VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

FL-UNGERIJA


(28 - 30 April 2023)

 

LAQGĦA MAL-ISQFIJIET, SAĊERDOTI, DJAKNI, PERSUNI KONSAGRATI, SEMINARISTI U OPERATURI PASTORALI

 

DISKORS TAL-PAPA

 

Konkattidral ta’ San Stiefnu (Budapest)
Il-Ġimgħa, it-28 ta’ April 2023

Għeżież ħuti Isqfijiet,

Għeżież saċerdoti u djakni, irġiel u nisa kkonsagrati u seminaristi,

Għeżież operaturi pastorali, ħuti,

dicsértessék lil Jézus Krisztus! [Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!]

Ninsab kuntent li erġajt ġejt hawn wara li qsamna flimkien l-esperjenza tat-52 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Kien mument ta’ grazzja kbira u ninsab ċert li l-frott spiritwali tiegħu għadu jakkumpanjankom. Nirringrazzja lill-Arċisqof Veres tat-tislima li għamilli u talli esprima x-xewqa tal-Kattoliċi ungeriżi b’dan il-kliem: “F’din id-dinja li qed tinbidel irridu nagħtu xhieda li Kristu hu l-futur tagħna”. Kristu. Mhux “il-futur hu Kristu”, le: imma Kristu hu l-futur tagħna. Ma nibdlux l-affarijiet. Hija waħda mill-aktar ħtiġijiet importanti għalina: li ninterpretaw il-bidliet u t-trasformazzjonijiet ta’ żmienna, waqt li nippruvaw nilqgħu niffaċċjaw aħjar l-isfidi pastorali. Ma’ Kristu u fi Kristu. Xejn barra mill-Mulej, xejn bogħod mill-Mulej.

Imma dan huwa possibbli jekk inħarsu lejn Kristu bħala l-futur tagħna: Hu “l-Alfa u l-Omega, Dak li hu, li kien u li għad irid jiġi, Dak li Jista’ Kollox” (Ap 1:8), il-bidu u t-tmiem, il-pedament u l-għan aħħari tal-istorja tal-bniedem. Meta nikkontemplaw il-glorja tiegħu f’dan iż-żmien tal-Għid, ta’ dak li hu “l-Ewwel u l-Aħħar” (Ap 1,17), nistgħu inħarsu lejn it-tempesti li sikwit jolqtu d-dinja tagħna, il-bidliet mgħaġġla u kontinwi fis-soċjetà u anke lejn il-kriżi ta’ fidi tal-Punent b’ħarsa li ma ċċedix għar-rassenjazzjoni u li ma taqlax il-ħarsa tagħha miċ-ċentralità tal-Għid.  Kristu Rxoxt, huwa ċ-ċentru tal-istorja, huwa tabilħaqq il-futur tagħna.  Il-ħajja tagħna, bid-dgħufija kollha tagħha, tinsab soda f’idejh. Jekk ninsew dan, aħna wkoll, rgħajja u lajċi, nibdew infittxu mezzi u strumenti umani biex niddefendu lilna nfusna mid-dinja, u, jew ningħalqu fl-oasi reliġjużi komdi u trankwilli tagħna; inkella, għall-kuntrarju, nintelqu induru ma’ kull riħ tal-mondanità u, allura, il-Kristjaneżmu tagħna jibda jitlef il-qawwa tiegħu u ma nibqgħux inkunu l-melħ tal-art. Ejjew immorru lura lejn Kristu, li hu l-futur tagħna, biex ma ninqabdux fl-irjieħ tal-mondanità, li hija l-agħar ħaġa li jista’ jiġri lill-Knisja: Knisja mondana.

Dawn huma, għalhekk, iż-żewġ interpretazzjonijiet – anzi iż-żewġ tentazzjonijiet – li minnhom irridu nħarsu dejjem lilna nfusna bħala Knisja: l-ewwel hu li ninterpretaw l-istorja preżenti bi qtigħ il-qalb, ħafna drabi anke minħabba dawk li l-ħin kollu jtambrulna li li kollox mitluf, li m’hawnx il-valuri li kellna qabel, u min jaf fejn se nispiċċaw. Kien sabiħ li Dun Sándor esprima l-gratitudni tiegħu lejn Alla li “ħelsu mill-qtigħ il-qalb”! U x’għamel b’ħajtu, bena xi katidral kbir? Le, bena knisja żgħira ta’ emerġenza, fil-kampanja. Imma bnieha, u ma ħalliex lilu nnifsu jintrebaħ. Grazzi għażiż ħija! Imbagħad hemm it-tentazzjoni l-oħra, dak li wieħed jinterpreta żminijietna b’mod leġġer, ibbażat fuq konformiżmu li jħallina komdi, u li jġiegħelna nemmnu li fl-aħħar mill-aħħar kollox se jkun sew, li d-dinja issa nbidlet u rridu naddattaw ruħna – mingħajr ebda dixxerniment. U dan huwa ħażin.  Kontra l-qtigħ il-qalb u kontra l-konformità mad-dinja, il-Vanġelu jagħtina għajnejn ġodda biex naraw aħjar, jagħtina l-grazzja tad-dixxerniment biex nidħlu fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom b’qalb miftuħa, iżda wkoll bi spirtu ta’ profezija. Allura, b’qalb miftuħa għall-profezija. Ma nħobbx nuża l-aġġettiv “profetiku”, għax jintuża wisq. In-nom: profezija. Fi żmienna qed nesperjenzaw kriżi tan-nomi, u allura ħafna drabi jkollna nduru għall-aġġettivi. Le: profezija. Spirtu, qalb miftuħa, qalb miftuħa għall-profezija.

F’dan ir-rigward, nixtieq nitkellem fil-qosor fuq xbieha sabiħa użata minn Ġesù: dik tat-tina (ara Mk 13,28-29). Huwa kien qed jgħid dan id-diskors fil-kuntest tat-Tempju ta’ Ġerusalemm. Lil dawk li kienu qed jammiraw il-ġebel sabiħ tat-tempju, u b’hekk għexu speċi ta’ konformiżmu tad-dinja, li jpoġġu s-sigurtà tagħhom f’dak l-imkien  sagru u fil-maestà tal-kobor tiegħu, Ġesù jgħid li fid-dinja m’hawn xejn li m’għadx jintemm, għax kollox huwa prekarju u l-ebda ġebla ma tibqa’ fuq oħra – f’dawn il-jiem qed naqraw il-Ktieb tal-Apokalissi fl-Uffiċċju Divin, fejn jurina li l-ebda ġebla ma tibqa’ fuq oħra – imma, fl-istess ħin, il-Mulej ma jridx iwassalna għall-qtigħ il-qalb jew għall-biża’. U għalhekk iżid: meta kollox jgħaddi, meta t-tempji tal-bnedmin jiġġarfu, meta jiġru affarijiet tal-biża’ u jkun hemm persekuzzjonijiet vjolenti, allura “jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa u glorja kbira” (v. 26). U huwa hawnhekk li jistedinna nħarsu lejn is-siġra tat-tin: «Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola: meta l-fergħa tagħha tirtâb u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu qrib, fil-bieb” (vv. 28-29). Għalhekk aħna msejħin biex nilqgħu ż-żminijiet li qed ngħixu fihom bħal xitla li tagħti l-frott, bil-bidliet u l-isfidi tagħha, għax propju permezz ta’ dan kollu – jgħid il-Vanġelu – li l-Mulej ikun fil-qrib. U sadanittant aħna msejħin biex nikkultivaw dan l-istaġun tagħna, ninterpretawh, biex niżirgħu iż-żerriegħa tal-Evanġelju, biex niżbru l-friegħi niexfa tal-ħażen, u hekk nagħtu l-frott. Aħna msejħin biex niftħu qalbna permezz tal-profezija.

Niftħu qalbna għall-profezija. Din hija kwistjoni li nitgħallmu nagħrfu s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla fid-dinja ta’ madwarna, f’postijiet u sitwazzjonijiet li, għad illi mhumiex immarkati b’mod espliċitu mill-ispirtu Nisrani, jisfidawna u jitolbu tweġiba mingħandna. Fl-istess ħin, din hija kwistjoni li naraw kollox fid-dawl tal-Vanġelu mingħajr ma nsiru mondani – noqgħodu attenti! – imma nibqgħu ħabbâra u xhieda tal-profezija Nisranija. Noqgħodu attenti mill-mondanità. Li naqgħu fil-mondanità aktarx hija l-agħar ħaġa li tista’ tiġri lill-komunità Nisranija. Naraw li anke f’dan il-pajjiż, fejn it-tradizzjoni tal-fidi għandha għeruq sodi, qed naraw it-tixrid tas-sekulariżmu u l-effetti tiegħu, li ħafna drabi jirriskja li jhedded l-integrità u l-ġmiel tal-familja, jesponi liż-żgħażagħ għal stili ta’ ħajja mmarkati mill-materjaliżmu u l-edoniżmu, u jwassal biex jippolarizza d-dibattitu dwar kwistjonijiet u sfidi ġodda. U allura t-tentazzjoni tagħna tista’ tkun li nwebbsu qalba, li ningħalqu fina nfusna u nieħdu attitudni ta’ “ġlied”.  Iżda dawn ir-realtajiet jistgħu ikunu opportunitajiet għalina l-Insara, għax isaħħu l-fidi tagħna u jkunu opportunità għalina biex napprofondixxu xi temi. Anke jgħinuna biex nistaqsu lilna nfusna kif dawn l-isfidi jistgħu jidħlu fi djalogu mal-Vanġelu, biex infittxu modi, għodod u lingwaġġi ġodda. F’dan is-sens, Benedittu XVI qal li ż-żminijiet differenti ta’ sekularizzazzjoni kienu ta’ għajnuna għall-Knisja għax “ikkontribwew b’mod essenzjali għat-tisfija u r-riforma interjuri tagħha. Fil-fatt, is-sekularizzazzjonijiet [...] kull darba fissru ħelsien profond tal-Knisja minn forom ta’ mondanità” (Laqgħa mal-Kattoliċi impenjati fil-Knisja u fis-soċjetà, Freiburg im Breisgau, 25 ta’ Settembru 2011). Ma’ kull tip ta’ sekularizzazzjoni hemm sfida u fl-istess ħin stedina biex il-Knisja tissaffa minn kull xorta ta’ mondanità. Ejjew niffukaw mill-ġdid fuq din il-kelma, li hija l-agħar: li taqa’ fil-mondanità hija l-agħar ħaġa li jista’ jiġrielna. Huwa paganiżmu fin, huwa paganiżmu li ma jneħħilekx il-paċi. Għaliex? Għax hu tajjeb? Le, imma għax jilluppjak.

L-impenn li nidħlu fi djalogu mas-sitwazzjonijiet attwali jitlob li l-komunità Nisranija tkun preżenti bħala xhieda tal-Evanġelju, li jkollha l-ħila li tagħti każ tal-mistoqsijiet u l-isfidi mingħajr biża’ jew riġidità. Dan mhux faċli fid-dinja tal-lum; jitlob sforz kbir. Hawnhekk naħseb b’mod partikolari fl-ammont ta’ xogħol kbir li jsir mis-saċerdoti. Min-naħa l-waħda hemm il-ħidma tal-ħajja tal-parroċċa u l-pastorali, li hi ħidma kbira, min-naħa l-oħra hemm il-vokazzjonijiet li qed jonqsu, u allura s-saċerdoti huma inqas fin-numru, ħafna minnhom anzjani u juru sinjali ta’ għeja. Din is-sitwazzjoni hija komuni f’ħafna partijiet tal-Ewropa, u kulħadd – kemm ir-rgħajja kif ukoll il-lajċi – għandu jħossu responsabbli biex jindirizzaha. L-ewwel, bit-talb, peress li s-soluzzjonijiet se jiġu mill-Mulej u mhux mid-dinja, mit-tabernaklu u mhux mill-kompjuter. Imbagħad, b’ħeġġa mġedda għall-promozzjoni tal-vokazzjonijiet, jinstabu modi kif jattiraw u jħeġġu ż-żgħażagħ biex jimxu wara Ġesù, ukoll permezz ta’ konsagrazzjoni speċjali.

Dak li qaltilna Sor Krisztina huwa sabiħ  ferm. Madankollu, il-vokazzjoni tagħha kienet diffiċli. Biex issir Dumnikana l-ewwel sabet l-għajnuna ta’ saċerdot Franġiskan, imbagħad mill-Ġiżwiti permezz ta’ l-Eżerċizzi Spiritwali. Fl-aħħar, saret Dumnikana. Brava! Kellek mixja sabiħa. Kemm kien sabiħ dak li għidtilna dwar “li tiddiskuti ma’ Ġesù” dwar għaliex propju għażel lilha – hi xtaqet li Ġesù jagħżel lil ħutha u mhux lilha –, għandna bżonn nies li jafu jisimgħu u jgħinu lil dak li jkun biex “jiddiskuti” tajjeb mal-Mulej! B’mod aktar ġenerali, jeħtieġ li titnieda riflessjoni ekkleżjali – riflessjoni sinodali, li tinvolvi lil kulħadd – dwar kif naġġornaw il-ħajja pastorali mingħajr ma nissodisfaw sempliċiment li nirrepetu l-formuli tal-passat u mingħajr ma nibżgħu li neżaminaw mill-ġdid il-parroċċi lokali, li l-evanġelizzazzjoni ssir prijorità u li nħeġġu l-kooperazzjoni attiva bejn saċerdoti, katekisti, operaturi pastorali, u katekisti. Intom diġà bdejtu dan il-proċess: jekk jogħġobkom, komplu mexjin ʼil quddiem. Fittxu modi kif tgħinu lil xulxin bil-ferħ fil-kawża tal-Vanġelu, kulħadd bil-kariżma tiegħu, u ħarsu lejn il-ħidma pastorali bħala tħabbira kerygmatika, jiġifieri xi ħaġa li tqanqal il-kuxjenzi tan-nies. F’dan ir-rigward, dak li qaltilna Dorina dwar il-ħtieġa li niltaqgħu mal-proxxmu tagħna permezz ta’ rakkonti u li nitkellmu dwar il-ħajja ta’ kuljum, huwa importanti. Hawnhekk, nixtieq nenfasizza l-ħidma sabiħa tal-katekisti, dan l-antiquum ministerium. Hemm postijiet fid-dinja, l-Afrika, pereżempju, fejn l-evanġelizzazzjoni ssir mill-katekisti. Il-katekisti huma pilastri tal-Knisja. Grazzi għal dak li tagħmlu. Nirringrazzja wkoll lid-djakni u lill-katekisti, li għandhom rwol deċiżiv biex jgħaddu l-fidi lill-ġenerazzjoni żagħżugħa, u lil dawk l-għalliema u l-formaturi kollha li huma impenjati b’mod tant ġeneruż fil-ħidma tal-edukazzjoni. Grazzi!

Irrid nassigurakom li ministeru pastorali kif għandu jkun, huwa possibbli biss jekk aħna kapaċi ngħixu kif ikkmandana l-Mulej, dik l-imħabba li hija d-don tal-Ispirtu tiegħu. Jekk nitbiegħdu minn xulxin, jew ninfirdu, jekk insiru iebsin fil-mod kif naħsbuha jew fil-gruppi tagħna, jekk naħsbu biss fina nfusna, fl-ideat tagħna u t-teoloġiji tagħna, allura ma nagħmlux il-frott. Kemm hi ħaġa ta’ swied il-qalb meta ninfirdu bejnietna, u minflok nilagħbu bħala tim wieħed, nibdew nilagħbu l-logħba tal-għadu: hu x-Xitan li jifred. Huwa jispeċjalizza f’dan. Naraw isqfijiet li ma jikkomunikawx ma’ xulxin, qassisin miġġieldin mal-isqof tagħhom, qassisin anzjani kontra żgħażagħ, qassisin djoċesani kontra reliġjużi, qassisin kontra lajċi, Latini kontra Griegi. Kwistjonijiet dwar il-ħajja tal-Knisja, u problemi politiċi u soċjali, jippolarizzawna u ma niċċaqalqux dwar pożizzjonijiet ideoloġiċi. Tħallux l-ideoloġiji jidħlu fikom. Il-ħajja tal-fidi, l-att tal-fidi ma jistax jiġi ridott għal ideoloġija: dil-ħaġa ġejja mix-xitan. Le! Ftakru dejjem li l-ewwel ħidma pastorali tagħna hija li nagħtu xhieda tal-komunjoni, għax Alla hu komunjoni u hu preżenti kull fejn hemm l-imħabba tal-aħwa. Jalla negħilbu l-firdiet umani tagħna u naħdmu flimkien fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej! Jalla ngħoddsu fl-ispirtu tal-Vanġelu, inniżżlu l-għeruq tagħna fit-talb, speċjalment fl-adorazzjoni u fis-smigħ tal-kelma ta’ Alla, u nikkultivaw il-formazzjoni kontinwa, il-fraternità, il-qrubija u l-attenzjoni lejn l-oħrajn. F’idejna tqiegħed teżor kbir; ejjew ma naħluhx billi niġru wara affarijiet li huma sekondarji għall-Vanġelu!

Hawnhekk, nixtieq ngħid dan: oqgħodu attenti miz-zekzik! Iz-zekzik fost l-isqfijiet, is-saċerdoti, is-sorijiet u l-lajċi. Iz-zekzik ikisser. Taħsbu li hu ħaġa tajba, u jinżillek għasel. Tieħu gost titkellem fuq l-oħrajn. Oqgħodu attenti, għax huwa t-triq tal-qerda. Jekk persuna kkonsagrata jew lajka tevita li titkellem ħażin fuq ħaddieħor, din il-persuna hija qaddisa. Għamlu kif qed ngħidilkom: xejn zekzik! “Veru, Father!”, wieħed jista’ jgħid, “imma hu diffiċli u xi drabi wieħed jiżloq”. Hemm rimedju sabiħ kontra z-zekzik: it-talb, pereżempju. Hemm rimedju ieħor: igdem ilsienek. Igdem ilsiensek u tgħid xejn. Ftehimna?

Hemm ħaġa oħra li nixtieq ngħid lis-saċerdoti. Biex nuru wiċċ tal-Missier lill-poplu qaddis t’Alla u noħolqu spirtu ta’ familja, ejjew nippruvaw ma nkunux iebsin, u inħarsu lejn l-oħrajn bil-ħniena u l-mogħdrija. F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza xi ħaġa: x’inhu l-istil ta’ Alla. L-istil primarju ta’ Alla huwa attitudni ta’ qrubija. Hu qal dan fid-Dewteronomju: “Għidli, liema poplu għandu l-allat tagħhom hekk qrib daqskemm jien qrib tiegħek?” L-attitudni ta’ Alla hija qrubija, mogħdrija u tenerezza. Dan hu l-istil ta’ Alla: qrubija, mogħdrija u tenerezza. Ejjew insegwu dan l-istil. Jien xejn qrib in-nies? Ngħin lin-nies? Jien ħanin, jew nikkundanna lil kulħadd? Nuri ħlewwa u ġentilezza mal-oħrajn? Għalhekk ejjew inneħħu l-ebusija, u minflok nuru qrubija, kompassjoni u tenerezza. Laqatni l-kliem ta’ Father József, li fakkarna fil-ministeru u fid-dedikazzjoni ta’ ħuh, il-Beatu János Brenner, li nqatel b’mod barbaru fl-età żgħira ta’ 26 sena. Il-poplu tagħkom kellu numru kbir ta’ xhieda u konfessuri tal-fidi matul ir-reġimi totalitarji tas-seklu li għadda! Intom batejtu ħafna! Il-Beatu János bata ħafna f’ħajtu, u kien ikun iktar faċli għalih li jżomm ġo fih mibegħda, jingħalaq fih innifsu u jwebbes qalbu. Minflok, hu kien ragħaj tajjeb. Dan huwa dak li hu mitlub minn kull wieħed u waħda minna, imma speċjalment mis-saċerdoti: ħarsu lejn l-oħrajn b’ħarsa ta’ ħniena, b’qalb li taħfer dejjem, għinu lill-oħrajn biex jerġgħu jibdew mill-ġdid, ilqgħu lill-oħrajn bla ma tiġġudikawhom jew tkeċċuhom, għamlulhom l-qalb bla ma tikkritikaw, aqdu u tgħidux fuq l-oħrajn.

Din l-attitudni tħarriġna biex nilqgħu lill-oħrajn, u din hija wkoll profezija: jiġifieri li nġibu l-faraġ tal-Mulej f’sitwazzjonijiet ta’ wġigħ u faqar fid-dinja tagħna, li nkunu qrib tal-Insara ppersegwitati, tal-migranti li jfittxu min jilqagħhom, tan-nies ta’ gruppi etniċi differenti u ta’ kull min hu fil-bżonn.  F’dan ir-rigward, għandkom eżempji kbar ta’ qdusija, bħal ma hu San Martin. Ix-xbieha li jaqsam il-mantar tiegħu ma’ bniedem fqir hija aktar minn sempliċi eżempju ta’ karità: hija xbieha tal-Knisja li nħabirku għaliha u ta’ dak li l-Knisja fl-Ungerija tista’ ġġib fil-qalba tal-Ewropa: ix-xhieda profetika ta’ ħniena u qrubija. Iżda nixtieq għal darb'oħra nsemmi lil San Stiefnu, li r-relikwi tiegħu jinsabu hawn qrib tiegħi. San Stiefnu, kien l-ewwel wieħed li afda lil dan in-nazzjon f’idejn Omm Alla, kien evanġelizzatur ma jaqta’ qalbu minn xejn, u fundatur ta’ monasteri u abbaziji. Kien kapaċi wkoll jisma’ u jitkellem tajjeb ma’ kulħadd, u wera attenzjoni speċjali għall-fqar, billi naqqsilhom it-taxxi u kien imur jittallab bil-moħbi, biex ma jagħrfuhx. Din hija l-Knisja li nixtiequ: Knisja li kapaċi tisma’, tiddjaloga u li tieħu ħsieb tal-aktar vulnerabbli. Knisja li tilqa’ lil kulħadd u kuraġġuża biex twassal il-profezija tal-Vanġelu lil kulħadd.

Għeżież ħuti, Kristu hu l-futur tagħna, għax huwa hu li jmexxi l-istorja, hu l-Mulej tal-istorja. Il-konfessuri tal-fidi f’pajjiżkom kienu konvinti bis-sħiħ minn dan: ħafna Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa martri matul il-persekuzzjoni ateja; huma taw  xhieda tal-fidi tal-azzar tal-Ungeriżi. U minix inkabbarha! Jien konvint li intom għandkom fidi tal-azzar. U ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla. Nixtieq infakkarkom fil-Kardinal Mindszenty, li emmen fil-qawwa tat-talb, sal-punt li anke llum, kważi bħal qawl popolari, intom tgħidu: “Jekk ikun hemm miljun Ungeriż jitolbu, ma nibżax mill-futur”.  Kunu qalbkom miftuħa, akkoljenti, kunu xhieda tal-profezija tal-Evanġelju, imma fuq kollox kunu nisa u rġiel ta’ talb, għax minn dan jiddependu l-istorja u l-futur tagħkom. Nirringrazzjakom tal-fidi tagħkom u tal-fedeltà tagħkom, tal-ġid kollu li tagħmlu. U ma nistax ninsa x-xhieda kuraġġuża u kollha sabar tas-Sorijiet Ungeriżi tas-Soċjetà ta’ Ġesù, li ltqajt magħhom fl-Arġentina wara li kienu telqu mill-Ungerija waqt persekuzzjoni reliġjuża. Kienu nisa ta’ xhieda kbira, kienu bravi ħafna! Bix-xhieda tagħhom lili għamluli ħafna ġid. Nitlob għalikom, biex fuq l-eżempju tax-xhieda l-kbar tagħkom ta’ fidi, qatt ma tinħakmu minn għeja interjuri, li twassalna għall-medjokrità, anzi imxu ‘l quddiem bil-ferħ. U nitlobkom tkomplu titolbu għalija.

 

Miġjub għall-Maltin minn Fr Roy Galdes