IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2020

Katekeżi fuq it-talb – 20. It-talba ta’ radd il-ħajr

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nixtieq nieqaf illum fuq it-talba ta’ radd il-ħajr. U ħa nieħu spunt minn episodju li jġib l-evanġelista Luqa. Waqt li Ġesù kien miexi, ġew jiltaqgħu miegħu għaxar imġiddmin, li talbuh: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!” (17:13). Nafu li, għal dawk morda bil-ġdiem, mat-tbatija fiżika kienet tingħaqad l-emarġinazzjoni soċjali u l-emarġinazzjoni reliġjuża. Kienu emarġinati. Ġesù ma evitax li jiltaqa’ magħhom. Xi drabi jaqbeż il-limiti mqiegħda mil-liġijiet u jmiss il-marid – ħaġa li ma setgħetx issir – jgħannqu miegħu, ifejqu. F’dan il-każ ma hemmx kuntatt. Mill-bogħod, Ġesù jistedinhom jippreżentaw ruħhom lis-saċerdoti (v. 14), li kienu inkarigati, skont il-liġi, jiċċertifikaw il-fejqan seħħx. Ġesù ma jgħid xejn iżjed. Sema’ t-talba tagħhom, ta widen għall-karba tagħhom għall-ħniena, u bagħathom minnufih għand is-saċerdoti.

 

Dawk l-għaxra fdaw fih, ma baqgħux hemm sakemm ifejjaqhom, le: fdaw u marru dritt, u huma u sejrin fiequ l-għaxra li huma. Is-saċerdoti allura setgħu jaraw li fiequ u jħalluhom jerġgħu lura għall-ħajja normali. Imma hawn jiġi l-aktar punt importanti: minn dak il-grupp, wieħed biss, qabel mar għand is-saċerdoti, reġa’ lura jrodd ħajr lil Ġesù u jfaħħar lil Alla għall-grazzja li qala’. Wieħed biss, id-disgħa l-oħra baqgħu mexjin. U Ġesù jinnota li dak ir-raġel kien Samaritan, speċi ta’ “eretiku” għal-Lhud ta’ dak iż-żmien. Ġesù jikkummenta: “Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!” (17:18). Ir-rakkont imisslek qalbek!

 

Dan ir-rakkont, biex ngħidu hekk, jaqsam id-dinja fi tnejn: min ma jgħidx grazzi u min jgħid grazzi; min jieħu kollox bħallikieku kulħadd għandu jagħtih, u min jilqa’ kollox bħala don, bħala grazzja. Il-Katekiżmu jikteb: “Kull ġrajja, kull ħtieġa tista’ ssir offerta ta’ radd il-ħajr” (n. 2638). It-talba ta’ radd il-ħajr minn hawn tibda dejjem: milli nagħrfu li l-grazzja qiegħda hemm qabilna. Ġejna maħsuba qabel ma tgħallimna naħsbu; ġejna maħbuba qabel ma tgħallimna nħobbu; ġejna mixtieqa qabel ma tfaċċat xewqa f’qalbna. Jekk inħarsu lejn il-ħajja b’dan il-mod, allura l-“grazzi” jsir dak li jmexxi l-ġurnata tagħna. Kemm drabi ninsew imqar ngħidu “grazzi”!

 

Għalina l-Insara r-radd ta’ ħajr ta l-isem tiegħu lis-Sagrament l-aktar essenzjali li għandna: l-Ewkaristija. Fil-fatt, il-kelma Griega tfisser proprju dan: radd il-ħajr. L-Insara, bħal dawk kollha li jemmnu, ibierku lil Alla għad-don tal-ħajja. Li tgħix ifisser qabelxejn li rċivejt il-ħajja. Ilkoll nitwieldu għax xi ħadd xtaq il-ħajja għalina. U dan hu biss l-ewwel minn serje twila ta’ djun li nagħmlu aħna u ngħixu. Djun ta’ rikonoxxenza. Fil-ħajja tagħna, iżjed minn persuna waħda ħarset lejna b’għajnejn safja, bla ma talbet xejn minna. Spiss ikunu edukaturi, katekisti, persuni li wettqu r-rwol tagħhom iktar minn kemm kien mitlub minnhom bħala dmir. U kabbru fina s-sens ta’ gratitudni. Anki l-ħbiberija hija don li għalih għandna nkunu dejjem grati.

 

Dan il-“grazzi” li rridu ngħidu kontinwament, dan il-grazzi li n-Nisrani jaqsam ma’ kulħadd, jitwessa’ fil-laqgħa ma’ Ġesù. Il-Vanġeli jgħidulna li mnejn kien jgħaddi Ġesù spiss kien iqanqal f’dawk li kienu jiltaqgħu miegħu ferħ u tifħir lil Alla. Ir-rakkonti tal-Milied huma miżgħuda b’nies ta’ talb b’qalbhom imwessgħa minħabba l-miġja tal-Feddej. U aħna wkoll ġejna msejħa nieħdu sehem f’dan l-hena bla qies. Jgħidhulna wkoll l-episodju tal-għaxar imġiddmin imfejqa. Naturalment kollha kienu ferħanin li reġgħu f’saħħithom, u hekk setgħu joħorġu mill-kwarantina bla tmiem imposta fuqhom u li kienet taqtagħhom mill-komunità. Imma fosthom kien hemm wieħed li mal-ferħ iżid ferħ ieħor: barra milli għall-fejqan, jifraħ għal-laqgħa li kellu ma’ Ġesù. Mhux biss hu meħlus mid-deni, imma issa għandu wkoll iċ-ċertezza li hu maħbub. Din hi l-qalba ta’ kollox: meta int trodd ħajr, tesprimi ċ-ċertezza li int maħbub. U dan hu pass kbir: għandek iċ-ċertezza li int maħbub. Hija l-iskoperta tal-imħabba bħala qawwa li trieġi d-dinja. Dante qalha hekk: l-Imħabba “li ċċaqlaq ix-xemx u l-kwiekeb l-oħra” (Paradiso, XXXIII, 145). M’għadniex iżjed vagabondi jiġġerrew ’l hawn u ’l hinn, le: għandna dar, ngħixu fi Kristu, u minn din l-“għamara” nikkontemplaw il-bqija tad-dinja, u din tidher bil-wisq isbaħ f’għajnejna. Aħna wlied l-imħabba, aħna wlied l-imħabba. Aħna rġiel u nisa ta’ grazzja.

 

Għalhekk, ħuti, ejjew infittxu li nkunu dejjem fil-ferħ tal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Inrawmu fina spirtu ta’ hena. Għax id-demonju, wara li jkun qarraq bina – b’kull tentazzjoni – dejjem iħallina mdejqa u waħidna. Jekk inkunu fi Kristu, l-ebda dnub u l-ebda theddida ma jistgħu qatt iżommuna milli nkomplu nimxu bil-ferħ, flimkien ma’ tant sieħba fit-triq.

 

Fuq kollox, ma ninsew qatt irroddu ħajr: jekk aħna għandna fina l-gratitudni, anki d-dinja ssir aħjar, imqar jekk naqra biss, imma biżżejjed biex nagħtuha xi ftit tat-tama. Id-dinja għandha bżonn tat-tama, u bil-gratitudni, b’dan l-atteġġjament li ngħidu grazzi, aħna nkunu ngħaddulha xi ftit tat-tama. Kollox hu magħqud, kollox hu marbut u kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu hemm fejn jinsab. It-triq tal-ferħ hi dik li San Pawl fisser fit-tmiem ta’ waħda mill-ittri tiegħu: “Itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù. Ixxekklux l-Ispirtu” (1 Tess 5:17-19). La xxekklux l-Ispirtu, dan programm sabiħ ta’ ħajja! Ma nxekklux l-Ispirtu li għandna ġo fina u dan iwassalna għall-gratitudni.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard