MESSAĠĠ URBI ET ORBI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

L-GĦID, 2021

Bażilika ta' San Pietru

Il-Ħadd 4 ta' April, 2021

 

Għeżież ħuti, l-Għid  it-tajjeb!  L-Għid it-tajjeb, qaddis u hieni!

Illum tidwi ma' kull rokna tad-dinja l-aħbar tal-Knisja: "Ġesù, l-imsallab, qam kif kien qal. Alleluja".

It-tħabbira tal-Għid mhix qed turina xi miraġġ, mhix qed tikxfilna xi formola maġika, mhix qed turina xi triq biex minnha nkunu nistgħu naħarbu quddiem is-sitwazzjoni diffiċli li għaddejjin minnha.  Il-pandemija għadha fl-aqwa tagħha; il-kriżi soċjali u ekonomika hija tqila ħafna, speċjalment għall-aktar foqra; minkejja dan - u huwa skandlu - il-kunflitti bl-armi ma jaqtgħux u l-ħażniet militari qed ikomplu jissaħħu.  U dan hu l-iskandlu tal-lum.

Quddiem, jew aħjar, qalb dir-realtà kumplessa, it-tħabbira tal-Għid tiġbor fi ftit kliem ġrajja li tagħti t-tama u ma tqarraqx: "Ġesù li kien mislub, qam".  Ma tkelliminiex dwar anġli jew fantażmi, imma dwar bniedem, bnidem tad-demm u l-laħam b'wiċċ u isem: Ġesù.  L-Evanġelju hu garanzija li dan Ġesù, imsallab taħt Ponzju Pilatu għax qal li hu Kristu, Iben Alla, fit-tielet jum qam, skont l-Iskritturi u kif kien ħabbar minn qabel hu nnifsu lid-dixxipli tiegħu.

L-imsallab, u mhux xi ħadd ieħor, qam.  Alla l-Missier qajjem lil Ibnu għax wassal fi tmiemha sal-aħħar ir-rieda tiegħu tas-salvazzjoni: ħa fuqu d-dgħufija tagħna, il-mard tagħna, l-istess mewt tagħna; bata l-istess tbatija, ġarr il-piż tal-ħażen tagħna.  Għalhekk Alla l-Missier għollih u issa Ġesù Kristu jgħix għal dejjem, u Huwa hu l-Mulej.

Ix-xhieda jgħidu dettall importanti:  Ġesù rxoxt iġorr fuqu l-marki tal-pjagi tal-idejn, tar-riġlejn u tal-kustat.  Dawn il-pjagi huma s-siġill li ma jitħassar qatt ta' mħabbtu għalina.  Kull min ikun għaddej minn prova iebsa, fil-ġisem u fl-ispirtu, jista' jsib kenn f'dawn il-pjagi, permezz tagħhom jirċievi l-grazzja tat-tama li qatt ma tqarraq.

Kristu rxuxtat hu tama ta' min għadu jsofri minħabba l-pandemija, tal-morda u ta' min tilef lil xi ħadd għażiż għalih.  Il-Mulej jagħti l-faraġ u jwieżen il-piż u l-għejja tat-tobba u l-infermieri.  Ilkoll kemm huma, l-aktar il-persuni l-aktar fraġli, jeħtieġu l-assistenza u għandhom dritt li jkunu mogħtijin il-kura li għandhom bżonn.  Dan jidher aktar ċar f'daż-żmien li fih ilkoll kemm aħna msejħin biex niġġieldu l-pandemija u l-vaċċini huma strument essenzjali f'dit-taqbida.  Fi spirtu ta' "Internaliżżazzjoni tal-vaċċini", inħeġġeġ għaldaqstant, lill-komunità intenazzjonali biex timpenja ruħha kollha kemm hi f'għaqda waħda, ħalli jingħeleb id-dewmien fit-tqassim (tal-vaċċin) u jitqassam b'mod ġust speċjalment mal-pajjiżi l-aktar foqra.

Il-Mislub li rxoxta hu faraġ għal min tilef ix-xogħol jew għaddej minn diffikultajiet ekonomiċi gravi u huwa mċaħħad minn ħarsien soċjali xieraq.  Il-Mulej idawwal l-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex lil kulħadd, speċjalment lill-familji l-aktar fil-bżonn,  tingħata l-għajnuna meħtieġa biex ikollhom ikel xieraq.  Sfortunatament il-pandemija żiedet b'mod drammatiku l-għadd tal-foqra u d-disprament ta' eluf ta' bnedmin.

"Jeħtieġ li l-foqra kollha, huma min huma, jerġgħu jibdew jittamaw", kien qal San Ġwanni Pawlu II waqt il-vjaġġ li kien għamel f'Haiti.  U propju dal-poplu għażiż, f'dal jum, qiegħed fi ħsiebi u rrid nagħmillu kuraġġ sabiex id-diffikultajiet li jinsab fihom ma jordmuhx, imma jħares lejn il-ġejjieni bil-fiduċja u t-tama.  U jien ngħid li l-ħsieb speċjali tiegħi ikun għalikom għeżież ħuti hajtjani: jien qribkom, jien qrib tagħkom u nixtieq li l-problemi li għandkom jissolvew darba għal dejjem.  Jien għal dan nitlob għeżież ħuti hajtjani.

Ġesù Rxuxtat huwa wkoll tama għal tant żgħażagħ li huma mġagħlin jgħaddu żmien twil bla ma jmorru l-iskola jew l-università fejn ikunu jistgħu jqattgħu ftit ħin mal-ħbieb.  Ilkoll kemm aħna għandna bżonn relazzjonijiet umani u mhux virtwali biss, speċjalment fl-età li fiha jkunu qed jissawru l-karattru u l-personalità.  Smajnieha nhar il-Ġimgħa li għadda waqt il-Via Crucis tat-tfal.  Jien qrib iż-żgħażagħ tad-dinja kollha, u f'din is-siegħa, speċjalment lejn dawk tal-Myanmar li huma impenjati favur id-demokrazija billi b'mod paċifiku jsemmgħu leħinhom, konxji li l-mibegħda tista' tinħall biss bl-imħabba.

Jalla d-dawl tal-Irxoxt ikun għajn ta' twelid ġdid għall-migranti maħrubin mill-gwerer u l-miżerja.  F'wiċċhom aħna nagħrfu l-wiċċ sfigurat u sofferenti tal-Mulej tiela lejn il-Kalvarju.  Jalla qatt ma jibqgħu neqsin minn sinjali konkreti ta' solidarjetà u fraternità umana, rahan tar-reħba tal-ħajja fuq il-mewt li qed niċċelebraw illum.  Irrodd ħajr lill-pajjiżi li bil-ġenerożità jilqgħu lill-batuti li jkunu qed ifittxu kenn, speċjalment il-Libanu u l-Ġordanja, li qed jilqgħu fihom bosta rifuġajti maħruba mill-kunflitt fis-Sirja.

Jalla l-poplu tal-Libanu li għaddej minn żmien ta' diffikultajiet u inċertezzi, iġarrab il-faraġ tal-Mulej irxuxtat u jkun imwieżen mill-komunità internazzjonali sabiex isir art ta' laqgħa, konvivenza u pluraliżmu.

Jalla Kristu, il-paċi tagħna, jwaqqaf il-ħsejjes imġelġla tal-armi fis-Sirja maħbuba u mifluġa, fejn miljuni ta' persuni issa jinsabu jgħixu f'kundizzjonijiet diżumani, kif ukoll fil-Yemen, li l-ġrajjiet tiegħu jinsabu mdawrin minn skiet li jtarrax u skandaluz, u fil-Libja fejn fl-aħħar donnu qed jidher xaqq dawl wara għaxar snin ta' taqbid u ġlied imdemmi.  Jalla l-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom b'mod effettiv ħalli jieqfu l-kunflitti sabiex il-popolazzjoni mifnija mill-gwerra tkun tista' terġa' tibda tgħix fil-paċi u jerġa' jibda l-bini mill-ġdid ta' dawn il-pajjiżi.

Il-Qawmien jeħodna b'mod naturali f'Ġerusalemm.  Għaliha aħna nitolbu bil-ħrara lill-Mulej biex itiha l-paċi u s-sigurtà, (cfr Salm 122) sabiex twieġeb għas-sejħa tagħha li tkun imkien ta' laqgħa fejn kulħadd iħoss lil kulħadd ħuh jew oħtu, u fejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani jerġgħu jsibu l-qawwa biex jiddjalogaw ħalli jaslu għal soluzzjoni stabbli li tara liż-żewġ stati jgħixu spalla ma' spalla fil-paċi u l-prosperità.

F'dal-jum ta' festa, ħsiebi jdur ukoll lejn l-Iraq, li kelli x-xorti nżur ix-xahar li għadda, u nitlob li jkun jista' jibqa' miexi fit-triq li qabad lejn il-paċifikazzjoni, sabiex titwetttaq il-ħolma ta' Alla ta' familja umana ospitali u akkoljenti għal uliedu kollha (1).

Jalla l-qawwa tal-Irxoxt tkun ta' fejda għall-popolazzjonijiet afrikani li qed jaraw il-ġejjieni tagħhom kompromess minħabba l-vjolenza interna u t-terroriżmu internazzjonali, speċjalment fis-Sahel u fin-Niġerja, kif ukoll fir-reġjun tat-Tigray u Cabo Delgado. Jalla jkomplu l-isforzi biex jinstabu soluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitti b'rispett lejn id-drittijiet umani u l-qdusija tal-ħajja, bi djalogu fratern u kostruttiv fi spirtu ta' rikonċiljazzjoni u solidarjetà bil-fatti.

Għad hawn wisq gwerer u wisq vjolenza fid-dinja!  Il-Mulej, li hu l-paċi tagħna, jgħinna negħlbu l-mentalità tal-gwerra.  Jagħti lil kull min hi priġunier tal-kunflitti, speċjalment fl-Ukrajna tal-lvant u fin-Nagorno-Karabakh,  l-possibbiltà li jerġa' lura qawwi u sħih fi ħdan il-familja tiegħu u jdawwal lill-gvernijiet tad-dinja kollha biex iwaqqfu l-ġirja lejn armamenti ġodda.  Illum 4 ta' April, huwa l-Jum Dinji kontra l-mini, għodod ħjiena u orribbli li ta' kull sena joqtlu u jimmankaw bosta nies innoċenti u ma jħallux lill-umanità "timxi flimkien tul il-mogħdijiet tal-ħajja mingħajr biża' ta' periklu moħbi ta' qerda u ta' mewt" (2).  Kemm tkun isabaħ dinja mingħajr dawn l-istrumenti ta' qerda.

Għeżież ħuti, din is-sena wkoll, f'bosta nħawi, ħafna nsara ċċelebaraw l-Għid fost limitazzjonijiet kbar u, kultant, bla ma lanqas kien possibbli għalihom li jmorru għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.  Nitolbu biex dawn il-limitazzjonijiet li jxekklu l-libertà tal-kult u tar-reliġjon fid-dinja jitneħħew u kulħadd ikun jista' jitlob u jfaħħar 'l Alla b'mod ħieles.

Fost il-bosta diffikultajiet li għaddejjin minnhom qatt m'għandna ninsew li aħna konna mfejqin mill-pjagi ta' Kristu (cfr 1 Pt 2,240.  Fid-dawl tal-Irxoxt it-tbatijiet tagħna jittrasfiguraw ruħhom.  Fejn kien hemm il-mewt issa hemm i-ħajja, fejn kien hemm il-luttu issa hemm il-faraġ.  Meta ħaddan is-salib, Ġesù ta' sens lit-tbatijiet tagħna u issa nitolbu biex l-effetti tajba ta' dal-fejqan jinfirxu madwar id-dinja kollha.  L-Għid it-tajjeb, qaddis u hieni!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

[1] Cfr Laqgħa inter-reliġjuża f'Ur, 6 ta' Marzu, 2021.

[2] S. Gwanni Pawlu II, Angelus, 28 ta' Frar, 1999.