MESSAĠĠ URBI ET ORBI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦID 2020 

Bażilika ta’ San Pietru – Altar tal-Konfessjoni

Il-Ħadd 12 ta’ April 2020

 

Għeżież ħuti, l-Għid it-tajjeb!

 

Illum qed tidwi mad-dinja kollha t-tħabbira tal-Knisja: “Ġesù Kristu qam mill-mewt!” – “Qam tassew!”.

 

Bħal fjamma ġdida din l-Aħbar it-Tajba tkebbset tul il-lejl: il-lejl ta’ dinja li diġà kienet qed titqabad ma’ sfidi epokali u issa hi mifluġa mill-pandemija, li qed iġġarrab bil-kbir lill-familja kbira tagħna tal-bnedmin. F’dan il-lejl dewa l-leħen tal-Knisja: “Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi, li fih ittamajt!” (Sekwenza tal-Għid).

 

Dan hu “kontaġġ” ieħor, li jgħaddi minn qalb għal qalb – għax kull qalb umana tistennieha din il-Bxara Tajba. Huwa l-kontaġġ tat-tama: “Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi, li fih ittamajt!”. Mhijiex xi formula maġika, li tisparixxi l-problemi. Le, il-qawmien ta’ Kristu mhuwiex hekk. Imma hu r-rebħa tal-imħabba fuq l-għeruq tal-ħażen, rebħa li ma “taqbiżx” it-tbatija u l-mewt, imma tgħaddi minnhom biex tiftaħ triq fl-abbiss, u tibdel il-ħażin f’tajjeb: it-timbru esklussiv tas-setgħa ta’ Alla.

 

L-Irxoxt huwa l-Kurċifiss, u ħadd iżjed. Fil-ġisem glorjuż tiegħu jġorr għal dejjem il-pjagi: ġrieħi li saru għejun ta’ tama. Lejh indawru ħarsitna biex ifejjaq il-ġrieħi tal-umanità mġarrba.

 

Il-ħsieb tiegħi llum imur qabelxejn lejn dawk kollha li ntlaqtu direttament mill-Coronavirus: lejn il-morda, lejn dawk li mietu u lejn il-familjari li qed jibku t-telfa tal-għeżież tagħhom, li f’xi każi bilkemm irnexxielhom jagħtuhom imqar l-aħħar tislima. Il-Mulej tal-ħajja jilqa’ għandu f’saltnatu lill-mejtin u jagħti faraġ u tama lil min għadu magħfus mit-tiġrib, speċjalment l-anzjani u l-persuni waħidhom. Ma jħallix sajjem mill-faraġ tiegħu u mill-għajnuna meħtieġa lil min sab ruħu f’kundizzjonijiet ta’ vulnerabbiltà partikulari, bħal min qed jaħdem fid-djar tal-anzjani, jew jgħix fil-kampijiet jew fil-ħabsijiet. Għal ħafna dan hu Għid ta’ solitudni, u qed jgħixuh bejn il-luttu u l-ħafna diffikultajiet li qed tikkawża l-pandemija, mit-tbatijiet fiżiċi għall-problemi ekonomiċi.

 

Dan il-mikrobu mhux biss ċaħħadna mill-ġesti ta’ mħabba, imma anki mill-possibbiltà li ngawdu personalment il-faraġ li joħroġ mis-Sagramenti, speċjalment l-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni. F’ħafna pajjiżi ma kienx possibbli għan-nies li jersqu lejhom, imma l-Mulej ma telaqniex waħidna! Magħquda fit-talb kif bqajna, aħna żguri li hu qiegħed dirgħajh fuqna (ara Salm 138:5), u tennielna bil-qawwa: la tibżgħux, “jiena qomt u ninsab dejjem miegħek” (ara Missal Ruman)!

 

Ġesù, l-Għid tagħna, jagħti l-qawwa u t-tama lit-tobba u lill-infermiera, li kullimkien qed joffru xhieda ta’ għożża u mħabba għall-proxxmu sakemm jagħtuhom il-forzi tagħhom u mhux darba u tnejn billi jissagrifikaw saħħithom stess. Lejhom, kif ukoll lejn min qed jaħdem il-ħin kollu biex jiggarantixxi s-servizzi essenzjali meħtieġa għall-ħajja fis-soċjetà, lejn il-forzi tal-ordni u lejn il-militari li f’ħafna pajjiżi taw kontribut biex itaffu d-diffikultajiet tan-nies, imur il-ħsieb mimli rispett tagħna flimkien mal-gratitudni tagħna.

 

F’dawn il-ġimgħat, il-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni nbidlet mil-lejl għan-nhar. Għal ħafna, il-fatt li baqgħu d-dar kien okkażjoni biex jirriflettu, biex iwaqqfu r-ritmi frenetiċi tal-ħajja, biex joqogħdu mal-għeżież tagħhom u jgawdu l-kumpanija tagħhom. Imma għal ħafna oħra huwa wkoll żmien ta’ tħassib għall-ġejjieni li jidher inċert, għax-xogħol li jirriskjaw li jitilfu u minħabba fil-konsegwenzi l-oħra li l-kriżi ta’ bħalissa ġabet magħha. Inħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom responsabbiltajiet politiċi biex iħabirku b’mod attiv b’risq il-ġid komuni taċ-ċittadini, ifornu l-mezzi u l-għodod meħtieġa biex kulħadd jista’ jgħix ħajja dinjituża u, meta ċ-ċirkustanzi jkunu jippermettu, jgħinu biex ireġġgħu lura għan-normal il-ħidmiet ta’ kuljum.

 

Dan mhuwiex iż-żmien tal-indifferenza, għax id-dinja kollha qiegħda tbati u jeħtieġ li tingħaqad front wieħed kontra l-pandemija. Kristu Rxoxt jagħti t-tama lill-foqra kollha, lil dawk li qed jgħixu fil-periferiji, lir-rifuġjati u lil dawk bla saqaf fuq rashom. Ma nħallux waħidhom lil ħutna l-iżjed dgħajfa, li bihom miżgħudin il-bliet tagħna u l-periferiji ta’ kull rokna tad-dinja. Ma nħalluhomx neqsin mill-ġid l-aktar meħtieġ, li hu l-aktar diffiċli li jsibu issa li ħafna attivitajiet huma magħluqa, kif ukoll mill-mediċini u, fuq kollox, mill-possibbiltà ta’ għajnuna sanitarja xierqa. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi, ħa jitnaqqsu s-sanzjonijiet internazzjonali li jillimitaw il-possibbiltajiet tal-pajjiżi li huma destinatarji tagħhom milli jfornu għajnuna xierqa liċ-ċittadini tagħhom, u jalla l-Istati kollha jqiegħdu ruħhom disponibbli biex jgħinu fil-ħtiġijiet kbar tal-mument, u jnaqqsu, jekk mhux ukoll iħassru, id-dejn li jtaqqal il-miżien ta’ dawk l-iżjed foqra.

 

Dan mhuwiex iż-żmien tal-egoiżmu, għax l-isfida li qed naffrontaw hi komuni għalina kollha u ma tagħmilx distinzjoni bejn persuni. Fost il-ħafna partijiet tad-dinja milquta mill-Coronavirus, għandi quddiemi b’mod speċjali lill-Ewropa. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-kontinent seta’ jerġa’ jqum fuq saqajh grazzi għal spirtu wieħed ta’ solidarjetà li permezz tiegħu għeleb ir-rivalitajiet tal-imgħoddi. Illum hu urġenti iżjed minn qatt qabel, fuq kollox fiċ-ċirkustanzi ta’ żmienna, li dawn ir-rivalitajiet ma jerġgħux iqumu, imma li lkoll nagħrfu li aħna parti minn familja waħda u ngħinu lil xulxin. Illum l-Unjoni Ewropea għandha quddiemha sfida epokali, li minnha jiddipendi mhux biss il-futur tagħha, imma dak tad-dinja kollha. Ejjew ma nitilfux l-okkażjoni li nagħtu prova oħra ta’ solidarjetà, billi nirrikorru wkoll għal soluzzjonijiet ġodda. L-alternattiva tkun biss l-egoiżmu tal-interessi partikulari u t-tentazzjoni ta’ ritorn għall-imgħoddi, bir-riskju li npoġġu taħt prova iebsa l-konvivenza paċifika u l-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

 

Dan mhuwiex iż-żmien tal-firdiet. Ħa jkun Kristu, is-sliem tagħna, li jdawwal lil dawk li għandhom responsabbiltajiet fil-kunflitti, biex ikollhom il-kuraġġ li jagħtu widen għas-sejħa għal waqfien globali u immedjat mill-ġlied f’kull rokna tad-dinja. Dan mhuwiex iż-żmien li fih inkomplu niffabbrikaw u nittraffikaw l-armi, nonfqu flejjes enormi li messhom jintużaw biex jikkuraw il-persuni u jsalvaw il-ħajjiet. Ħa jkun imma ż-żmien li fih intemmu darba għal dejjem il-gwerra twila li xerrdet tant demm fil-maħbuba Sirja, il-kunflitt fil-Yemen u t-tensjonijiet fl-Iraq, kif ukoll fil-Libanu. Ħa jkun dan iż-żmien li fih il-Lhud u l-Palestinjani jerġgħu jibdew id-djalogu bejniethom, biex isibu soluzzjoni stabbli u fit-tul li biha t-tnejn li huma jistgħu jgħixu fil-paċi. Ħa jieqfu t-tbatijiet tal-popli li jgħixu fir-reġjuni Orjentali tal-Ukrajna. Ħa jintemmu l-attakki terroristiċi kontra tant persuni innoċenti f’diversi pajjiżi tal-Afrika.

 

Dan mhuwiex iż-żmien li ninsew. Il-kriżi li qed naffrontaw ma għandhiex tnessina tant emerġenzi oħra li magħhom qed iġibu t-tbatija ta’ tant persuni. Ħa jkun Sid il-ħajja qrib tal-popli fl-Asja u fl-Afrika li għaddejjin minn kriżijiet umanitarji serji, bħalma qed jiġri fir-Reġjun ta’ Cabo Delgado, fit-tramuntana tal-Mozambique. Ħa jsaħħan il-qlub ta’ tant persuni rifuġjati u bla dar, minħabba fil-gwerer, in-nixfa u l-ġuħ. Jagħti protezzjoni lil tant migranti u rifuġjati, ħafna minnhom tfal, li qed jgħixu f’kundizzjonijiet insopportabbli, speċjalment fil-Libja u fil-konfini bejn il-Greċja u t-Turkija. U ma rridx ninsa l-gżira ta’ Lesbos. Ħa jagħti lill-Veneżwela li tasal għal soluzzjonijiet konkreti u immedjati, biex tista’ tingħata l-għajnuna internazzjonali lill-poplu li qed ibati minħabba fil-qagħda gravi, politika, soċjo-ekonomika u sanitarja.

 

Għeżież ħuti,

 

Indifferenza, egoiżmu, firda, u nisi żgur mhumiex il-kelmiet li nixtiequ nisimgħu bħalissa. Nixtiequ nkeċċuhom darba għal dejjem minn kull żmien! Huma donnhom jieħdu r-riedni meta fina jirbħu l-biża’ u l-mewt, jiġifieri meta ma nħallux lill-Mulej Ġesù jirbaħ hu fil-qalb tagħna u fil-ħajja tagħna. Hu, li diġà rebaħ fuq il-mewt u fetħilna t-triq tas-salvazzjoni ta’ dejjem, ixejjen id-dlamijiet tal-umanità fqajra tagħna u jdaħħalna fil-jum glorjuż tiegħu li x-xemx ma tgħib qatt minn fuqu.

 

B’dawn ir-riflessjonijiet, nixtieq nawgura lilkom kollha l-Għid it-tajjeb.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard