VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-UNGERIJA

 (28 – 30 ta’ April 2023)

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Pjazza Kossuth Lajos (Budapest)

Il-Ħadd 30 ta’ April 2023

 

L-aħħar kelmiet li Ġesù jlissen, fil-Vanġelu li għadna kemm smajna, jiġbru s-sens tal-missjoni tiegħu: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10). Dan hu li jagħmel ragħaj tajjeb: jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Hekk Ġesù, bħal ragħaj li joħroġ ifittex il-merħla tiegħu, ġie biex ifittxna meta konna mitlufa; bħal ragħaj, ġie jaħtafna minn ħalq il-mewt; bħal ragħaj, li jaf waħda waħda n-nagħġiet tiegħu u jħobbhom bi ħlewwa bla tarf, daħħalna fil-maqjel tal-Missier, u għamilna wliedu.

 

Ejjew mela nikkontemplaw ix-xbieha tar-Ragħaj it-tajjeb, u nieqfu fuq dawn iż-żewġ azzjonijiet li, skont il-Vanġelu, huwa jwettaq għan-nagħaġ tiegħu: l-ewwel isejħilhom, imbagħad joħroġhom barra.

 

1. Qabelxejn, “isejjaħ in-nagħaġ tiegħu” (v. 3). Fil-bidu tal-istorja tas-salvazzjoni tagħna ma hemmx aħna bil-merti tagħna, il-ħiliet tagħna, l-istrutturi tagħna; fil-bidu hemm is-sejħa ta’ Alla, ix-xewqa tiegħu li jilħaqna, l-għożża tiegħu għal kull wieħed u waħda minna, il-kotra tal-ħniena tiegħu li trid issalvana mid-dnub u mill-mewt, biex tagħtina l-ħajja bil-kotra u l-hena bla tmiem. Ġesù ġie bħala Ragħaj tajjeb tal-umanità biex isejħilna u jeħodna lura d-dar. Allura aħna, waqt li niftakru f’dan bi gratitudni, nistgħu niftakru fi mħabbtu għalina, għalina li konna mbegħdin minnu. Iva, waqt li “aħna [konna] lkoll bħal nagħaġ mitlufa” u “kull wieħed minna qabad trid għal rasu” (Iż 53:6), hu tgħabba bil-ħażen tagħna u refa’ fuqu l-ħtijiet tagħna, biex ħadna lura fil-qalb tal-Missier. Hekk aħna smajna lill-Appostlu Pietru jgħid fit-Tieni Qari: “Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa, imma issa rġajtu lura għand ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom” (1 Piet 2:25). U mill-ġdid, f’kull sitwazzjoni tal-ħajja, f’dak li nġorru fil-qalb tagħna, meta nħossuna mitlufa, fil-biżgħat tagħna, meta spiss inħossuna mirbuħa, fil-ħabs tan-niket li nirriskjaw li nispiċċaw fih bħal f’ġagga, hemm hu li qed isejħilna. Jiġi bħal Ragħaj tajjeb u jsejħilna b’isimna, biex jgħidilna kemm aħna għeżież f’għajnejh, biex jieħu ħsieb tal-ġrieħi tagħna u jieħu fuqu d-dgħufijiet tagħna, biex jiġmagħna fl-għaqda fil-maqjel tiegħu u jlaqqagħna mal-Missier u bejnietna.

 

Ħuti, waqt li ninsabu hawn dalgħodu, ejjew inħossu l-ferħ ta’ poplu wieħed qaddis ta’ Alla: ilkoll kemm aħna twelidna mis-sejħa tiegħu; huwa hu li ġemagħna u għalhekk aħna poplu tiegħu, il-merħla tiegħu, il-Knisja tiegħu. Ġemagħna hawn biex, imqar jekk aħna differenti minn xulxin u ġejjin minn komunitajiet differenti, il-kobor ta’ mħabbtu jiġborna lkoll fi tħaddina waħda. Kemm hu sabiħ li nkunu flimkien: l-Isqfijiet u s-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-fidili lajċi; u kemm hu sabiħ li naqsmu dan il-ferħ flimkien mad-Delegazzjonijiet ekumeniċi, mal-mexxejja tal-Komunità Lhudija, mar-rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet ċivili u tal-Korp diplomatiku. Din hi l-kattoliċità: ilkoll kemm aħna, imsejħin b’isimna mir-Ragħaj it-tajjeb, aħna msejħin nilqgħu u nxerrdu l-imħabba tiegħu, biex nagħmlu l-maqjel tiegħu inklużiv u qatt ma jkun wieħed li jeskludi. U, għalhekk, aħna lkoll imsejħin nikkultivaw relazzjonijiet ta’ fraternità u ta’ kollaborazzjoni, bla ma ninfirdu bejnietna, bla ma nqisu l-komunità tagħna bħala ambjent riservat, bla ma noqogħdu nħabblu moħħna kif kull wieħed u waħda ħa jiddefendi l-ispazju tiegħu, imma billi ninfetħu għall-imħabba reċiproka.

 

2. Wara li jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu, ir-Ragħaj “joħroġhom” (Ġw 10:3). L-ewwel daħħalhom fil-maqjel billi sejħilhom, issa jimbuttahom ’il barra. L-ewwel niġu miġmugħa fil-familja ta’ Alla biex inkunu l-poplu tiegħu, imma mbagħad niġu mibgħuta fid-dinja biex, bil-kuraġġ u bla biża’, insiru ħabbara tal-Bxara t-Tajba, xhieda tal-Imħabba li nisslitna mill-ġdid. Dan il-moviment – nidħlu u noħorġu – nistgħu nifhmuh bi xbieha oħra li juża Ġesù: dik tal-bieb. Hu jgħid: “Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa” (v. 9). Ejjew nerġgħu nisimgħuh tajjeb dan: jidħol u joħroġ. Minn banda, Ġesù hu l-bieb li nfetaħ beraħ biex aħna nistgħu nidħlu fil-komunjoni tal-Missier u nduqu l-ħniena tiegħu; imma, kif jaf kulħadd, bieb miftuħ iservi, barra biex nidħlu minnu, anki biex noħorġu mill-post fejn inkunu. U allura, wara li jkun reġa’ wassalna fit-tħaddina ta’ Alla u fil-maqjel tal-Knisja, Ġesù hu l-bieb li joħroġna fid-dinja: hu jimbuttana biex immorru niltaqgħu ma’ ħutna. U ejjew niftakruh sew dan: ilkoll, ħadd eskluż, aħna msejħin għal dan, biex noħorġu mill-kumditajiet tagħna u jkollna l-kuraġġ li nilħqu kull periferija li teħtieġ id-dawl tal-Vanġelu (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 20).

 

Ħuti, li “noħorġu” jfisser għal kull wieħed u waħda minna li nsiru, bħal Ġesù, bieb miftuħ. X’għafsa ta’ qalb tara bibien magħluqa: il-bibien magħluqa tal-egoiżmu tagħna għal min jimxi qrib tagħna ta’ kuljum; il-bibien magħluqa tal-individwaliżmu tagħna f’soċjetà li qed tirriskja li tittiekel mis-solitudni; il-bibien magħluqa tal-indifferenza tagħna għal min qed ibati u jinsab fil-faqar; il-bibien magħluqa għal min hu barrani, differenti, migrant, fqir. U saħansitra l-bibien magħluqa tal-komunitajiet ekkleżjali tagħna: magħluqa bejnietna, magħluqa għad-dinja, magħluqa għal min “hu irregolari”, magħluqa għal min hu mxennaq għall-maħfra ta’ Alla. Ħuti, nitlobkom, nitlobkom: ejjew niftħu l-bibien! Ejjew infittxu li nkunu aħna wkoll – bil-kliem, bil-ġesti, bil-ħajja ta’ kuljum – bħal Ġesù: bieb miftuħ, bieb li qatt ma jissabbat f’wiċċ ħadd, bieb li jippermetti lil kulħadd jidħol u jduq il-ġmiel tal-imħabba u tal-maħfra tal-Mulej.

 

Dan intennih qabelxejn lili nnifsi, lil ħuti l-Isqfijiet u s-saċerdoti: lir-ragħajja tagħna. Għax ir-ragħaj, jgħidilna Ġesù, mhuwiex brigant jew ħalliel (ara Ġw 10:8); jiġifieri, ma japprofittax mir-rwol tiegħu, ma jgħakkisx lill-merħla fdata f’idejh, ma “jisraqx” l-ispazju tal-aħwa lajċi, ma jħaddimx awtorità riġida. Ħuti, ejjew nagħmlu l-qalb lil xulxin biex inkunu bibien dejjem iżjed miftuħa: “faċilitaturi” tal-grazzja ta’ Alla, esperti ta’ qrubija, lesti nagħtu ħajjitna, hekk kif Ġesù Kristu, is-Sid tagħna u l-kollox tagħna, jgħallimna b’dirgħajh miftuħa mill-katedra tas-salib u jurina kull darba fuq l-altar, Ħobż ħaj miksur għalina. Dan ngħidu wkoll lil ħutna lajċi, lill-katekisti, lill-operaturi pastorali, u lil min għandu responsabbiltajiet politiċi u soċjali, lil dawk li sempliċiment qed jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum, kultant b’ħafna taħbit: kunu bibien miftuħa! Ejjew inħallu jidħol fil-qalb tagħna lis-Sid tal-ħajja, il-Kelma tiegħu li tfarraġ u tfejjaq, biex imbagħad noħorġu barra biex inkunu aħna wkoll bibien miftuħa fis-soċjetà. Inkunu miftuħa u inklużivi lejn xulxin, biex ngħinu lill-Ungerija tikber fil-fraternità, it-triq tal-paċi.

 

L-aktar għeżież, Ġesù r-Ragħaj it-tajjeb qed isejħilna b’isimna u jieħu ħsiebna bi ħlewwa bla tarf. Huwa l-bieb u min jidħol minnu għandu l-ħajja ta’ dejjem: hu għalhekk il-futur tagħna, futur ta’ “ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10). Għalhekk, ejjew ma naqtgħu qatt jiesna, ma nħallu qatt lil min jisirqilna l-ferħ u l-paċi li hu tana, ma ningħalqux fil-problemi jew fl-apatija. Inħallu r-Ragħaj tagħna jimxi magħna: bih ħajjitna, il-familji tagħna, il-komunitajiet Insara tagħna u l-Ungerija kollha jerġgħu jilmaw b’ħajja ġdida!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard