VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU(
fl-UNGERIJA
(28 - 30 ta’ April, 2023)

REGINA CAELI

  Budapest, Pjazza Kossuth Lajos
Il-Ħadd, 30 ta’ April, 2023

 

Irrodd ħajr lill-Kardinal Erdő għall-kliem li ndirizzali.  Insellem lis-Sinjura President, lill-Prim Ministru u lill-Awtoritajiet preżenti.  Issa li rġajt sejjer lura lejn Ruma nixtieq nesprimi rikonoxxenza lilhom, lil ħuti Isqfijiet, lis-saċerdoti, lill-persuni konsagrati rġiel u nisa u lill-għażiż popli ungeriż kollu għall-akkoljenza u l-għożża li ħassejt dawn l-aħħar jiem.  U nesprimi gratitudni lejn min ġie hawn mill-bogħod u lil min ħadem u ħadem tant tajjeb biex setgħet isseħħ diż-żjara.  Ngħid lil kulħadd köszönömIsten fizesse! (Grazzi, Alla jroddilkom lura!)  Tifkira speċjali għall-morda u l-anzjani, għal min ma setax ikun hawn, min iħossu waħdu u min tilef il-fidi f’Alla u t-tama fil-ħajja.  Jien qribkom, nitlob għalikom u nberikkom.

Insellem lid-Diplomatiċi u lil ħuti ta’ konfessjonijiet insara oħra.  Grazzi tal-preżenza tagħkom u grazzi għaliex f’dal-pajjiż il-konfessjonijiet u r-reliġjonijiet differenti jiltaqgħu u jwieżnu lil xulxin.  Il-Kardinal Erdő qal li hawnhekk ilkom tgħixu “elf sena fil-konfini orjentali tal-kristjanità oċċidentali”.  Sabiħ li l-konfini ma jirrappreżentawx fruntieri li jifirdu, iżda żoni ta’ kuntatt;  u li dawk li jemmnu fi Kristu jqiegħdu fl-ewwel  post il-karità li tgħaqqad u mhux id-differenzi storiċi, kulturali u reliġjużi li jifirdu.  Jorbotna flimkien l-Evanġelju u huwa biss meta nduru lejn dik l-għajn li l-mixja bejn l-insara tista’ tkompli miexja skont ir-rieda ta’ Ġesù, ir-Ragħaj it-tajjeb li jridna magħqudin f’merħla waħda.

Induru issa lejn il-Madonna.  F’idejha Magna Domina Hungarorum, (il-Kbira Reġina tal-Ungeriżi), li tinvokawha bħala Reġina u Patruna, nafda lill ungeriżi kollha.  U minn dil-belt kbira u minn dal-pajjiż nobbli rrid inqiegħed f’qalbha l-fidi u l-ġejjieni tal-Kontinent ewropew kollu, li tant ftakart fih dal-ġranet, u b’mod partikolari l-kawża tal-paċi.  Verġni Mqaddsa, ħares lejn il-popli li qed isofru.  Ħares fuq kollox lejn il-poplu martri ġâr tal-Ukrajna u lejn il-poplu russu, it-tnejn ikkonsagrati lilek.  Inti Reġina tal-Paċi, nissel fil-qlub tal-bnedmin u ta’ min hu responsabbli fost in-nazzjonijiet, ix-xewqa li jibnu l-paċi, li lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin ituhom futur ta’ tama, mhux ta’ gwerra; ġejjieni mimli bennieni, mhux bl-oqbra; dinja ta’ aħwa mhux ta’ ħitan.

Aħna nħarsu lejk, Qaddisa Omm Alla: wara l-qawmien ta’ Ġesù int akkumpanjajt l-ewwel passi tal-komunità nisranija, għamiltha perseveranti u bnejtha fl-armonija bit-talb (cfr Atti 1, 14).  Hekk żammejt magħqudin lil dawk li jemmnu u ħarist l-għaqda bl-eżempju manswet u ta’ qadi.  Nitolbuk għall-Knisja fl-Ewropa, sabiex issib mill-ġdid il-qawwa tat-talb, sabiex mill-ġdid titgħallem minnek l-umiltà u l-ubbidjenza, il-ħeġġa tax-xhieda u s-sbuħija tal-aħbar.  Nafdawlek lil dil-Knisja u lil dal-pajjiż.  Int li fraħt meta Ibnek qam, fawwrilna qlubna bl-hena tiegħu.  Għeżież ħuti, dan nawguralkom, li tferrxu l-ferħ ta’ Kristu: Isten éltessen! (Awguri!).  Inħossni grat għal dawn il-ġranet, inżommkom f’qalbi u nitlobkom titolbu għalija.  Isten áld meg a magyart! (Alla jbierek lill-ungeriżi!)

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber