Segwi l-filmat tal-Papa bl-awdjo bil-Malti ...

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 30 ta’ Marzu 2022

 

Katekeżi fuq ix-Xjuħija: 5. Il-fedeltà għaż-żjara ta’ Alla għall-ġenerazzjoni li ġejja

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq it-tema tax-xjuħija, illum se nħarsu lejn il-kwadru ħelu mpinġi mill-evanġelista San Luqa, li jsejjaħ fix-xena żewġ figuri ta’ anzjani, Xmun u Anna. Ir-raġuni ta’ ħajjithom, qabel ma jħallu din id-dinja, hija l-istennija taż-żjara ta’ Alla. Kienu qed jistennew li jiġi jżurhom Alla, jiġifieri Ġesù. Xmun kien jaf, għax kien nebbħu l-Ispirtu s-Santu, li ma kellux imut qabel ma jara lill-Messija. Anna kienet tmur ta’ kuljum it-Tempju u kienet mogħtija għall-qadi tiegħu. It-tnejn jagħrfu l-preżenza tal-Mulej fit-tarbija Ġesù, li jimla bil-faraġ l-istennija twila tagħhom u jimla bis-serenità t-tluq tagħhom minn din il-ħajja. Dan hija xena ta’ laqgħa ma’ Ġesù, u ta’ tluq.

 

X’nistgħu nitgħallmu minn dawn iż-żewġ figuri ta’ anzjani mimlijin dinamiċità spiritwali?

 

Nitgħallmu li l-fedeltà tal-istennija tirfina s-sensi. Mill-bqija, nafuh dan, l-Ispirtu s-Santu jagħmel preċiżament dan: idawwal is-sensi. Fl-innu antik Veni Creator Spiritus, li bih għadna nsejħu sal-lum lill-Ispirtu s-Santu, ngħidu: Accende lumen sensibus, ixgħel bid-dawl lis-sensi, dawwal is-sensi tagħna. L-Ispirtu jista’ jagħmlu dan: isinn is-smigħ tas-sensi tar-ruħ, minkejja l-limitazzjonijiet u l-ġrieħi tas-sensi tal-ġisem. Ix-xjuħija ddgħajjef, b’xi mod jew ieħor, is-sensibbiltà tal-ġisem: min ma jibqax jara daqs qabel, min jittarrax… Madankollu, xjuħija li tkun tħarrġet fl-istennija taż-żjara ta’ Alla tintebaħ li hu jgħaddi: anzi, tkun ukoll iżjed lesta biex tilqgħu, ikollha iżjed sensibbiltà biex tilqa’ lill-Mulej meta jgħaddi. Niftakru li hu atteġġjament tan-Nisrani li jkun attent għaż-żjajjar tal-Mulej, għax il-Mulej jgħaddi mill-ħajja tagħna bit-tnebbiħ tiegħu, bl-istedina biex insiru aħjar. U Santu Wistin kien jgħid: “Nibża’ mill-Mulej għaddej” – “Imma kif, int tibża’?” – Iva, nibża’ li ma nintebaħx u nħallih għaddej”. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jħejji s-sensi biex jifhmu meta l-Mulej ikun qed iżurna, kif għamel ma’ Xmun u Anna.

 

Illum għandna iżjed minn qatt qabel bżonn ta’ dan: għandna bżonn ta’ xjuħija mogħnija b’sensi spiritwali ħajjin u li kapaċi jagħrfu s-sinjali ta’ Alla, anzi, is-Sinjal ta’ Alla, li huwa Ġesù. Sinjal li jdaħħalna fi kriżi, dejjem: Ġesù jdaħħalna fi kriżi għax hu “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34) – imma li jimliena bil-ferħ. Għax il-kriżijiet mhux bilfors iwassluk għan-niket, le: li tkun fi kriżi, meta tkun qed taqdi lil Alla, ħafna drabi jagħtik paċi u ferħ. L-anestesija tas-sensi spiritwali – u din ħaġa kerha – l-illuppjar tas-sensi spiritwali, fl-eċċitament u fl-istordiment ta’ dawk tal-ġisem, hija sindromu mifrux f’soċjetà li tikkultiva l-illużjoni taż-żgħożija eterna, u l-karatteristika l-iktar perikoluża tagħha qiegħda fil-fatt li hi ħafna drabi ma tintebaħx b’dan. Ma nintebħux li ġejna lluppjati. U dan jiġri: dejjem ġara u qed ikompli jiġri fi żminijietna. Is-sensi lluppjati, mingħajr ma nifhmu x’inhu jiġri; is-sensi interjuri, is-sensi tal-ispirtu biex nifhmu l-preżenza ta’ Alla jew il-preżenza tal-ħażen, anestetizzati, ma jirnexxilhomx jagħżlu.

 

Meta titlef is-sensibbiltà tal-mess jew tat-togħma, mill-ewwel tinduna. Imma, dik tar-ruħ, dik is-sensibbiltà tar-ruħ tista’ tibqa’ tinjoraha għal ħafna żmien, tgħix mingħajr ma tintebaħ li tkun tlift is-sensibbiltà tar-ruħ. Din ma tfissirx sempliċiment il-ħsieb ta’ Alla jew tar-reliġjon. L-insensibbiltà tas-sensi spiritwali tmiss ukoll il-kompassjoni u l-mogħdrija, il-mistħija u r-rimors, il-fedeltà u d-dedikazzjoni, il-ħlewwa u l-unur, ir-responsabbiltà proprja u n-niket għall-oħrajn. Kurjuża din: l-insensibbiltà ma tħallikx tifhem il-ħniena, ma tħallikx tifhem il-mogħdrija, ma tħallikx tistħi jew tħoss rimors għal xi ħaġa ħażina li tkun għamilt. Hekk tagħmel: is-sensi spiritwali lluppjati jgerfxu kollox, u wieħed, spiritwalment, ma jibqax iħoss ħwejjeġ bħal dawn. U x-xjuħija ssir, biex ngħidu hekk, l-ewwel telfa, l-ewwel vittma ta’ din it-telfa ta’ sensibbiltà. F’soċjetà li tħaddem fuq kollox is-sensibbiltà għall-pjaċir, ma jistax ikun li ma tonqosx l-attenzjoni lejn id-dgħajfa u li ma tirbaħx il-kompetizzjoni tar-rebbieħa. U hekk tintilef is-sensibbiltà. Bla dubju, ir-rettorika tal-inklużjoni hija l-formula ritwali ta’ kull diskors politikament korrett. Imma għadha mhix iġġib tiswija vera fil-prattika tal-konvivenza normali: għadna nsibuha bi tqila biex inseddqu kultura tal-ħlewwa soċjali. Le: l-ispirtu tal-fraternità umana – li jidhirli li hemm bżonn nerġa’ nsejjaħ għalih b’qawwa – qisu libsa li m’għadhiex tintuża, li nammirawha, iva, imma… f’mużew. Nitilfu s-sensibbiltà umana, jintilfu dawn il-movimenti tal-ispirtu li jagħmluna umani.

 

Huwa minnu, fil-ħajja reali nistgħu nosservaw, bi gratitudni mqanqla, tant żgħażagħ li kapaċi jonoraw sal-aħħar din il-fraternità. Imma proprju hawn qiegħda l-problema: jeżisti skart, skart ħati, bejn ix-xhieda ta’ din l-għajn vitali tal-ħlewwa soċjali u l-konformiżmu li jġagħal liż-żgħożija tesprimi ruħha b’mod differenti għalkollox. X’nistgħu nagħmlu biex nirkupraw dak li rmejna?

 

Mir-rakkont ta’ Xmun u Anna, imma anki minn stejjer oħra bibliċi tal-età anzjana sensibbli għall-Ispirtu, għandna indikazzjoni moħbija li jixirqilha li npoġġuha fl-ewwel post. Fiex tikkonsisti, konkretement, ir-rivelazzjoni li tixgħel is-sensibbiltà ta’ Xmun u ta’ Anna? Tikkonsisti f’li huma jagħrfu f’tarbija, li ma nissluhiex huma u li qed jarawha għall-ewwel darba, is-sinjal ċert taż-żjara ta’ Alla. Huma jaċċettaw li mhumiex protagonisti, imma biss xhieda. U meta individwu jaċċetta li mhuwiex hu l-protagonista, imma jidħol bħala xhud, il-ħaġa timxi sew: dak il-bniedem ikun qed jimmatura tajjeb. Imma jekk dejjem irid li jkun protagonista, mhi sa timmatura qatt din il-mixja lejn il-milja tax-xjuħija. Iż-żjara ta’ Alla ma titlaħħamx fil-ħajja tagħhom, ta’ dawk li jridu jkunu protagonisti imma qatt xhieda, ma ddaħħalhomx fix-xena bħala salvaturi: Alla ma jitlaħħamx fil-ġenerazzjoni tagħhom, imma fil-ġenerazzjoni li għad trid tiġi. Jitilfu l-ispirtu, jitilfu r-rieda li jgħixu b’maturità u, kif normalment jingħad, jgħixu l-ħajja fuq il-qoxra, superfiċjali. Hija l-ġenerazzjoni l-kbira ta’ superfiċjali, li ma jirnexxilhomx iħossu l-affarijiet bis-sensibbiltà tal-ispirtu. Imma għaliex ma jirnexxilhomx? Minn naħa mħabba t-telqa tagħhom, u mill-oħra għax diġà ma jistgħux: tilfuha. Kemm hi ħaġa kerha meta ċiviltà titlef is-sensibbiltà tal-ispirtu! Imma, kemm hi ħaġa sabiħa meta nsibu anzjani bħal Xmun u Anna li jżommu din is-sensibbiltà tal-ispirtu u huma kapaċi jifhmu d-diversi sitwazzjonijiet, l-istess kif dawn it-tnejn fehmu din is-sitwazzjoni li kellhom quddiemhom li kienet il-manifestazzjoni tal-Messija. Ebda korla u ebda akkuża, allura, meta jsibu ruħhom f’dan l-istat ta’ statiċità. Anzi, tqanqil kbir u faraġ kbir meta s-sensi spiritwali għadhom ħajjin. It-tqanqil u l-faraġ li jistgħu jaraw u jħabbru li l-istorja tal-ġenerazzjoni tagħhom ma ntilfitx jew inħliet, proprju grazzi għal ġrajja li qed titlaħħam u tidher fil-ġenerazzjoni li ġejja. U dan hu li jħoss anzjan meta n-neputijiet imorru jitkellmu miegħu: iħossu jgħix mill-ġdid. “Aħ, ħajti hawn għadha”. Kemm hu importanti mmorru għand l-anzjani, kemm hu importanti nisimgħuhom! Kemm hu importanti nitkellmu magħhom, għax hekk iseħħ dan il-qsim ta’ ċiviltà, dan il-qsim ta’ maturità bejn żgħażagħ u anzjani. U hekk, iċ-ċiviltà tagħna tibqa’ miexja ’l quddiem b’mod matur.

 

Ix-xjuħija spiritwali biss tista’ tagħti din ix-xhieda, umli u qawwija, u tagħmilha awtorevoli u eżemplari għal kulħadd. Ix-xjuħija li kkultivat is-sensibbiltà tar-ruħ titfi kull għira bejn il-ġenerazzjonijiet, kull korla, kull akkuża li l-miġja ta’ Alla qed isseħħ fil-ġenerazzjoni li ġejja, li tasal flimkien mat-tluq ta’ din il-ġenerazzjoni. U dan hu li jiġrilu anzjan miftuħ ma’ żagħżugħ miftuħ: jitlaq minn din il-ħajja imma jagħti – biex ngħidu hekk – il-ħajja tiegħu lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda. U dan hu dak it-tluq ta’ Xmun u Anna: “Issa nista’ mmur fis-sliem”. Is-sensibbiltà spiritwali tal-età anzjana kapaċi tneħħi l-kompetizzjoni u l-kunflitt bejn il-ġenerazzjonijiet b’mod kredibbli u defenittiv. Tgħaddi, din is-sensibbiltà: l-anzjani, b’din is-sensibbiltà, jaqbżu l-kunflitt, imorru lil hemm, jgħaddu għall-għaqda, mhux għall-kunflitt. Dan ċertament hu impossibbli għall-bnedmin, imma hu possibbli għal Alla. U llum għandna tant bżonn ta’ dan, tas-sensibbiltà tal-ispirtu, tal-maturità tal-ispirtu, għandna bżonn ta’ anzjani għorrief, maturi fl-ispirtu, li jimlewna bit-tama għall-ħajja!

 

***

 

APPELL

 

Għeżież ħuti, is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin se nżur Malta. F’dik l-art imdawla sejjer pellegrin fuq il-passi tal-Appostlu Pawlu, li hemm ġie milqugħ bi ħlewwa liema bħalha wara li safa nawfragu fil-baħar huwa u jivvjaġġa lejn Ruma. Għalhekk dan il-Vjaġġ Appostoliku se jkun għalija l-okkażjoni biex nerġa’ lura lejn l-għejun tax-xandir tal-Vanġelu, biex insir naf personalment komunità Nisranija bi storja millenarja u ħajja, biex niltaqa’ man-nies ta’ pajjiż li jinsab fil-qalba tal-Mediterran u fin-nofsinhar tal-kontinent Ewropew, illum iżjed minn qatt qabel impenjat biex jilqa’ tant ħutna li qed ifittxu kenn. Sa minn issa nsellem minn qalbi lilkom il-Maltin kollha: il-ġurnata t-tajba! Nirringrazzja lil dawk kollha li qed iħabirku biex iħejju għal din iż-żjara u nitlobkom ilkoll takkumpanjawni bit-talb tagħkom. Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard