Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku  fl-Ungerija

Laqgħa ma’ nies foqra u refuġjati

Knisja ta’ Santa Eliżabetta tal-Ungerija

29 ta’ April 2023

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Jien kuntent li qiegħed hawn magħkom. Grazzi, Isqof Antal, tal-kliem ta’ merħba tiegħek, u talli ddeskrivejt is-servizz ġeneruż li l-Knisja Ungeriża twettaq għall-fqar u mal-fqar. Dawk fil-bżonn – ma ninsew qatt – huma fil-qalba tal-Evanġelju, għax Ġesù ġie fostna “biex iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq 4,18). Il-foqra, mela, jippreżentawlna sfida kbira: ma rridux nħallu l-fidi li nistqarru magħluqa b’qima mneħħija mill-ħajja, waħda li tirriżulta f’tip ta’ “egojiżmu spiritwali”, spiritwalità maħluqa minni nnifsi li sservi, biex nippreserva t-trankwillità u s-sodisfazzjoni fija nnifsi. Il-fidi ġenwina hija ta’ sfida, trid tirriskja, u twassalna biex niltaqgħu mal-foqra u, bix-xhieda ta’ ħajjitna, nitkellmu b’lingwaġġ tal-imħabba. San Pawl jgħidilna li nistgħu nitkellmu b’ħafna ilsna u għandna għerf u ġid kbir, imma jekk neqsin mill-imħabba, m’għandna xejn u m’aħna xejn (ara 1 Kor 13,1-13).

Il-lingwaġġ tal-imħabba. Din kienet il-lingwa mitkellma minn Santa Eliżabetta, li lejha l-poplu Ungeriż għandu devozzjoni u affezzjoni kbira. Dalgħodu, mal-wasla tiegħi fil-pjazza, rajt l-istatwa tagħha, fil-bażi qed tidher tirċievi ċ-ċinglu tal-ordni Franġiskan u tagħti l-ilma lil fqir biex jaqta l-għatx. Din hija xbieha elokwenti tal-fidi: dawk li “jintrabtu ma’ Alla”, bħal San Franġisk ta’ Assisi, li kien ta’ ispirazzjoni għal Santa Eliżabetta, issir karitatevoli mal-fqar. Għax “jekk xi ħadd jgħid: ‘Jiena nħobb ‘l Alla’, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġw 4,20) Santa Eliżabetta, bint ir-re, kienet kibret fil-kumdità ta’ ħajja fil-palazzi, f’ambjent lussuż u privileġġjat. Madankollu, ladarba ġiet imsejħa u mibdula bil-laqgħa tagħha ma’ Kristu, ħassitha titwarrab mill-għana u l-vanitajiet tad-dinja, u fittxet li tirrinunzjahom u li tieħu ħsieb lil dawk fil-bżonn. Għalhekk, hi mhux biss biegħet dak li kienet tippossjedi, imma qattgħet ħajjitha taqdi lill-foqra, lill-lebbrużi u lill-morda, tieħu ħsiebhom personalment, saħasitra ġġorrhom fuq spallejha. Dak hu l-lingwaġġ tal-imħabba.

Brigitta tkellmet magħna dwar dan, u nirringrazzjaha tax-xhieda tagħha. Hi qaltilna dwar il-ħafna ċaħdiet li għamlet, il-ġlidiet u x-xogħol iebes tagħha biex tipprova tgħaddi u żżomm lil uliedha milli jbatu l-ġuħ. Imbagħad, fl-iktar mument devastanti, l-Mulej ġie biex jgħinha. Hi qaltilna kif jintervjeni l-Mulej. Hu li jisma’ l-għajta tal-foqra, li “jassigura l-ġustizzja għall-oppressi, li jagħti l-ħobż lil min hu bil-ġuħ”, u “jgħolli lil min hu miġruħ”, kważi qatt ma jintervjeni billi jsolvi l-problem tagħna mill-għoli. Anzi jersaq qrib tagħna bit-tgħanniqa tal-imħabba tenera tiegħu, li jispira mogħdrija f’ħutna li jindunaw u jagħżlu li ma jibqgħux indifferenti. Kif qalet Brigitta, setgħet tesperjenza l-qrubija tal-Mulej grazzi għall-Knisja Kattolika Griega, għal tant nies li għamlu minn kollox biex jgħinuha, biex iħeġġuha, biex issibulha impjieg u jsostnuha kemm fil-bżonnijiet materjali tagħha kif ukoll fil-vjaġġ tal-fidi. Dan hu t-tip ta’ xhieda li aħna mitluba nagħtu: nuru mogħdrija lejn kulħadd, speċjalment dawk li qed jesperjenzaw il-faqar, il-mard u l-uġigħ; kompassjoni, li tfisser “biex tbati ma”. Neħtieġu Knisja li tkun fluwenti fil-lingwaġġ tal-imħabba, dak il-lingwaġġ universali li jista’ jisma’ u jifhem kulħadd, anke dawk l-aktar imbiegħda minna, anke dawk li ma jemmnux.

Hawnhekk nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-Knisja fl-Ungerija għas-servizz ġeneruż u wiesa’ tagħha għall-karità. Intom bnejtu netwerk li jgħaqqad ħaddiema pastorali, voluntiera, organizzazzjonijiet parrokkjali u djoċesani tal-Caritas, filwaqt li jinvolvu wkoll gruppi ta’ talb, komunitajiet ta’ dawk li jemmnu, u organizzazzjonijiet li jippartjenu għal knejjes oħra, iżda magħqudin fil-għalqa ekumenika li titwieled mill-imħabba. Grazzi wkoll, talli lqajtu – mhux biss b’ġenerożità iżda wkoll b’entużjażmu – tant refuġjati mill-Ukrajna. Kont imqanqal hekk kif smajt ix-xhieda ta’ Oleg u l-familja tiegħu. “Il-vjaġġ tagħhom lejn il-futur” – futur differenti, ‘l bogħod mill-kruhat tal-gwerra – fil-fatt bdew b’ “vjaġġ ta’ memorja”, għaliex Oleg ftakar fil-merħba sabiħa li rċieva fl-Ungerija snin ilu, meta ġie jaħdem hawn bħala xeff. Il-memorja ta’ dik l-esperjenza ħeġġiġtu biex iġib lill-familja tiegħu u jiġu hawn Budapest, fejn iltaqaw b’ospitalità ġeneruża. Il-memorja tal-imħabba li rċivew tqanqal it-tama u tispira lin-nies biex jibdew vjaġġ ġdid fil-ħajja. Anke fost l-uġigħ u t-tbatija, ladarba nkunu rċevejna l-balzmu tal-imħabba, insibu l-kuraġġ meħtieġ biex nibqgħu miexja ‘l quddiem: insibu s-saħħa biex nemmnu li mhux kollox hu mitluf, u li hu possibbli futur differenti. L-imħabba li Ġesù jagħtina u jikkmandana biex nipprattikaw tista’ tgħin biex inqaċċtu l-ħażen tal-egoiżmu u tal-pjaga tal-indifferenza mis-soċjetà, mill-ibliet tagħna u mill-postijiet fejn ngħixu, u li nqajmu t-tama għal ħajja ġdida, għal aktar dinja ġusta u fraterna, fejn kulħadd jista’ jħossu f’daru.

Sfortunatament, ħafna nies, anke hawn, huma litteralment bla dar. Ħafna mill-aħwa l-aktar vulnerabbli tagħna – jgħixu waħedhom, jitħabbtu ma’ diversi diżabilitajiet fiżiċi u mentali, meqruda mill-velenu tad-droga, rilaxxati mill-ħabs jew abbandunati minħabba li huma anzjani – qed jesperjenzaw faqar materjali, kulturali u spiritwali qawwi; m’għandhom l-ebda saqaf fuq rashom u l-ebda dar fejn jgħixu. Zoltàn u martu Anna offrewlna x-xhieda tagħhom dwar din il-problema immensa – grazzi tal-kliem tagħkom! Grazzi wkoll, talli rrispondejtu għall-ispiriazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li wassalkom b’kuraġġ u ġenerożità biex tibnu ċentru li jilqa’ lil min hu bla dar. Tqanqalt nisma’ dan, flimkien mal-bżonnijiet materjali tagħhom, intom attenti għall-istejjer parsonali u għad-dinjità miġrugħa tagħhom, tieħdu ħsiebhom fis-solitudni u fil-ġlieda tagħhom biex iħossuhom maħbubin u milqugħha fid-dinja. Anna qaltilna li, “Ġesù, l-Kelma ħajja, ifejjaq il-qalb u r-relazzjonijiet tagħhom, għax in-nies jerġgħu jinbnew minn ġewwa”; ladarba jirrealizzaw li f’għajnejn Alla huma maħbuba u mbierka, jerġgħu jitwieldu. Din hija lezzjoni għall-Knisja kollha: mhux biżżejjed li tipprovdi ħobż biex timla l-istonku; rridu nimlew il-qlub tan-nies! Il-karità hija ħafna iktar minn għajnuna materjali u soċjali. Trid tinvolvi l-persuna kollha; tistinka biex terġa’tpoġġi lin-nies fuq saqajhom bl-imħabba ta’ Ġesù: imħabba li tgħinhom jirkupraw is-sbuħija u d-dinjità tagħhom.

Li toffri karità jfisser li jkollok il-kuraġġ li tħares f’għajnejn in-nies. Ma nistgħux ngħinu lil ħaddieħor waqt li nħarsu ‘l bogħod. Biex tkun ta’ karità jeħtieġ il-kuraġġ li tmiss: ma nistgħux nagħtu l-karità mill-bogħod, mingħajr ma mmissu. Li tmiss u li tħares. B’hekk, billi nmissu u nħarsu, nibdew nivvjaġġaw ma’ dawk fil-bżonn. U dan jagħmilna nirrealizzaw kemm aħna stess għandna bżonn il-ħarsa  tal-Mulej u li jmiss il-qalb tagħna.

Ħuti, inħeġġiġkom titkellmu dejjem bil-lingwa tal-imħabba. L-istatwa f’din il-pjazza tirrappreżenta l-aktar miraklu famuż ta’ Santa Eliżabetta: qalulna li l-Mulej darba biddel il-ħobż li kienet qed iġorr għal dawk fil-bżonn f’tant ward. Dan hu l-każ għalikom ukoll: kull meta tistinkaw biex toffri l-ħobż lil min hu bil-ġuħ, il-Mulej jiżra il-ferħ ġewwa fikom u jimla l-ħajjitkom bil-fwieħa tad-don tal-imħabba li intom tagħtu. Ħuti, t-tama u t-talb tiegħi, mela, huwa li dejjem ixerrdu l-fwieħa tal-imħabba fil-Knisja u f’pajjiżkom. Nitlobkom, jekk jogħġobkom, tkomplu titolbu għalija. Grazzi.