MESSAĠĠ URBI ET ORBI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

ĦADD IL-GĦID 2022

Loġġa ċentrali tal-Bażilika tal-Vatikan
Il-Ħadd, 17 ta’ April, 2022

 

Għeżież ħuti, l-Għid it-tajjeb!

 

Ġesù, il-mislub, irxoxta!  Jiġi fost dawk li qed jibkuh, magħluqin fi djarhom mimlijin biża’ u ansjetà.  Jiġi għandhom u jgħid: “Il-paċi magħkom!” (Ġw 20,19).  Juri l-pjagi f’idejh u f’riġlejh, il-ferita fil-kustat: mhux fantażma, Hu, propju Hu, l-istess Ġesù li miet fuq is-salib u li kien fil-qabar.  Quddiem l-għajnejn inkreduli tad-dixxipli Hu jtenni: “Il-paċi magħkom!” (v. 21).

Ħarsitna wkoll maħkuma mill-inkredulità f’dan il-Għid ta’ gwerra.  Rajna wisq demm, wisq vjolenza.  Qlubna wkoll imtlew bil-biża’ u bl-ansjetà, waqt li bosta minn ħutna kellhom jingħalqu ġewwa biex jitħarsu mill-bombi.  Insibuha bi tqila nemmnu li Ġesù qam tassew, li verament għeleb il-mewt.  Forsi din illużjoni?  Frott tal-immaġinazzjoni tagħna?

Le, mhix illużjoni!  Illum tidwi daqs qatt qabel l-aħbar paskwali tant għal qalb l-Orjent nisrani: “Kristu qam!  Qam tassew!”  Illum għandna bżonnu daqs qatt qabel, fi tmiem dan ir-Randan li donnu ma jridx jintemm.  Wara spallejna għandna sentejn ta’ pandemija li ħallew marki tqal.  Kien iż-żmien li flimkien noħorġu mill-mina, id f’id, u niġimgħu flimkien il-forzi u r-riżorsi... U minflok, qed nuru li l-ispirtu ta’ Ġesù għad mhuwiex fina, għad hemm fina l-ispirtu ta’ Kajjin, li ma jarax lil Abel bħala ħuh, imma bħala rival, u jfassal kif se jeliminah.  Għandna bżonn l-Imsallab Irxuxtat biex nemmnu fir-rebħa tal-imħabba, biex nittamaw fir-rikonċiljazzjoni.  Illum għandna bżonnu daqs qatt qabel, bżonn li jiġi fostna u mill-ġdid jgħidilna: “Il-paċi magħkom!”

Hu biss jista’ jagħmlu dan.  Illum Hu biss għandu dritt iħabbrilna l-paċi.  Ġesù biss, għax iġorr il-pjagi, il-pjagi tagħna.  Dawk il-pjagi tiegħu huma tagħna għal darbtejn: tagħna għax konna aħna li għamilniehomlu, bi dnubietna, bl-ebusija ta’ qalb tagħna, bil-mibegħda bejn l-aħwa; u tagħna għax Hu żammhom minħabba fina, ma neħħihomx mill-Ġisem glorjuż tiegħu, ried iżommhom fuqu għal dejjem.  Huma s-siġill li ma jitħassarx ta’ mħabbtu lejna, interċessjoni dejjiema sabiex il-Missier Ċelesti jarahom u jkollu ħniena minna u mid-dinja kollha.  Il-pjagi fil-ġisem ta’ Ġesù rxoxt huma s-sinjal tat-taqbida li Hu tqabad u rebaħ għalina, bl-armi tal-imħabba, sabiex aħna jkollna l-paċi, ngħixu fil-paċi.  Meta jħarsu lejn dawk il-pjagi glrojużi, għajnejna tqal biex jemmnu, jinfetħu, qlubna iebsa jinfetħu u jħallu tinfidhom il-bxara tal-Għid: “Il-paċi magħkom!”

Ħuti, inħallu l-paċi ta’ Kristu tidħol fil-ħajja tagħna, fi djarna, fil-pajjiżi tagħna!

Ħa jkun hemm il-paċi fl-Ukrajna martiriżżata, mifluġa għall-aħħar minħabba l-vjolenza u l-qerda ta’ gwerra krudili u bla sens li sfat imkaxkra fiha.  Fuq dan il-lejl terribbli ta’ tbatija u ta’ mewt ħa jfiġġ bla dewmien żerniq ġdid ta’ tama!  Ħalli jkun hemm għażla għall-paċi.  Ħalli tieqaf il-wirja tal-muskoli (tas-saħħa) waqt li n-nies qed isofru.  Jekk jogħġobkom, jekk jogħġobkom: ma nidrawx il-gwerra, nimpenjaw ruħna lkoll biex b’leħen għoli nitolbu l-paċi, mill-gallariji u fit-toroq!  Paċi! Min hu responsabbli min-nazzjonijiet ħalli jisma’ l-għajta għall-paċi tan-nies.  Ħalli jisma’ dik il-mistoqsija inkwetanti li għamlu x-xjenzjati kważi sebgħin sena ilu: “Se nwasslu fi tmiemu l-ġeneru uman, jew l-umanità se tagħraf tirrinunzja għall-gwerra?” (Manifest Russell-Einstein, 9 ta’ Lulju, 1955).

F’qalbi nġorr l-għadd kbir ta’ vittmi ukrajni, il-miljuni ta’ rifuġjati u tturufnati interni, il-familji mifrudin, l-anzjani li baqgħu waħedhom, il-ħajjiet imkissra u l-bliet meqruda li spiċċaw borġ ġebel.  Qed inġib quddiem għajnejja tant tfal li sfaw orfni u li qed jaħarbu mill-gwerra.  Meta narawhom ma nistgħux ma nisimgħux l-għajta ta’ wġieh tagħhom, flimkien ma dik ta’ tant tfal oħra li qed ibatu madwar id-dinja kollha: dawk li qed imutu bil-ġuħ jew minħabba nuqqas ta’ kura tas-saħħa, dawk li huma vittmi ta’ abbużi u vjolenza u dawk li ċċaħdilhom id-dritt li jitwieldu.

Fin-niket tal-gwerra xi sinjali inkoraġġanti mhumiex neqsin lanqas, bħalma huma l-bibien niftuħin ta’ tant familji u komunitajiet li madwar l-Ewropa kollha qed jilqgħu lill-migranti u lir-rifuġjati.  Dawn il-bosta atti ta’ karità jissarrfu f’barka għas-soċjetajiet tagħna, li kultant huma degradati minħabba ħafna egoiżmu u individwaliżu, u jagħtu sehemhom biex isiru akkoljenti għal kulħadd.

Il-kunflitt fl-Ewropa jagħmilna aktar attenti wkoll għal sitwazzjonijiet ta’ tensjoni, tbatija u niket li qed jolqtu wisq inħawi tad-dinja u li, la nistgħu u lanqas irridu ninsewhom.

Paċi fil-Lvant Nofsani li ilu snin imkisser minħabba firdiet u kunflitti.  F’dal-jum glorjuż ninvokaw il-paċi għal Ġerusalemm u paċi lil dawk li jħobbuha (cfr Salm 121 [122]), insara, għebrej, musulmani.  Jalla l-iżraeljani u l-palestinjani u l-abitanti kollha tal-Belt Imqaddsa, flimkien mal-pellegrini, iġarrbu s-sbuħija tal-paċi, jgħixu bħal aħwa u jkunu jistgħu iżuru l-Imkejjen Qaddisa b’rispett reċiproku lejn id-drittijiet ta’ kulħadd.

Ħa jkun hemm il-paċi u r-rikonċiljazzjoni fost il-popolazzjonijiet tal-Libanu, tas-Sirja u tal-Iraq, u b’mod partikolari fil-komunitajiet insara kollha li jgħixu fil-Lvant Nofsani.

Ħalli jkun hemm il-paċi wkoll fil-Libja sabiex issib l-istabbiltà wara snin ta’ tensjonijiet, u fil-Yemen li qed ibati minħabba kunflitt minsi minn kulħadd u li qed iħalli vittmi l-ħin kollu: jalla l-waqfien mill-ġlied tal-jiem li għaddew irodd lura t-tama lill-popolazzjoni.

Lill-Mulej irxuxtat nitolbuh ir-rigal tar-rikonċiljazzjoni fil-Myanmar, fejn għadna qed naraw xenarju drammatiku ta’ mibegħda u vjolenza, u fl-Afghanistan, fejn it-tensjonijiet soċjali perikolużi mhemmx li jonqsu u fejn kriżi umanitarja drammatika qed tifleġ il-popolazzjoni.

Ħalli jkun hemm il-paċi fil-kontinent afrikan kollu, sabiex jieqaf l-isfruttament li l-vittma tiegħu hi l-emoraġija riżultat tal-attakki terroristiċi – partikolarment fiż-żona ta’ Sahel – u jsib sapport konkret fil-fraternità tal-popli.  Ħa ssib ir-rikonċiljazzjoni l-Etjopja, imġarrba minn kriżi umanitarja gravi u ħa tieqaf il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Congo.  M’għandux ikun nieqes it-talb u s-solidarjetà mal-popolazzjonijiet tas-Sudafrika orjentali, li ntlaqat minn għarar qerried.

Jalla Kristu rxoxt jakkumpanja u jassisti l-popolazzjonijiet tal-Amerika Latina li f’xi każi, f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija, raw il-kundizzjonijiet soċjali tagħhom, mħarrxin minħabba l-każi tal-kriminalità, tal-vjolenza, tal-korruzzjoni u t-traffikar tad-droga, jeħżienu.

Lill-Mulej irxuxtat nitolbuh jakkumpanja l-mixja ta’ rikonċiljazzjoni li qed itterraq il-Knisja Kattolika tal-Kanada mal-popli awtoktoni.  L-Ispirtu ta’ Kristu Rxoxt ifejjaq il-feriti tal-imgħoddi u jiddisponi l-qlub biex ifittxu l-verità u l-fraternità.

Għeżież ħuti kull gwerra ġġib magħha konsegwenzi li jolqtu lill-umanità kollha kemm hi: mil-luttu sad-dramm tar-rifuġajti, mill-kriżi ekonomika u tal-ikel li diġa qed jidhru  l-ewwel sinjali tagħha.  Quddiem is-sinjali tal-gwerer li għadhom għaddejjin, kif ukoll quddiem il-bosta telfiet ta’ niket fil-ħajja, Kristu, rebbieħ fuq id-dnub, il-biża’ u l-mewt, iħeġġiġna biex ma nċedux għall-ħażen u għall-vjolenza.  Ħuti, inħallu l-paċi ta’ Kristu tirbaħ!  Il-paċi hi possibbli, il-paċi hi dmir, il-paċi hi responsabbiltà primarja ta’ kulħadd!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber