqin għall-istabbltà u l-parteċipazzjoni fid-destin tan-nazzjonijiet rispettivi tagħhom.  Inħeġġeġ lill-Knisja kollha biex takkumpanja b’attenzjoni u bit-talb lill-insara tal-maħbub Lvant Nofsani.

 

Ħsieb speċjali jmur ukoll lejn il-poplu tal-Yemen, li għal żmien twil ilu mġarrab minn waħda mill-eqqel kriżijiet umanitarji li hawn fid-dinja minħabba l-gwerra u nistieden lil kulħadd biex ifittxu soluzzjoni permezz ta’ djalogu kostruttiv.

 

Jalla Kristu Rxoxt isawwab id-don paskwali tal-paċi fl-Ukrajna mbiċċra u jagħti kuraġġ lill-atturi kollha biex ikomplu bl-isforzi tagħhom immirati lejn paċi ġusta u dejjiema..

 

F’dal-jum ta’ festa niftakru fil-Kawkasu Meridjonali u nitolbu sabiex bla telf ta’ żmien iseħħ l-iffirmar u t-tqegħid fis-seħħ tal-Ftehim tal-paċi bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, li jwassal għar-rikonċiljazzjoni tant mixtieqa fir-reġjun.

 

Jalla d-dawl tal-Għid jispira intenzjonijiet ta’ armonija fil-Balkani tal-punent u jwieżen lill-atturi politiċi biex jimpenjaw ruħhom ħalli jevitaw li t-tensjonijiet u l-kriżijiet jiħraxu, kif ukoll lill partners tar-Reġjun biex jiskansaw aġir perikoluz u destabbilizzanti.

 

Jalla Kristu Rxoxt, tama tagħna, jagħti l-paċi u l-faraġ lill-popolazzjonijiet afrikani vittmi tal-vjolenza u l-kunflitti, fuq kollox fir-Repubblika Demokratika tal-Congo, fis-Sudan u fis-Sudan t’Isfel, u jwieżen lil dawk kollha li qed ibatu minħabba t-tensjonijiet fis-Sahel, fil-Qarn tal-Afrika u fir-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar, kif ukoll lill-insara li f’bosta nħawi ma jistgħux jistqarru l-fidi tagħhom bil-libertà.

 

Ma jista’ jkun hemm ebda paċi kulfejn mhemmx libertà reliġjuża u fejn mhemmx libertà tal-ħsieb u tal-kelma flimkien mar-rispett lejn l-opinjoni tal-ieħor.

 

Ebda paċi mhi possibbli mingħajr diżarm serju!  Il-ħtieġa li kull poplu jinvesti fid-difiża tiegħu ma tistax tinbidel f’tellieqa ġenerali għal aktar armamenti.  Jalla d-dawl tal-Għid jixprunana biex inwaqqgħu l-barrieri li joħolqu firda u huma miżgħuda b’konsegwenzi politiċi u ekonomiċi.  Jixprunana biex nieħdu ħsieb xulxin u biex inseddqu s-solidarjetà reċiproka, biex nimpenjaw ruħna favur svilupp integrali ta’ kull persuna umana.

 

F’dan il-waqt m’għandhiex tonqos l-għajnuna tagħna lill-poplu tal-Birmanja, li ilu snin itturmentat minn kuflitt bl-armi u li qed jaffronta b’kuraġġ u paċenzja l-konsegwenzi tat-terremot qerriedi f’Sagaing li ħalla eluf mejta u hu ta’ tbatija għal għadd kbir li baqgħu ħajjin, fosthom orfni u anzjani. Nitolbu għall-vittmi u għall-għeżież tagħhom u rroddu ħajr minn qalbna lill-volontarji ġenerużi li qed jagħtu l-għajnuna.  L-aħbar tal-waqfien mill-ġlied min-naħa ta’ atturi differenti fi-pajjiż hu sinjal ta’ tama fil-Myanmar kollu.

 

Nagħmel appell lil kulmin fid-dinja għandu responsabbiltà politika biex ma jaqax għal-loġika tal-biża li tagħlaq, imma juża r-riżorsi għad-dispożizzjoni tiegħu biex jgħin lil min hu fil-bżonn, jiġġieled il-ġuħ u jiffavorixxi inizjattivi li jippromwovu l-iżvilupp.  Dawn huma “l-armi” tal-paċi: dawk li jibnu l-ġejjieni u mhux jiżirgħu l-mewt!

 

Qatt m’għandu jiġi nieqes il-prinċipju tal-umanità bħala fus għall-aġir tagħna fil-ħajja ta’ kuljum.  Quddiem il-krudeltà tal-kunflitti li jolqtu lin-nies ċivili bla difiża, jattakkaw skejjel u sptarijiet, operaturi umanitraji, ma nistgħux nippermettu li ninsew li mhux qed jintlaqtu bersalli imma persuni b’ruħ u dinjità.

 

U f’dis-sena ġjubilari, l-Għid għandu jkun okkażjoni tajba biex jinħelsu l-priġunieri tal-gwerra u dawk politiċi!

 

Għeżież ħuti,

fl-Għid tal-Mulej, il-mewt u l-ħajja daħlu f’taqbida tal-għaġeb imma issa l-Mulej qed jgħix għal dejjem (cfr Sekwenza tal-Għid) u jiżra’ fina ċ-ċertezza li aħna wkoll imsejħin biex nieħdu sehem fil-ħajja li ma tafx b’għabex, li fiha ma jinstamawx aktar splużjonijiet ta’ armi u eku tal-mewt.  Nafdaw ruħna f’idejh għax Hu jaf iġedded kollox (cfr Apok 21,5)!

 

L-Għid it-tajjeb lil kulħadd!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber