MESSAĠĠ URBI ET ORBI
TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

ĦADD IL-GĦID 2024

Loġġa ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħadd 31 ta’ Marzu, 2024

Għeżież ħuti, l-Għid it-tajjeb!

Illum tidwi madwar id-dinja kollha l-aħbar li bdiet elfejn sena ilu f’Ġerusalemm: “Ġesù Nazarenu, l-imsallab, qam mill-mewt!” (cfr Mk 16,6).

Il-Knisja tgħix mill-ġdid l-istagħġib tan-nisa li marru lejn il-qabar filgħodu kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa.  Il-qabar ta’ Ġesù kien ingħalaq b’ġebla kbira; u llum ukoll ġebel tqil, wisq tqil, jagħlaq it-tamiet tal-umanità: il-ġebel tal-gwerra, il-ġebel tal-kriżijiet umanitarji, il-ġebel tal-ksur tad-drittijiet umani, il-ġebel tan-negozjar tal-persuni umani u oħrajn.  Aħna wkoll, bħad-dixxipli nisa ta’ Ġesù, insaqsu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” (cfr Mk 16,3).

U din hi l-iskoperta tal-għodwa tal-Għid: il-ġebla, dik il-ġebla hekk kbira, kienet imneħħijja.  L-istagħġib tan-nisa huwa l-istagħġib tagħna wkoll: il-qabar ta’ Ġesù miftuħ u vojt!  Min hawn jibda’ kollox.  Minn dak il-qabar vojt tgħaddi t-triq il-ġdida, dik li ħadd minna għajr Alla biss ma seta’ jiftaħ: it-triq tal-ħajja qalb il-mewt, it-triq tal-paċi qalb il-gwerra, it-triq tar-rikonċiljazzjoni qalb il-mibegħda, it-triq tal-fraternità qalb l-ostilità.

Ħuti, Ġesù Kristu qam mill-mewt.  Hu biss għandu ħila jgerbeb il-ġebel li jagħlqu l-mixja lejn il-ħajja.  Anzi Hu stess, il-Ħaj, hu t-triq: it-Triq tal-ħajja, tal-paċi, tar-rikonċiljazzjoni, tal-fraternità.  Hu jiftħilna passaġġ li ebda bniedem m’għandu ħila jiftħu għax Hu biss ineħħi d-dnub tad-dinja u jaħfer dnubietna.  U mingħajr il-maħfra t’Alla dik il-ġebla ma tistax titneħħa. Mingħajr il-maħfra tad-dnubiet ma nistgħux noħorġu mill-għeluq tagħna, mill-preġudizzji, mis-suspetti f’xulxin, mill-prużunzjoni li biha dejjem naħfru lilna nfusna u nakkużaw lill-oħrajn.  Kristu Rxoxt biss, bl-għotja tal-maħfra tad-dnubiet, jiftaħ it-triq lejn dinja mġedda.

Hu biss jiftħilna l-bibien tal-ħajja, dawk il-bibien li aħna dejjem nagħlqu bil-gwerer li qed jaħkmu d-dinja.  Illum, qabel kollox, indawru ħarsitna lejn il-Belt Qaddisa ta’ Ġerusalemm, xhud tal-misteru tal-passjoni, tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù u lejn il-komunitajiet kristjani kollha tal-Art Imqaddsa.

Ħsiebi jmur aktar minn kollox lejn il-vittmi ta‘ tant kunflitti li għaddejjin fid-dinja, ibda minn dawk f’Iżrael u l-Palestina u fl-Ukrajna.  Jalla Kristu Rxoxt jiftaħ triq ta’ paċi għall-popolazzjonijiet mifluġa ta’ dawk ir-reġjuni.  Filwaqt li nagħmel stedina biex ikunu rispettati l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, nawgura li jsir skambju ġenerali tal-priġunieri kollha bejn ir-Russja u l-Ukrajna: kollha għal kulħadd!

Minbarra dan mill-ġdid nagħmel appell li tkun garantita l-possibbiltà li f’Gaża tidħol l-għajnuna umanitarja, u nħeġġeġ mill-ġdid biex jinħelsu l-ostaġġi li kienu nħatfu fis-7 ta’ Ottubru li għadda u l-waqfien mill-ġlied minnufih fl-Istrixxa (ta’ Gaża).

Ma nippermetux li l-ostilità li hemm bħalissa tkompli tħalli riperkussjonijiet gravi fuq il-popolazzjoni ċivili, li issa hi mifnija għall-aħħar, speċjalment it-tfal.  Kemm naraw sofferenza f’għajnejn it-tfal: insew it-tbissima t-tfal f’dawk l-artijiet tal-gwerra!  B’ħarsithom qed jistaqsuna: għaliex?.  Għaliex tant mewt?  Għaliex tant qerda?  Il-gwerra dejjem hi assurdità, il-gwerra dejjem hi telfa!  Ma nħallux l-irwiefen tal-gwerra jitqawwew aktar fuq l-Ewropa u fuq il-Mediterran.  Ma nċedux għal-loġika tal-armi u tar-riarm.  Il-paċi ma ssirx bl-armi, imma billi noħorġu jdejna lejn xulxin u niftħu qlubna.

U, ħuti, ma ninsewx is-Sirja li ilha tlettax-il sena ssofri l-konsegwenzi ta’ gwerra twila u qerrieda.  Bosta mejta, persuni li għebu, tant faqar u distruzzjoni qed jistennew tweġiba min-naħa ta’ kulħadd, min-naħa tal-Komunità Internazzjonali wkoll.

Illum ħarsti ddur ukoll b’mod speċjali lejn il-Libanu, li ilu żmien għaddej minn kriżi kostituzjonali bla tarf u minn kriżi ekonomika u soċjali profonda, li issa ħżienu minħabba l-ostilità fuq il-fruntiera ma’ Iżrael.  Jalla l-Irxoxt ifarraġ lill-maħbub poplu tal-Libanu u jsostni l-vokazzjoni tal-pajjiż kollu biex ikun art ta’ laqgħa, konvivenza u pluraliżmu.

Ħsieb partikolari jmur lejn ir-Reġjun tal-Balkani tal-Punent, fejn hemm passi ta’ tifsir kbir lejn l-integrazzjoni mal-proġett ewropew: id-differenzi etniċi, kulturali u konfessjonali m’għandhomx ikunu kawża ta’ firda, imma għandhom isiru għajn ta’ rikkezza għall-Ewropa kollha u għad-dinja kollha.

Bl-istess mod ninkoraġġixxi t-taħdidiet bejn l-Armenja u l-Azerbajġan sabiex, bis-sapport tal-Komunità Internazzjonali, jkomplu għaddejjin bid-djalogu, jgħinu lill-itturufnati, jirrispettaw l-imkejjen tal-kult tad-diversi konfessjonijiet reliġjużi u kemm jista’ jkun malajr jaslu għal fethim ta’ paċi definittiva.

Jalla Kristu Rxoxt jiftaħ triq ta’ tama lill-persuni li f’inħawi oħra tad-dinja qed isofru vjolenza,  kunflitti, skarsezza ta’ ikel kif ukoll l-effetti tat-tibdil fil-klima.  Il-Mulej jagħti l-faraġ lill-vittmi ta’ kull għamla ta’ terroriżmu.  Nitolbu għal kulmin tilef ħajtu u nitolbu bi ħrara l-indiema u l-konverżjoni tal-awturi ta’ din il-kriminalità kollha.

Jalla l-Irxoxt jassisti lill-poplu ta’ Haiti sabiex minnufih tieqaf il-vjolenza li qed tifni u ddemmi l-pajjiż u jalla dal-pajjiż ikun jista’ jimxi ‘l quddiem fid-demokrazija u l-fraternità.

Jalla jkun ta’ faraġ għar-Rohingya, mifnijin minn kriżi umanitarja kbira, u jiftaħ it-triq tar-rikonċiljazzjoni fil-Myanmar mifni minn snin ta’ kunflitti interni, sabix jabbadnuna darba għal dejjem kull loġika ta’ vjolenza.

Jalla l-Mulej jiftaħ triq ta’ paċi fil-kontinent afrikan, speċjalment għall-popolazzjonijiet mikdudin fis-Sudan u fir-reġjun ta’ Sahel kollu, fil-Qarn tal-Afrika, fir-Reġjun ta’ Kivu, fir-Repubblika Demokratika tal-Congo u fil-Provinċja ta’ Capo Delgado fil-Mozambique, u jġib fi tmiemha n-nixfa li ilha żmien twil taħkem żoni kbar u qed iġġib karestija u ġuħ.

Jalla l-Mulej jitfa’ d-dawl tiegħu fuq il-migranti u fuq dawk kollha li għaddejjin minn żmien ta’ diffikultà ekonomika, u joffrilhom faraġ u tama fil-waqt tal-bżonn.  Jalla Kristu jmexxi lill-persuni kollha ta’ rieda tajba biex jingħaqdu bis-solidarjetà sabiex flimkien jaffrontaw l-isfidi li jheddu lill-familji l-aktar foqra huma u jfittxu ħajja aħjar u hena.

F’dal-jum li fih niċċelebraw il-ħajja li ngħatatilna bil-qawmien tal-Iben, niftaku fl-imħabba infinita li Alla għandu għal kull wieħed u waħda minna: imħabba li tissupera kull limitu u kull dgħufija.  Madankollu, kemm spiss id-don tal-ħajja jispiċċa disprezzat!  Kemmm trabi lanqas biss jirnexxilhom jaraw id-dawl?  Kemm imutu bil-ġuħ jew huma neqsin mill-kura essenzjali jew jisfaw vittmi ta’ abbużi u vjolenza?  Kemm ħajjiet illum huma oġġett ta’ negozju għax il-kummerċ tal-essri umani qed jikber?

Ħuti, fil-jum li fih Kristu tana l-ħelsien mill-jasar tal-mewt, inħeġġeġ lil kulmin għandu responsabbiltà politika jagħmel kull sforz biex jiġġieled il-flaġell tan-negozjar tal-persuni u jaħdem bla heda biex ikisser ix-xbieki tal-isfruttament u jġib il-libertà għall-vittmi ta’ dal-kummerċ.  Il-Mulej jagħti faraġ lill-familji tagħhom, speċjalment lil dawk li qed jistennew ħerqana aħbarijiet dwar l-għeżież tagħhom, u jimlihom bil-faraġ u t-tama.

Jalla d-dawl tal-qawmien jinfed il-menti tagħna u jikkonverti qlubna, jagħmilna konxji tal-valur ta’ kull ħajja umana, li għandha tkun milqugħa dejjem, imħarsa u maħbuba.

L-Għid it-tajjeb lil kulħadd!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber