IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 31 ta’ Awwissu 2022

 

Katekeżi fuq id-Dixxerniment: 1. Xi jfisser tagħmel dixxerniment?

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum qed nibdew ċiklu ġdid ta’ katekeżijiet: temmejna l-katekeżijiet fuq ix-xjuħija, u issa qed nibdew ċiklu ġdid dwar it-tema tad-dixxerniment. Id-dixxerniment hu għemil importanti għal kulħadd, għax l-għażliet huma parti essenzjali mill-ħajja. Ngħarblu l-għażliet tagħna. Wieħed jagħżel x’ikel jiekol, xi ħwejjeġ jilbes, xi studji se jagħmel, x’xogħol se jidħol għalih, x’relazzjoni se jaqbad. F’dan kollu jsir konkret proġett ta’ ħajja, u ssir konkreta wkoll ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla.

 

Fil-Vanġelu, Ġesù jitkellem fuq id-dixxerniment bi xbihat meħuda mill-ħajja ta’ kuljum; ngħidu aħna, jfisser kif is-sajjieda jagħżlu l-ħut tajjeb u jarmu l-ħażin; jew in-negozjant li jaf jagħżel, fost tant ġawhar fin, dik tal-ikbar valur. Jew dak li, huwa u jaħrat l-għalqa, jaħbat f’xi ħaġa li jintebaħ li hi teżor (ara Mt 13:44-48).

 

Fid-dawl ta’ dawn l-eżempji, id-dixxerniment jidher quddiemna bħala taħriġ ta’ intelliġenza, u anki ta’ kompetenza u ta’ rieda, għax nagħrfu liema jkun il-waqt it-tajjeb: dawn huma l-kundizzjonijiet biex nistgħu nagħmlu għażla tajba. Trid intelliġenza, kompetenza u anki rieda biex tagħmel għażla tajba. U hemm anki prezz mitlub biex id-dixxerniment jista’ jsir tassew. Biex jista’ jiżvolġi bl-aħjar mod il-mestier tiegħu, is-sajjied iħabbat wiċċu mat-taħbit, l-iljieli twal fuq il-baħar, u mbagħad anki mal-fatt li jrid jarmi parti mill-qabda u jaċċetta li jitlef parti mill-profitt għall-ġid ta’ dawk li għaliha hi ddestinata. In-negozjant tal-ġawhar ma jżommx lura milli jonfoq kollox biex jixtri dik il-ġawhra; u l-istess jagħmel ir-raġel li sab teżor. Sitwazzjonijiet mhux mistennija, mhux ipprogrammati, fejn hu fundamentali li wieħed jagħraf l-importanza u l-urġenza ta’ deċiżjoni li jkollu jieħu. Id-deċiżjonijiet irid jeħodhom kulħadd; ma hemmx xi ħadd li jeħodhom għalina. Hemm punt fejn l-adulti, ħielsa, jistgħu jitolbu parir, jaħsbuha, imma d-deċiżjoni hi tagħhom; ma jistgħux jgħidu: “Tlift dan, għax iddeċieda għalija żewġi, iddeċidiet marti, iddeċieda ħija”: le! Int trid tiddeċiedi, kull wieħed u waħda minna jrid jiddeċiedi, u għalhekk importanti nkunu nafu niddixxernu: biex niddeċiedu tajjeb hemm bżonn inkunu nafu nagħmlu dixxerniment.

 

Il-Vanġelu jissuġġerixxi aspett ieħor importanti tad-dixxerniment: dan imiss mas-sentimenti. Dak li sab it-teżor ma rahiex bi tqila li jbigħ kollox, tant kemm kien kbir il-ferħ tiegħu (ara Mt 13:44). It-terminu li juża l-evanġelista Mattew jindika ferħ speċjali ħafna, li ebda realtà umana ma tista’ tagħti; u fil-fatt nerġgħu nsibuh biss fi ftit siltiet oħra tal-Vanġelu, li kollha jkellmuna fuq il-laqgħa ma’ Alla. Huwa l-ferħ tal-Maġi meta, wara vjaġġ twil u iebes, jerġgħu jaraw il-kewkba (ara Mt 2:10); il-ferħ, hu l-ferħ tan-nisa li jerġgħu lura mill-qabar vojt wara li semgħu mill-anġlu t-tħabbira tal-qawmien (ara Mt 28:8). Huwa l-ferħ ta’ min sab lill-Mulej. Meta tieħu deċiżjoni sabiħa, deċiżjoni tajba, dan fl-aħħar dejjem se jwasslek għal dak il-ferħ; forsi fil-mixja jkollok tbati xi ftit minħabba d-dubji, titħasseb, tfittex, imma fl-aħħar id-deċiżjoni t-tajba timliek bil-ferħ.

 

Fil-Ġudizzju finali Alla jagħmel dixxerniment – id-dixxerniment il-kbir – fuqna. Ix-xbihat tas-sid tal-għalqa, tas-sajjied u tan-negozjant huma eżempji ta’ dak li jiġri fis-Saltna tas-smewwiet, Saltna li tidher fl-għemejjel ordinarji tal-ħajja, li jitolbu minna li nieħdu pożizzjoni. Għalhekk huwa tant importanti li nkunu nafu nagħmlu dixxerniment: l-għażliet il-kbar jistgħu jitwieldu minn ċirkustanzi li mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru sekondarji, imma li fil-fatt ikunu deċiżivi. Ngħidu aħna, ejjew naħsbu fl-ewwel laqgħa ta’ Indrì u Ġwanni ma’ Ġesù, laqgħa li twieldet minn mistoqsija sempliċi: “Fejn toqgħod, Rabbi?” – “Ejjew u taraw” (ara Ġw 1:38-39), jgħidilhom Ġesù. Laqgħa qasira ħafna, imma hija l-bidu ta’ bidla li, pass pass, timmarkalhom ħajjithom kollha. Wara daqshekk snin, l-Evanġelista baqa’ jiftakar dik il-laqgħa li bidlitu għal dejjem, imqar is-siegħa ftakar: “Kien ħabta tal-għaxar siegħa” (v. 39). Kienet is-siegħa li fiha ż-żmien u l-etern iltaqgħu fil-ħajja tiegħu. U f’deċiżjoni tajba, ġusta, ir-rieda ta’ Alla tiltaqa’ ma’ tagħna; il-mixja ta’ bħalissa tiltaqa’ mal-etern. Meta nieħdu deċiżjoni tajba, wara triq ta’ dixxerniment, inkunu nagħmlu din il-laqgħa: taż-żmien mal-etern.

 

Mela: għarfien, esperjenza, sentimenti, rieda: dawn huma xi elementi indispensabbli għad-dixxerniment. Matul dawn il-katekeżijiet se naraw oħrajn, daqstant ieħor importanti.

 

Id-dixxerniment – kif kont qed ngħid – fih ukoll it-taħbit tiegħu. Skont il-Bibbja, aħna ma nsibux ruħna quddiem il-ħajja li rridu ngħixu diġà ppakkettjata għalina: le! Irridu niddeċiduha kontinwament, skont ir-realtajiet li jitfaċċaw quddiemna. Alla jistedinna ngħarblu u nagħżlu: ħalaqna ħielsa u jrid li nħaddmuha l-libertà tagħna. Għalhekk, id-dixxeriment hu impenjattiv.

 

Spiss ġarrabna din l-esperjenza: għażilna xi ħaġa li dehret tajba f’għajnejna imma fil-fatt ma kinitx. Jew inkella konna nafu x’inhu veru ta’ ġid għalina u xorta ma għażilniehx. Il-bniedem, b’differenza mill-annimali, jista’ jiżbalja, jista’ ma jkunx irid jagħżel b’mod korrett, u l-Bibbja dan turih sa mill-ewwel paġni tagħna. Alla jagħti lill-bniedem istruzzjoni preċiża: jekk trid tgħix, jekk trid tiggosta l-ħajja, ftakar li inti ħlejqa, li m’intix int il-kriterju tat-tajjeb u tal-ħażin, u li l-għażliet li se tagħmel se jkollhom konsegwenza, għalik, għall-oħrajn u għad-dinja (ara Ġen 2:16-17); tista’ tagħmel mill-art ġnien mill-aqwa u tista’ tagħmel minnha deżert tal-mewt. Tagħlima fundamentali: mhux ta’ b’xejn dan hu l-ewwel djalogu bejn Alla u l-bniedem. Id-djalogu hu: il-Mulej jagħti l-missjoni, int trid tagħmel hekk u hekk; u l-bniedem kull pass li jagħmel irid jgħarbel liema deċiżjoni jieħu. Id-dixxerniment hu dik ir-riflessjoni tal-moħħ, tal-qalb li aħna rridu nagħmlu qabel ma nieħdu deċiżjoni.

 

Id-dixxerniment fih it-taħbit tiegħu imma hu indispensabbli biex aħna ngħixu. Jitlob minni li nkun naf min jien, li nkun naf x’inhu tajjeb għalija hawn u issa. Jitlob fuq kollox relazzjoni ta’ wlied ma’ Alla. Alla hu Missier u ma jitlaqniex waħidna, hu dejjem lest biex jagħtina parir, biex jagħmlilna l-qalb, biex jilqagħna. Imma qatt ma jimponi fuqna xi jrid hu. Għaliex? Għax irid li aħna nħobbuh u mhux nibżgħu minnu. U barra minn hekk Alla jridna wlied u mhux ilsiera: ulied ħielsa. U l-imħabba tista’ tgħixha biss fil-libertà. Biex nitgħallmu ngħixu hemm bżonn nitgħallmu nħobbu, u għalhekk hu meħtieġ id-dixxerniment: x’nista’ nagħmel issa, quddiem din l-għażla? Ħa jkun dan sinjal ta’ mħabba ikbar, ta’ maturità ikbar fl-imħabba. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina! Insejħulu ta’ kuljum, speċjalment meta niġu biex nagħmlu l-għażliet tagħna. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard