VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-UNGERIJA

 (28 – 30 ta’ April 2023) 

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA

Titjira Papali

Il-Ħadd 30 ta’ April 2023

 

Matteo Bruni:

Il-lejla t-tajba, Santità, grazzi tal-kliem tiegħek f’dawn il-jiem fid-diversi laqgħat ma’ bosta partijiet tas-soċjetà Ungeriża, xi ftit jew wisq f’kontinwità mal-laqgħa l-oħra li kellek f’Settembru 2021; u grazzi wkoll għal din l-okkażjoni li fiha nistgħu nkomplu nitkellmu fuq il-vjaġġ miegħek. Grazzi ħafna.

 

Il-Papa Franġisku:

Il-lejla t-tajba u grazzi lilkom tal-ħidma tagħkom, il-kumpanija tagħkom. Kienu tlett ijiem intensi imma tajbin. Issa l-kelma f’idejkom.

 

Matteo Bruni:

Mela, l-ewwel mistoqsija ġejja minn ġurnalista Ungeriż, Antal Hubai mit-televiżjoni Ungeriża.

 

Antal Hubai – RTL KLUB:

L-għodwa t-tajba, nafu li int, Santità, kellek diversi esperjenzi personali mal-Ungeriżi tul ħajtek. Inbidlet – u jekk iva, kif – il-viżjoni tiegħek wara l-laqgħat li għext issa fl-Ungerija?

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, veru li kelli esperjenzi fis-snin sittin meta kont qed nistudja ċ-Ċilì, tant Ġiżwiti Ungeriżi, kellhom imorru hemm għax ġew imkeċċija mill-Ungerija. Imbagħad bqajt ħabib ħafna mas-sorijiet Ungeriżi ta’ Maria Ward, li kellhom skola xi 20km bogħod minn Buenos Aires. Jiena kont inżurhom darbtejn fix-xahar u nagħmilha xi ftit ta’ kappillan straordinarju. Imbagħad anki ma’ assoċjazzjoni tal-lajċi Ungeriżi ta’ Buenos Aires li kienu jaħdmu fil-kolleġġjalità Ungeriża, kont nafhom sew. Ma kontx nifhem l-idjoma, imma żewġ kelmiet fhimthom: gulasch u tokaj! Kienet esperjenza sabiħa u ħassejtni milqut ħafna mit-tbatija li tkun rifuġjat, li ma tistax terġa’ lura f’darek; u s-sorijiet ta’ Maria Ward li baqgħu hemm kienu jistaħbew f’appartamenti biex ma jkeċċihomx ir-reġim. Imbagħad sirt naf iktar mill-qrib l-istorja biex jikkonvinċu lill-Kardinal twajjeb Mindszenty jmur Ruma. U rajt ukoll l-entużjażmu tal-1956 u mbagħad id-delużjoni ta’ wara. Xi ftit jew wisq, dan.

 

Matteo Bruni:

…jekk inbidlitx il-fehma tiegħek fuq l-Ungeriżi wara dawk iż-żewġ vjaġġi qosra…

 

Il-Papa Franġisku:

Le, ma nbidlitx. Forsi stagħniet iktar, stagħniet fis-sens li l-Ungeriżi li ltqajt magħhom għandhom kultura kbira, kultura kbira; anki dawk li ma kinux ta’ klassi soċjali għolja, anki s-sempliċi kellhom kultura tal-bażi elevati ħafna. Normalment kienu jitkellmu l-Ġermaniż jew l-Ingliż, għax l-Ungeriż ma jiġix mitkellem barra mill-Ungerija… Fil-ġenna biex jitkellmuh għax jgħidu li trid eternità biex titgħallmu, l-ilsien Ungeriż! Ma nbidlitx, anzi bil-maqlub: rajt l-istess stil li ġa kont naf.

 

Matteo Bruni:

It-tieni mistoqsija hi ta’ Eliana Ruggiero mill-Agi.

 

Eliana Ruggiero – AGI:

Santità, int għamilt appell biex niftħu – nerġgħu niftħu – il-bibien tal-egoiżmu tagħna lill-foqra, lill-migranti, li min hu irregolari. Fil-laqgħa tiegħek mal-Prim Ministru Ungeriż Orbán tlabtu biex jerġa’ jiftaħ il-fruntieri tar-rotta Balkanika li għalaq? Imbagħad, fil-jiem li għaddew iltqajt ukoll mal-Metropolita Hilarion: Hilarion u l-istess Orbán jistgħu jsiru kanali ta’ ftuħ lejn Moska biex iħaffu proċess ta’ paċi għall-Ukrajna, jew jagħmlu possibbli laqgħa bejnek u bejn il-President Putin? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Nemmen li l-paċi naslu għaliha dejjem billi niftħu kanali, qatt ma tista’ tasal għall-paċi bl-għeluq. Nistieden lil kulħadd biex jiftaħ relazzjonijiet, kanali ta’ ħbiberija. Din mhix ħaġa faċli. L-istess diskors li għamilt b’mod ġenerali, għamiltu ma’ Orbán u għamiltu xi ftit jew wisq kullimkien.

 

Fuq il-migrazzjonijiet: nemmen li din hi problema li l-Ewropa trid tieħu f’idejha, għax huma ħames pajjiżi li qed ibatu l-iżjed: Ċipru, il-Greċja, Malta, l-Italja, Spanja, għax huma l-pajjiżi Mediterranji u l-parti l-kbira hemm jiżbarkaw. U jekk l-Ewropa ma tiħux responsabbiltà ta’ dan, ta’ tqassim ekwu tal-migranti, il-problema tkun biss ta’ dawn il-pajjiżi. Nemmen li l-Ewropa għandha turi li hi “Unjoni Ewropea” anki quddiem dan.

 

Hemm problema oħra li hi marbuta mal-migrazzjoni, u din hi r-rata tat-twelid. Hemm pajjiżi bħall-Italja u Spanja fejn ftit qed ikun hemm trabi ġodda. Is-sena l-oħra tkellimt dwar dan f’laqgħa tal-familji u dan l-aħħar rajt li anki l-Gvern [Taljan] u Gvernijiet oħra qed jitkellmu fuqha. L-età medja fl-Italja hi ta’ 46 sena, għal Spanja hi ogħla u hemm irħula żgħar bla nies xejn. Programm migratorju, imma mmexxi tajjeb fuq il-mudell li mxew fuqu ċerti pajjiżi fejn tidħol il-migrazzjoni – qed tiġini f’moħħi, ngħidu aħna, l-Iżvezja fi żmien id-dittaturi tal-Amerika Latina –, jista’ jgħin ukoll lil dawn il-pajjiżi li għandhom perċentwal baxx ta’ twelid.

 

Imbagħad, fl-aħħar, Hilarion. Hilarion hu persuna li nirrispetta ħafna, u dejjem kellna relazzjoni tajba. U hu wera l-kortesija li ġie jfittixni, imbagħad kien għall-quddiesa, u rajtu hawn ukoll, l-ajruport. Hilarion hu persuna intelliġenti li magħha tista’ titkellem, u dawn ir-relazzjonijiet jeħtieġ inżommuhom, għax jekk nitkellmu fuq ekumeniżmu u mbagħad ngħidu: “Dan jogħġobni, dan ma jinżillix”… Irid ikollna jdejna miftuħa għal kulħadd, u anki nilqgħu l-id ta’ ħaddieħor. Mal-Patrijarka Kirill tkellimt darba biss minn meta bdiet il-gwerra, 40 minuta fuq Zoom, imbagħad permezz ta’ Antony, li issa ħa post Hilarion, u li jiġi jarani: huwa isqof li kien kappillan Ruma u jaf tajjeb l-ambjent, u dejjem permezz tiegħu nidħol f’kollegament ma’ Kirill. Għadha ma saritx il-laqgħa li kellna nagħmlu f’Ġerusalemm f’Lulju jew Ġunju tas-sena l-oħra, imma minħabba l-gwerra ma saritx: dik għandha ssir. U mbagħad, mar-Russi għandi relazzjoni tajba mal-Ambaxxatur li issa wasal biex jitlaq, ilu Ambaxxatur 7 snin il-Vatikan, hu bniedem kbir, bniedem comme il faut. Persuna serja, kolta, ibbilanċjata ħafna. Ir-relazzjoni mar-Russi prinċipalment hi ma’ dan l-Ambaxxatur. Ma nafx għidtx kollox…

 

Eliana Ruggiero:

Jekk b’xi mod Hilarion jew anki Orbán setgħux iħaffu l-proċess tal-paċi fl-Ukrajna u anki jagħmlu possibbli laqgħa bejnek u Putin, jekk jistgħux jagħmluha – biex ngħidu hekk – ta’ intermedjarji?

 

Il-Papa Franġisku:

Int tista’ timmaġina li f’din il-laqgħa ma tkellimniex biss fuq Barnuża l-Ħamra, tkellimna fuq dawn l-affarijiet kollha. Nitkellmu fuq dan għax kulħadd hu interessat fit-triq tal-paċi. Jiena miftuħ, lest biex nagħmel dak kollu li jista’ jsir. Imqar bħalissa għaddejja missjoni, imma għadha mhix pubblika, issa naraw… Meta tkun pubblika, nitkellem fuqha.

 

Matteo Bruni:

It-tielet mistoqsija hi ta’ Aura Maria Vistas Miguel, li tinsab hawn fuq ix-xellug tiegħek.

 

Aura Maria Vistas Miguel – Rádio Renascença – Portugall:

Santità, it-tappa li jmiss hi Lisbona, u allura żewġ affarijiet. Kif inhi saħħtek? Għax inħsadna meta int dħalt l-isptar, hemm min qal li ħassek ħażin. Allura tħoss li għandek enerġija biex tmur tiltaqa’ ma’ eluf ta’ żgħażagħ f’dawk il-jiem f’Awwissu f’Lisbona? U fil-JDŻ tixtieq tistieden żagħżugħ Ukren u żagħżugħ Russu bħala sinjal ta’ paċi anki għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda?

 

Il-Papa Franġisku:

Qabelxejn is-saħħa. Dak li kelli kien uġigħ kbir fi tmiem Udjenza tal-Erbgħa. Ma ħassejtnix f’sikti niekol, imteddejt ftit. Ma ntliftx minn sensija, imma kelli deni għoli, u fit-3.00pm it-tabib dritt daħħalni l-isptar: pulmonite qawwija, fil-parti ta’ isfel tal-pulmuni. Għall-grazzja ta’ Alla qiegħed hawn biex nirrakkonta, għax l-organiżmu, il-ġisem, wieġeb tajjeb għat-trattament. Niżżu ħajr lil Alla. Dan hu li kelli.

 

Imbagħad Lisbona: jum qabel it-tluq tkellimt ma’ Mons. Américo [Américo Aguiar, Isqof Awżiljarju ta’ Lisbona u President tal-Fondazzjoni JDŻ 2023] li ġie jara ftit kif inhuma l-affarijiet… Iva, se mmur, se mmur, u nittama li jirnexxili. Intom qed taraw li m’iniex l-istess wieħed ta’ sentejn ilu, imma bil-bastun… Issa aħjar, għalissa l-vjaġġ mhuwiex ikkanċellat. Imbagħad hemm il-vjaġġ f’Marsilja, imbagħad il-vjaġġ fil-Mongolja, u mbagħad hemm ieħor li ma niftakarx għal fejn hu… Il-programm għadu wieħed ta’ vjaġġi, issa naraw!

 

Aura Maria Vistas Miguel:

U l-possibbiltà ta’ laqgħa maż-żewġ żgħażagħ, mir-Russja u l-Ukrajna?

 

Il-Papa Franġisku:

Américo għandu xi ħaġa f’moħħu, hu qed jipprepara xi ħaġa, qalli… Qed jippreparaha tajjeb.

 

Matteo Bruni:

Ir-raba’ mistoqsija hi ta’ Nicole Winfield, Santità, u mbagħad naraw jekk bil-ħin jirnexxilniex…

 

Nicole Winfield – Associated Press:

Santità, xtaqt nistaqsik ħaġa xi ftit differenti. Dan l-aħħar int għamilt ġest ekumeniku qawwi ħafna, tajt lill-Greċja t-tliet frammenti tal-iskulturi tal-Partenon, min-naħa tal-Musei Vaticani. Dan il-ġest kellu wkoll eku barra mid-dinja Ortodossa, għax ħafna mużewijiet tal-Punent qed jiddiskutu proprju għandhomx iroddu oġġetti li ttieħdu tul il-perjodu kolonjali, bħala att ta’ ġustizzja fil-konfront ta’ dawn il-persuni. Xtaqt nistaqsik jekk intix lest tagħmel ġesti oħra ta’ restituzzjoni. Qed naħseb, ngħidu aħna, fil-popli u l-gruppi indiġeni tal-Kanada li talbu li jintraddulhom oġġetti mill-kollezzjonijiet tal-Vatikan bħala parti mill-proċess ta’ riparazzjoni għall-ħsarat li ġarrbu fil-perjodu kolonjali.

 

Il-Papa Franġisku:

Dan, qabelxejn, hu s-seba’ kmandament: jekk int sraqt, trid trodd lura! Imma hemm storja sħiħa. Xi drabi l-gwerer u l-kolonizzazzjonijiet iwassluna biex nieħdu dawn id-deċiżjonijiet li nieħdu l-oġġetti tajbin tal-oħrajn. Dan kien ġest tajjeb, kellu jsir: il-Partenon, nagħtuhom xi ħaġa. U jekk għada jiġu l-Eġizzjani jitolbu l-obelisk, x’nagħmlu? Hemm wieħed irid jagħmel dixxerniment, kull każ għalih. U mbagħad ir-restituzzjoni tal-oġġetti indiġeni: dan għaddej, mal-Kanada, tal-inqas konna qbilna li nagħmluh. Issa nistaqsi kif sejjer. Imma l-esperjenza li kellna mal-aboriġini tal-Kanada ħalliet ħafna frott. Anki fl-Istati Uniti l-Ġiżwiti qed jagħmlu xi ħaġa, ma’ dak il-grupp ta’ indiġeni fl-Istati Uniti, is-Superjur Ġenerali rrakkontali l-aħħar darba… Imma lura għar-restituzzjoni. Skont kemm wieħed jista’ jrodd lura, li hu ġest neċessarju, aħjar isir. Xi drabi wieħed ma jkunx jista’, ma hemmx il-possibbiltà politika jew il-possibbiltà reali, konkreta. Imma skont kemm wieħed jista’ jrodd, għandu jsir, nitlobkom, dan jagħmel ġid lil kulħadd. Biex ma nidrawx indaħħlu jdejna fil-but tal-oħrajn!

 

Matteo Bruni:

Mela, nagħmlu mistoqsija tal-aħħar: Eva Fernandez di Radio Cope, li tinsab hawn…

 

Eva Fernandez di Radio Cope:

Il-Prim Ministru Ukren talab l-għajnuna tiegħek biex jinġabu lura t-tfal li ttieħdu bil-forza fir-Russja, taħseb li tista’ tgħinu? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Naħseb li iva, għax is-Santa Sede għamlitha ta’ intermedjarju f’xi sitwazzjonijiet ta’ skambju ta’ priġunieri, u permezz tal-Ambaxxata marret tajjeb. Naħseb li tista’ tmur tajjeb din ukoll. Importanti, tal-inqas is-Santa Sede hi lesta biex tagħmel dan għax hi ħaġa ġusta, hi ħaġa tajba u rridu ngħinu, ngħinu biex dan ma jkunx casus belli, imma każ uman. Hi problema ta’ umanità qabel ma hi problema ta’ priża tal-gwerra jew ta’ “traslok” tal-gwerra. Il-ġesti kollha jgħinu, imma l-ġesti ta’ kefrija ma jgħinux. Irridu nagħmlu dak kollu li hu umanament possibbli.

 

Qed naħseb ukoll, u rrid ngħidha, fin-nisa li jiġu fil-pajjiżi tagħna: l-Italja, Spanja, il-Polonja, l-Ungerija, tant nisa li jiġu bit-tfal, u żwieġhom jew mietu jew qed jiġġieldu l-gwerra. Hu minnu, hemm entużjażmu u bħalissa qed ngħinuhom; imma ma rridux nitilfu l-entużjażmu li nagħmluh dan, għax, meta l-entużjażmu jnin, dawn in-nisa jibqgħu bla protezzjoni, bil-periklu li jaqgħu f’idejn l-avultuni li dejjem iduru u jagħqdu biex jaraw x’ħa jsibu… Attenti biex ma nitilfux din l-attenzjoni ta’ għajnuna li għandna għar-rifuġjati. U dan irridu nagħmluh kollha kemm aħna. Grazzi.

 

Grazzi lilkom! L-ikla t-tajba! Imma ma nafx hix ikla jew xi ħaġa oħra biex tqarraq bl-istonku. Grazzi ħafna tal-ħidma tagħkom.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard