VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
fl-UNGERIJA
(28 - 30 ta’ April, 2023)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Ex-Monasteru Karmelitan (Budapest)
Il-Ġimgħa, 28 ta’ April, 2023

 

Sinjura President tar-Repubblika,
S
ur Prim  Ministru,
distinti Membri
tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,
illustri A
wtoritajiet u Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili,
Si
njuri!

 

Insellmillkom minn qalbi u rrodd ħajr lis-Sinjura President għal-laqgħa u wkoll għall-kliem ġentili u profond li indirizzatli.  Il-politika titwieled mill-belt, mill-polis, mill-passjoni  konkreta ta’ għajxien flimkien bil-garanzija tad-drittijiet u r-rispett lejn id-dmirijiet.  Ftit bliet jgħinuna nirriflettu dwar dan bħal Budapest, li mhix biss kapitali sinjorili u vitali, iżda wkoll imkien ċentrali fl-istorja: xhud ta’ tibdil sinifikattiv tul is-sekli, għandha sejħa li tkun protagonista tal-preżent u tal-ġejjieni; hawn, kif kiteb poeta kbir tagħkom, “jitħaddan flimkien iċ-ċafċif tal-mewġ tad-Danubju, tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-ġejjieni” (A. József, Lid-Danubju).  Għalhekk nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet, billi nieħu spunt minn Budapest għax hi belt storika, belt tal-pontijiet u belt tal-qaddisin.

1.Belt storika.  Dil-belt kapitali għandha oriġini antiki, kif jixhdu l-fdalijiet tal-epoka ċeltika u rumana.  L-isplendur tagħha però, ifakkarna fil-modernità, meta kienet kapitali tal-Imperu awstro-ungariku tul dak iż-żmien ta’ paċi magħruf bħala belle époque, li beda mis-snin tal-fundazzjoni tagħha sal-ewwel gwerra dinjija.  Twaqqfet fi żmien ta’ paċi, imma rat ukoll kunflitti dolorużi: mhux biss invażjonijiet fi żminijiet imbiegħda imma, fis-seklu li għadda, rat ukoll vjolenza u oppressjoni provokati mid-dittatorjati nażista u komunista – kif nistgħu ninsew l-1956?  U fit-tieni gwerra dinjija, id-deportazzjoni ta’ għexieren fuq għexieren tal-eluf ta’ abitanti, u l-bqija tal-popolazzjoni ta’ oriġini Għebrajka magħluqa fil-getto u vittma ta’ bosta massakri.  F’dax-xenarju kien hemm bosta nies ġusti u qalbiena – qed niftakar fin-Nunzju Angelo Rotta, per eżempju -, tant reżiljenza u impenn kbir għall-bini mll-ġdid.  Hekk, Budapest illum hi waħda mill-bliet ewropej bl-akbar perċentwali ta’ popolazzjoni għebrajka, ċentru ta’ pajjiż li jaf x’inhu l-valur tal-libertà u li, wara li ħallas prezz kbir minħabba d-dittatorjati, iġorr fih il-missjoni li jħares it-teżor tad-demokrazija u l-ħolma tal-paċi. 

Rigward dan, nixtieq immur lura lejn il-fundazzjoni ta’ Budapest, li qed tkun iċċelebrata b’mod solenni din is-sena.  Infatti din il-ġrajja seħħet 150 sena ilu, fl-1873, bl-amalgamazzjoni ta’ tlett ibliet: Buda Óbuda fil-punent tad-Danubju ma’ Pest, li tinsab fuq ix-xatt tan-naħa l-oħra.  It-twelid ta’ dik il-belt kbira fil-qalba tal-kontinent, tfakkarna fil-mixja unitarja li qabdet l-Ewropa, li fl-Ungerija għandha l-benniena vitali tagħha.  Fiż-żmien ta’ wara l-gwerra, l-Ewropa, flimkien mal-Ġnus Magħquda, kienet tirrappreżenta t-tama l-kbira bl-għan komuni li rabta aktar sfiqa bejn in-nazzjonijiet kienet se tevita aktar kunflitti.  Sfortunatament mhux hekk ġara.  Fid-dinja li qed ngħixu fiha, madankollu, il-ħerqa għal politika komunitarja u għall-multilateralità donnha tifkira sabiħa tal-imgħoddi: qiesna qed nassistu għal għabex kiebi tal-ħolma korali tal-paċi, filwaqt li s-solisti tal-gwerra qed jimirħu.  B’mod ġenerali, donnu li fil-qlub tfarrak l-entużjażmu li tinbena komunità ta’ nazzjonijiet paċifika u stabbli, filwaqt li qed jitħażżu l-linji tal-fruntieri, nenfasizzaw id-differenzi, reġgħet refgħet rasha l-għajta mżarżra tan-nazzjonaliżmi, u l-ġudizzji u t-ton fil-konfront tal-oħrajn saru ħorox bla qies.  Fuq livell internazzjonali jidher saħansitra li l-effett tal-politika hu li tkebbes aktar il-qiegħa milli ssolvi l-problemi, qed tinsa l-maturità li kisbet wara l-orrur tal-gwerra u reġgħet lura lejn xorta ta’ infantiliżmu belliku.  Iżda l-paċi qatt ma tista’ tinkiseb billi niġru wara interessi strateġiċi parrokkjali, iżda minn politika bil-ħila li tħares lejn l-assjem, lejn l-iżvilupp ta’ kulħadd: b’attenzjoni lejn il-persuni, lejn il-foqra u lejn għada; mhux tħares biss lejn il-poter, il-qligħ u l-opportunitajiet ta’ issa!  F’daż-żmien storiku ir-rwol tal-Ewropa hu fundamentali.  Għax hija, grazzi għall-istorja tagħha, tirrappreżenta l-memorja tal-umanità u għalhekk hi msejħa biex tinterpreta r-rwol li hu tagħha: dak li tgħaqqad lil min hu mifrud, li tilqa’ fiha l-popli u li ma tħalli lil ħadd jibqa’ għadu għal dejjem.  Għaldaqstant huwa essenzjali li r-ruħ ewropea terġa’ tikbes: l-entużjażmu u l-ħolma tal-missirijiet fundaturi. Statisti li għarfu jħarsu ‘l hinn minn żmienhom, lil hinn mill-konfini nazzjonali u l-ħtiġijiet immedjati, bil-ħolqien ta’ diplomaziji bil-ħila li jinsġu l-għaqda, mhux li jwessgħu t-tiċrit.  Qed niftakar f’meta De Gasperi, waqt konferenza li fiha kienu qed jieħdu sehem ukoll Schuman u Adenauer, kien qal: “Hi għaliha nfisha, mhux biex topponi lill-oħrajn li aħna qed nipproklamaw Ewropa magħquda... ejjew naħdmu għall-għaqda mhux għall-firda (Intervent waqt konferenza dwar l-Ewropa, Ruma, 13 ta’ Ottubru, 1953).  U mill-ġdid (niftakar) f’dak li qal Schuman: “Il-kontribut li Ewropa organizzata u vitali tista’ tagħti liċ-ċiviltá huwa indispensabbli biex ir-relazzjonijiet paċifiċi jibqgħu sħaħ”, għaliex – kliem memorabbli! – il-paċi tad-dinja ma tistax tkun imħarsa jekk mhux bi sforzi kreattivi, proporzjonali għall-perikli li jhedduha” (Dikjarazzjoni Schuman, 9 ta’ Mejju, 1950).  F’dil-fażi storika l-perikli huma bosta; imma, nistaqsi, anki waqt li niftakar fl-Ukrajna martirizzata, fejn qiegħdin l-isforzi kreattivi għall-paċi?

2. Budapest hija belt tal-pontijiet.   Meta tħares lejha mill-għoli, “il-perla tad-Danubju” tilmaħ fiha dettalji li jgħaqqdu flimkien il-partijiet differenti, li jarmonizzaw id-dehra tagħha ma’ dik tax-xmara l-kbira.  Din l-armonija mal-ambjent iġġagħalni nikkumplimenatkom għall-kura ekoloġika li dal-pajjiż iħadddem b’impenn kbir.  Imma l-pontijiet li jgħaqqdu realtajiet diversi, jissuġġerulna wkoll li nirriflettu dwar l-importanza tal-għaqda li ma tfissirx uniformità.  F’Budapest dan jidher mill-varjetà notevoli taż-żoni li jiffurmawha, aktar minn għoxrin.  L-Ewropa tas-sebgħa u għoxrin ukoll, imwaqqfa biex tibni pontijiet bejn in-nazzjonijiet, teħtieġ il-kontribut ta’ kulħadd bla ma titnaqqas il-karatteristika speċifika ta’ ħadd.  Dwar dan wieħed mill-missirijiet fundaturi kien iddikjara: “L-Ewropa għad tibqa’ teżisti u xejn mhu se jintilef minn dak li kien il-glorja u l-ferħ ta’ kull nazzjon.  Hi propju soċjetà aktar kbira, f’armonija aktar qawwija li fiha l-individwu jista’ jikseb suċċess” (Intervent cit).  Din l-armonija hemm bżonnha: assjem li lill-partijiet ma jġibhomx kollha l-istess u li bih il-partijiet iħossuhom integrati sew fl-assjem, assjem li fih kull parti tibqa’ żżomm l-identità tagħha.  Hu ta’ tifsir kbir f’dan id-dawl, dak li tafferma l-Kostituzzjoni tal-Ungerija: “Il-libertà individwali tista’ tisseddaq biss b’kollaborazzjoni mal-oħrajn”; u aktar: “Nemmnu li l-kultura nazzjonali tagħna hi kontribut rikk għall-għaqda ewropea magħmula minn ħafna lwien”.

Għalhekk qed nimmaġina Ewropa li ma tisfax ostaġġ kemm tal-partijiet u b’hekk issir priża ta’ populiżmi awtoreferenzjali, imma li lanqas ma tinbidel f’realtà fluwida, jekk mhux ukoll duħħan, f’xi għamla ta’ sovranazzjonaliżmu astratt, u tinsa l-ħajja tal-popli.  Din hi t-triq diżgrazzjata tal-kolonizzazzjoni ideoloġika” li telimina d-differenzi, bħal fil-każ ta’ l-hekk imsejħa ‘kultura tal-ġeneru’, jew inkella li r-realtà tal-ħajja tjassarha b’kunċetti li joħonqu l-libertà, per eżempju bil-ftaħir dwar “id-dritt insensat tal-abort”, li hu dejjem telfa traġika.  Kemm hu sabiħ però lijkun hawn Ewropa mibnija bil-persuni u l-popli fiċ-ċentru tagħha, fejn hemm politika effettiva dwar in-natalità u l-familja – għandna pajjiżi fl-Ewropa li fihom l-età medja tvarja bejn  is-46 u t-48 sena -, li titħaddem b’attenzjoni f’dal-pajjiż, fejn id-diversi nazzjonijiet ikunu familja li fiha jkunu mħarsa t-tkabbir u l-karatteristiċi ta’ kulħadd.  L-aktar pont ċelebri f’Budapest, dak tal-ktajjen, jgħinna nimmaġinaw Ewropa simili, iffurmata minn ħoloq kbar diversi, li jsibu s-solidità tagħhom meta flimkien ifasslu rabtiet żonqrija.  F’dan l-aspett hi ta’ għajnuna l-fidi nisranija u l-Ungerija tista’ tkun hi “l-pont” billi tisfrutta l-karattru ekumeniku tagħha: hawnhekk konfessjonijiet diversi jgħixu ma’ xulxin mingħajr antagoniżmi – infakkar il-laqgħa li kelli magħhom sena u nofs ilu -. Jikkollaboraw b’rispett u bi spirtu kostruttiv.  B’moħħi u b’qalbi ntir lejn l-Abazija ta’ Pannonholma, wieħed mill-akbar monumenti spiritwali ta’ dal-pajjiż, imkien ta’ talb u pont ta’ fraternità.

3. U dan iwassalni għat-tielet aspett:  Budapest belt tal-qaddisin – is-Sinjura President semmiet lil Santa Eliżabetta -, kif jurina l-inkwadru l-ġdid li tqiegħed f’dis-sala.  Il-ħsieb ma jistax ma jmurx lejn San Stiefnu, l-ewwel re tal-Ungerija, li għex f’epoka li fiha l-insara ewropej kienu magħqudin ħaġa waħda; l-istatwa tiegħu, li hemm fil-Kastell ta’ Buda, tiddomina u tipproteġi l-belt, filwaqt li l-Bażilika dedikata lilu fil-qalba tal-Kapitali hija, flimkien ma’ dik ta’ Esztergom, il-binja reliġjuża l-aktar imponenti tal-pajjiż.  Għalhekk, l-istorja ungeriża twieldet immarkata bil-qdusija, u mhux biss ta’ re, iżda ta’ familja sħiħa: martu, il-Beata Gisella, u ibnu San Emerico.  Dan tal-aħħar irċieva mingħand missieru xi rakkomandazzjonijiet li jiffurmaw speċi ta’ testment għall-poplu ungeriż.  Illum wegħduni li se jirregalawli l-ktieb, qed nistennih!  Fih insibu kliem attwali ħafna: “Nirrikmandalek li tkun ġentili mhux biss mal-familja tiegħek u ma’ qrabatek, mas-setgħanin jew in-nies sinjuri, jew mal-proxxmu tiegħek u l-abitanti tiegħek, iżda wkoll mal-istranġieri”.  San Stiefnu jiġġustifika dan kollu permezz ta’ spirtu nisrani ġenwin u jikteb: “L-hena suprem jintlaħaq bit-tħaddim tal-imħabba” (Ammonimenti, X).  Hekk jgħaqqad flimkien b’mod inseparabbli l-verità u l-ħlewwa.  Hija tagħlima kbira tal-fidi: bl-ebusija u l-għeluq ma nistgħux nagħtu xhieda tal-valuri nsara għax il-verità ta’ Kristu hi l-ħlewwa fl-ispirtu tal-Beatitudnijiet.  Għandha għeruqha fit-tjubija popolari ungeriża, li tidher f’ċerti espressjonijiet tad-diskors ta’ kuljum, bħal, per eżempju: jónak lenni jó (sewwa li tkun tajjeb) u jobb adni mint kapni (aħjar tagħti milli tirċievi).

Dan juri biċ-ċar mhux biss l-għana ta’ identità solida, imma l-ħtieġa tal-ftuħ lejn l-oħrajn, kif tagħraf il-Kostituzzjoni meta tiddikjara: “Nirrispettaw il-libertà u l-kultura tal-popli l-oħra, nimpenjaw ruħna biex nikkollaboraw man-nazzjonijiet kollha tad-dinja”.  Il-Kostituzzjoni tafferma wkoll: “Il-minoranzi nazzjonali li jgħixu magħna jiffurmaw parti mill-komunità politika ungeriża u huma parti kostituttiva mill-Istat”, u twiegħed ukoll impenn “għall-kura u l-ħarsien (...) tal-lingwi u l-kulturi tal-minoranzi nazzjonali tal-Ungerija”  Dil-perspettiva hi verament evanġelika, b’kuntrast ma’ ċerta tendenza, li kultant tkun ġustifikata f’isem it-tradizzjonijiet partikolari u saħansitra tal-fidi, li wieħed jingħalaq fih innifsu.

It-Test kostituttiv, bi ftit kliem deċiz imfawwar bi spirtu nisrani, ikompli jistqarr: Niddikjaraw li l-għajnuna lil min hu fil-bżonn u lill-foqra hi dmir”.  Dan ifakkarna fl-iżvilupp tal-istorja tal-qdusija ungeriża rrakkuntata f’bosta mkejjen tal-kult fil-Kapitali: mill-ewwel Re, li qiegħed is-sies tal-għajxien komuni, ngħaddu għall-Prinċipessa li dil-binja elevata lejn safa akbar.  Hija Santa Eliżabetta, li x-xhieda tagħha waslet f’kull rokna tad-dinja.  Din bint artkom mietet ta’ erbgħa u għoxrin sena wara li ċaħdet ġidha kollu u qassmitu lill-foqra.  Sal-aħħar baqgħet taħdem b’dedikazzjoni  u tikkura lill-morda fl-isptar li kienet bniet: hi ġawhra tiddi tal-Evanġelju.

Distinti Awtoritajiet, nixtieq nirringrazzjakom talli tmexxu ‘l quddiem dawn l-opri ta’ karità u edukattivi mnebbħin minn dal-valuri u li fihom hemm impenjata l-komunità kattolika lokali, kif ukoll għall-għajnuna li tagħtu lill-insara mġarrbin tad-dinja speċjalment fis-Sirja u fil-Libanu.  Kollaborazzjoni produttiva bejn l-Istat u l-Knisja hi għammiela, u biex tkun hekk, jeħtieġ li jkunu protetti d-differenzi.  Importanti li kull nisrani jiftakar dan, u bħala punt ta’ riferiment iżomm dejjem quddiemu l-Evanġelju, biex jibqa’ leali lejn l-għażliet ħielsa u liberanti ta’ Ġesù u ma jsirx strument ta’ xi għamla ta’ kollaborazzjoni mal-loġika tal-poter.  Minn dan l-aspett tkun ta’ fejda lajċità sana li ma taqax fil-lajċiżmu tant mifrux, allerġiku għal kull aspett sagru biex imbagħad joffri ruħu b’sagrifiċċju fuq l-altari tal-profitt.  Min jistqarr li hu nisrani, akkumpanjat mix-xhieda tal-fidi, hu msejjaħ prinċipalment biex jagħti xhieda u jimxi ma’ kulħadd, billi jsegwi umaniżmu ispirat mill-Evanġelju u ggwidat minn żewġ binarji fundamentali: jagħraf lilu nnifsu bħala iben maħbub tal-Missier u jħobb lil kulħadd bħala ħuh jew oħtu.

F’das-sens San Stiefnu ħalla kliem straordinarju ta’ fraternità lil ibnu u qal illi min jiġi b’lingwi u użanzi diversi “iżejjen il-pajjiż”.  “Infatti” – kiteb – “ pajjiż li għandu lingwa waħda u drawwa waħda, hu dgħajjef u instabbli.  Għaldaqstant nirrikmandalek li tilqa’ bil-ġenerożità lill-frustieri u żżommhom fuq wiċċ idejk, tant illi jkunu jippreferu joqgħodu pjuttost għandek milli ximkien ieħor” (Ammonimenti, VI).  Dan tal-akkoljenza hu suġġett li jqanqal tant dibattiti fi żmienna u żgur li hu kumplikat.  Madankollu, għal min hu nisrani l-atteġġjament fundamentali ma jistax ikun differenti minn dak li wassal San Stiefnu, wara li tgħallmu mingħand Ġesù, li kien identifika ruħu bħala l-istranġier li għandu jkun milqgħuh (cfr Mt 25,35).  U aħna u niftakru f’Ġesù preżenti f’tant ħutna ddisprati li jaħarbu minn kunflitti, faqar u tibdil fil-klima, hemm bżonn insolvu dil-problema bla ebda skuża jew tlajjar.  Hu suġġett li għandna naffrontawh flimkien, f’komunità, ukoll għaliex, fil-kuntest li fih qed ngħixu, il-konsegwenzi llum jew għada se jeffettwaw lil kulħadd.  Għalhekk huwa urġenti, bħala Ewropa, li ssir ħidma biex ikun hemm toroq ċerti u legali, mekkaniżmi maqbula quddiem sfida epokali li ma nistgħux nilqgħulha billi nirrifjutawhom, imma nilqugħhom biex inħejju ġejjieni aħjar li, jekk ma jkunx flimkien magħhom, mhux se jseħħ.  Dan isejjaħ fuq il-fruntiera lil min isegwi lil Ġesù u jrid jimita l-eżempju tax-xhieda tal-Evanġelju.

Mhux possibbli nsemmu l-konfessuri kbar tal-fidi ta’ Pannonia Sacra, imma nixtieq tal-anqas insemmi li San Ladislao u lil Santa Margerita, u nsemmi wkoll ċerti figuri majestużi tas-seklu li għadda bħalma hu l-Kardinal József Mindszenty, il-Beati Isqfijiet martri Vilmos Apor u Zoltán Meszlényi, il-Beatu László Batthyány-Strattmann.  Flimkien ma’ tant persuni ġusti ta’ twemmin differenti dawn huma l-missirijiet u l-ommijiet tal-patrija tagħkom.  Irrid nafdalhom f’idjehom il-futur ta’ dal-pajjiż tant għażiż għalija.  U filwaqt li rrodilkom ħajr tali smajtu dak li f’qalbi ridt naqsam magħkom – irroddilkom ħajr tal-paċenzja -, niżgurakom li jien qribkom u nitlob għall-ungeriżi kollha, u dan nagħmlu bi ħsieb speċjali f’dawk li jgħixu barra mill-patrija u f’dawk li ltqajt magħhom tul ħajti u li għamluli tant ġid.  Niftakar fil-komunità ungeriża li kont nassisti fi Buenos Aires.  Isten, áldd meg a magyart! (Alla jbierek lill-ungeriżi!).

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber