VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
fl-UNGERIJA
(28 - 30 ta’ April, 2023)

LAQGĦA MAD-DINJA UNIVERSITARJA U TAL-KULTURA 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 Fakultà tal-Informatika u x-Xjenzi Bioniċi tal-Università Kattolika Pázmány” (Budapest)
Il-Ħadd, 30 ta’ April, 2023

 

Għeżież ħuti, il-waranofsinhar it-tajjeb!

Insellem lil kull wieħed u waħda minnkom u rrodd ħajr għall-kliem sabiħ li ntqal u li se nitkellem dwaru minn hawn u ftit ieħor.  Din hi l-aħħar laqgħa taż-żjara tiegħi fl-Ungerija u, b’qalb grata, hu pjaċir tiegħi naħseb fuq id-Danubju li jgħaqqad dal-pajjiż ma’ ħafna oħrajn, u jorbothom flimkien mhux biss ġjografikament iżda wkoll storikament.  Il-kultura f’ċertu sens, tixbaħ xmara kbira: tgħaqqad u tiġri qalb ħafna reġjuni tal-ħajja u tal-istorja u tirrelatahom, tippermetti li bniedem ibaħħar fid-dinja u tħaddan pajjiżi u artijiet bogħod minn xulxin, taqta’ l-għatx tal-moħħ, issaqqi l-ispirtu, isseddaq is-soċjetà.  L-istess kelma kultura ġejja mill-verb tikkoltiva: l-għerf hu żergħa ta’ kuljum, li jidħol fir-raddiet tar-realtà, jagħti l-frott.

Mitt sena ilu Romano Guardini, intellettwali kbir u bniedem ta’ fidi, propju meta kien mehdi f’pajsaġġ uniku skolpit mis-sbuħija tal-ilma, kellu intwizzjoni kulturali għammiela.  Kiteb: “F’dal-ġranet fhimt daqs qatt qabel li hemm żewġ forom ta’ kuxjenza (...), waħda tmexxik biex tgħodos fl-oġġett u fil-kuntest tiegħu, u għalhekk, il-bniedem li jrid isir jaf jipprova jgħix fl-oġġett innifsu; l-oħra, bil-maqlub, tiġbor l-affarijiet, taqsamhom f’biċċiet, tqiegħed kull biċċa f’kexxun, issir padruna tagħhom u tippossedihom, tiddominahom” (Ittri mill-Għadira ta’ Como.  It-teknika u l-bniedem, Brescia 2022, 55).  Tagħmel distinzjoni bejn għarfien umli u relazzjonali, li qiesu “saltna li tinkiseb permezz tas-servizz: taħlaq skont in-natura li ma tmurx ‘l hinn  mill-limiti stabbiliti” (cfr p. 57), u manjiera oħra ta’ għarfien li “ma josservax imma janalizza (...) ma jogħdosx aktar fl-oġġett, jaħkmu” (p. 56).

U hekkhu li b’dan it-tieni mod ta’ għarfien “l-enerġiji u s-sustanzi jsiru ħaġa waħda u jimmiraw lejn għan wieħed: il-magna” (p. 58), u “b’hekk tkun żviluppata teknika ta’ dominanza fuq l-essri ħaj” (pp. 59-60).  Guradini lit-teknika ma jiddemonizzahiex, dik li tippermetti għaxjien aħjar, li tikkomunika u li tagħti ħafna vantaġġi, imma jwissi dwar ir-riskju li din tibda tirregola, jekk mhux ukoll tiddomina l-ħajja.  F’das-sens kien jilmaħ periklu kbir: “Il-bniedem jitlef l-irbit interjuri kollu li jtih sens organiku tal-qies u tal-għamla tal-espressjoni f’armonija man-natura” u, “filwaqt li fl-essri interjuri tiegħu hu sar bla limiti, bla qies, bla direzzjoni, arbitrarjament jistabbilixxi l-għanijiet tiegħu u lill-forzi tan-natura li hu jiddomina jġagħalhom iġibu ruħhom kif irid hu” (p. 60).  U lil ta’ warajh ħallielhom mistoqsija inkwetanti: “X’se jiġri mill-ħajja jekk tispiċċa taħt dal-madmad?  (...)  X’se jiġri (...) meta nsibu ruħna quddiem id-dominanza ta’ dak li tiddetta t-teknika?  Il-ħajja t’issa hi mfassla minn sistema ta’ magni (...) f’sistema bħal din il-ħajja tista’ tkompli għaddejja? (61).

Il-ħajja tista’ tibqa’ għaddejja?  Hi kwistjoni li, speċjalment f’dan il-post, li fih tidħlu aktar fid-dettall tal-informatika u tax-xjenzi bioniċi, tajjeb li nqisuha.  Infatti dak li Guardini kien bassar minn qabel jidher evidenti llum: niftakru fil-kriżi ekoloġika, fejn in-natura qiegħda sempliċiment tirreaġixxi għall-mod strumentali ta’ kif qed jittrattaha l-bniedem.  Niftakru li nsejna li hemm il-limiti, il-loġika li “la ħaġa tista’ ssir allura hija leċita”.  Niftakru wkoll fir-rieda li fiċ-ċentru mhux qed inpoġġu l-bniedem u r-relazzjonijiet tiegħu imma l-individwu li jaqdi l-ħtiġijiet tagħna, miklubin għall-qligħ u qatt imxabbgħin biex ikomplu jaħtfu f’idejhom ir-realtà.  U bħala konsegwenza, niftakru fit-tnawwir tar-rabtiet komunitarji, li minħabba fihom is-solitudni u l-biża’ qed jikkundizzjonaw l-esitenza u li donnhom inbidlu f’kundizzjoni soċjali.  Kemm individwi iżolati, ħafna ‘social’ u ftit li xejn soċjali,  li qiesu f’ċirku vizzjuz, iduru għall-faraġ tat-teknika biex jimlew il-vojt li jħossu fihom bi freneżija dejjem akbar, iddominati minn kapitaliżmu selvaġġ, u b’hekk id-dgħufijiet tagħhom ikomplu jgħakksuhom aktar, f’soċejtà fejn l-għaġla tal-qoxra timxi pari passu mal-fraġilità interjuri.  Dan hu d-dramm.  Jien u ngħid dan marridx niġġenera l-pessimiżmu – dan ikun kontra l-fidi li jien hieni nistqarr -, imma rrId nirrifletti fuq din “l-arroganza li inti tkun u li trid li jkollok” li diġà fl-ewwel żminijiet tal-kultura ewropea Omeru kien iqisha theddida u li l-mudell teknokratiku jeżaspera b’ċertu użu ta’ algoritmi li jista’ jirrappreżenta riskju akbar ta’ destabilizzazzjoni tal-uman.

F’rumanz li kkwotajt kemm-il darba, Il padrone del mondo (Sid id-dinja), ta’ Robert Benson, l-awtur josserva li “l-kumplessità mekkanika mhix sinonimu ta’ grandezza certa u li fil-qoxra tat-tlellix għal għajn in-nies, hemm periklu moħbi (Verona 2014, 24-25).  F’dal-ktieb, f’ċertu sens “profetiku”, miktub aktar minn seklu ilu, hemm deskritt ġejjieni dominat mit-teknika u li fih kollox, f’isem il-progress, isir unoformi: kullimkien ikun ipprietkat “umanitariżmu ġdid” li jelimina għal kollox id-differenzi, iġib fix-xejn il-ħajja tal-popli u jabolixxi r-reliġjonijiet.  Jabolixxi d-differenzi, kollha.  Ideoloġiji opposti għal xulxin jingħaqdu f’omologazzjoni li tikkolonizza ideoloġikament.  Dan hu d-dramm, il-kolonizzazzjoni ideoloġika; il-bniedem f’kuntatt mal-magni, isir dejjem aktar mingħajr identità waqt li l-għajxien tal-ħajja ta’ kuljum isir djieqa u bla sugu.  B’dak il-mod progredit imma melankoniku li jiddeskrivi Benson, fejn kulħadd donnu jsir insensibbli u lluppjat, jidher ovvju li l-morda jisfaw mogħtija l-ġenb u li tkun applikata l-ewtanasija, daqskemm ikun ovvju li jgħibu l-lingwi u l-kulturi nazzjonali biex tinkiseb paċi universali, li fir-realta tinbidel f’persekuzzjoni msejsa fuq l-impożizzjoni tal-kunsens, tant li wieħed mill-protagonisti jafferma illi” “d-dinja donnha spiċċat ilsiera ta’ vitalità perversa, li tikkorrompi u fejn kollox isir konfużjoni” (145).

Tawwalt dwar din l-analiżi ta’ lwien ta’ theddid propju għax f’dal-kuntest jilmaw b’dija akbar ir-rwoli tal-kultura u tal-università.  Infatti, l-università, kif juri l-istess isem, hija l-post fejn jitwieled il-ħsieb, jikber u jimmatura miftuħ u sinfoniku.; mhux nota waħda, mhux magħluq: miftuħ u sinfoniku.  Hija ‘t-tempju’ fejn il-konxxenza għandha sejħa biex tinħeles mill-konfini dojoq tal-kilba u l-pussess biex issir kultura, jiġifieri “kultuvazzjoni” tal-bniedem u tar-relazzjonijiet li jiffurmawh: mat-traxxendenti, mas-soċjetà, mal-istorja, mal-ħolqien.  A propositu ta’ dan, il-Konċilju Vatikan II jafferma: “Il-kultura għandha timmira lejn il-perfezzjoni integrali tal-persuna umana, lejn il-ġid tal-komunità u tas-soċjetà umana kollha.  Għaldaqstant jeħtieġ nikkultivaw l-ispirtu b’mod li jkunu żviluppati l-fakultajiet tal-ammirazzjoni, tal-intwizzjoni, tal-kontemplazzjoni, b’mod li dak li jkun jagħraf jifforma ġudizzju personali u jikkultiva s-sens reliġjuz, morali u soċjali (Kost. Pastorali Gaudium et spes, 59).  Diġà fi żminijiet antiki kien jingħad li l-bidu tal-filosofija huwa l-ammirazzjoni, il-ħila tal-ammirazzjoni.  F’dil-perspettiva apprezzajt ħafna kliemkom.  Tiegħek, Mons Rettur, meta għidt illi “f’kull xjenzjat veru hemm xi ftit mill-iskriba, mis-saċerdot, mill-profeta u mill-mistiku”; u aktar ‘il quddiem, illi “bl-għajnuna tax-xjenza ma rridux nifhmu biss, imma rridu nagħmlu wkoll dak li hu tajjeb, jiġifieri nibnu ċiviltà umana u solidali, kultura u ambjent sostenibbli.  Hu biss b’qalb umli li nistgħu nitilgħu mhux biss fuq l-għolja tal-Mulej imma wkoll fuq  l-għolja tax-xjenza”.

Hu minnu: l-intellettwali l-kbar, infatti, huma umli.  Il-misteru tal-ħajja, min-naħa l-oħra, jinkixef meta nidħlu fl-irqaqat.  A propositu ta’ dan, sabiħ dak li qaltilna Dorottya: “Aktar ma’ niskopru dettalji żgħar aħna nidħlu aktar fil-fond tal-kumplessità tal-opra t’Alla”.  Meta nifhmuha hekk, il-kultura tirrappreżenta verament il-protezzjoni tal-uman.  Iddaħħalna aktar fil-fond tal-kontemplazzjoni u tagħġen il-persuni li ma jibqgħux aktar ilsira tal-modi tal-mument, imma jħawlu għeruqhom fir-realtà tal-affarijiet.  U illi, bħala dixxipli umli tal-għerf, iħossu li għandhom ikunu miftuħin u komunikattivi, qatt riġidi u lesti għat-taqbid.  Min iħobb il-kultura, infatti, qatt ma jħoss li wasal jew li qiegħed f’postu, imma jġorr fih inkwiet sân.  Ifittex, jistaqsi, jirriskja, jesplora: jaf iħalli warajh iċ-ċertezzi tiegħu biex bl-umiltà jidħol fil-misteru tal-ħajja, mtejjeġ mal-apprensjoni mhux mad-drawwa; li tinfetaħ għall-kulturi l-oħra u tħoss il-bżonn li taqsam l-għerf ma’ ħaddieħor.  Dan hu l-ispirtu tal-università, u rroddilkom ħajr għax intom hekk tgħixuh; kif qalilna l-Professur Major, li rrakkonta dwar is-sbuħija tal-koperazzjoni ma’ realtajiet edukattivi oħra, permezz ta’ programmi ta’ riċerka flimkien u anki billi tilqgħu studenti ġejjin minn reġjuni oħra tad-dinja, bħal-Lvant Nofsani, partikolarment mis-Sirja mdemmiegħa.  Huwa biss meta nkunu miftuħin għall-oħrajn li nsiru nafu aktar lilna nfusna.  Il-ftuħ, li ninfetħu għall-oħrajn jixbaħ mera: jgħinni nsir naf aħjar lili nnifsi.

Il-kultura hi kumpanija biex insiru nafu lilna nfusna.  Ifakkarna dan il-ħsieb klassiku, li qatt m’għandu jgħib.  Jiġini f’moħħi l-kliem ċelebri tal-oraklu ta’ Delfi: ‘Kun af lilek innnifsek”.  Hi frażi-gwida li nixtieq inħallielkom bħal konklużjoni.  Imma xi jfisser kun af lilek innnifsek?  Ifisser li tagħraf il-limitazzjonijiet tiegħek u, bħala konsegwenza, trażżan il-prużunzjoni tal-awtosuffiċjenza li għandek.  Jagħmlilna tajjeb, għaliex, qabel kollox, insiru kreattivi meta aħna konxji li aħna ħlejjaq, nitwaħħdu mad-dinja minflok niddominawha.  U filwaqt li l-ħsieb teknokratiku jiġri wara progress li ma jaċċettax limiti, il-bniedem reali magħmul ukoll minn fraġilitajiet, u spiss huwa meta jkun jinsab f’dik is-sitwazzjoni, li jifhem li hu dipendenti minn Alla u ħaġa waħda mal-oħrajn u mal-ħolqien. Il-ħsieb tal-oraklu ta’ Delfi, għalhekk, hu stedina għall-għarfien li, ibda mill-umiltà, ibda mil-limitazzjonijiet, ibda mill-umiltà tal-limitazzjonijiet, jiskopri l-potenzjalitajiet meraviljuzi tiegħu li jmorru ferm aktar ‘l hinn mit-teknika.  Li nkunu nafu lilna nfusna, fi kliem ieħor, jitlob li nżommu flimkien, fi djalettika virtuża, il-fraġilità u l-kobor tal-bniedem.  Mill-istagħġib ta’ dal-kuntrast titwieled il-kultura: qatt kuntenta u dejjem tfittex, inkwieta u komunitarja, dixxiplinata fil-finitezza tagħha u miftuħa għall-assolut.  Nawguralkom li tikkultivaw dil-passjoni għall-iskoperta tal-verità!

It-tieni frażi-gwida tirreferi propju għall-verità.  Hi sentenza ta’ Ġesù Kristu: “Il-verita teħliskom” (Ġw 8,32).  L-Ungerija għaddiet minn sensiela ta’ ideoloġiji li fittxew jimponu ruħhom bħala l-verità, imma kienu ta’ jasar għal-libertà.  U dar-rsikju lanqas illum ma għeb: qed naħseb fil-qabża mill-komuniżmu għall-konsumiżmu. Jgħaqqad flimkien dawn l-‘iżmi’ hemm idea falza tal-libertà; dik tal-komuniżmu kienet ‘libertà’ imposta, limitata minn barra b’deċiżjoni ta’ xi ħaddieħor; dik tal-konsumiżmu hi libertà, libertina, edonista, li ddur biss madwarek innifsek, li tagħmlek ilsir tal-konsumiżmu u tal-affarijiet fiergħa.  U kemm hi ħafifa tgħaddi mil-limitazzjonijiet imposti fuq il-ħsieb, bħalma jiġri bil-komuniżmu, għall-idea li mhemmx limiti, bħal fil-kas tal-konsumiżmu!  Minn libertà bil-brejkijiet għal libertà bla brejkijiet.  Iżda Ġesù joffri triq li teħlisna minn dan, jgħid li l-verità hi dak li jeħlisna, dak li jeħles lill-bniedem mid-dipendenza u l-għeluq tiegħu.  Il-muftiħ biex naslu għal dil-verità hu l-għerf qatt miftum mill-imħabba, relazzjonali, umli u miftuħ, konkret u komunitarju, kuraġġuz u kostruttiv.  Dan hu dak li l-unversitajiet huma mitluba jikkultuvaw u li l-fidi għandha tmantni.  Għalhekk nawgura lil din u lil kull università, li tkunu ċentru ta’ universalità u ta’ libertà, sit għammiel ta’ umaniżmu, laboratorju tat-tama.  Inberikkom minn qalbi u rrodilkom ħajr għal dak li tagħmlu.  Grazzi ħafna!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber