IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 28 ta’ Settembru 2022

 

Katekeżi fuq id-Dixxerniment: 3. L-elementi tad-dixxerniment. Il-familjarità mal-Mulej

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nerġgħu naqbdu l-katekeżijiet fuq it-tema tad-dixxerniment, – għax importanti ħafna t-tema tad-dixxerniment biex inkunu nafu x’inhu jiġri ġo fina; is-sentimenti u l-ideat, irridu ngħarblu mnejn ġejjin, fejn se jeħduni, lejn liema deċiżjoni – u llum nieqfu ftit fuq l-ewwel miż-żewġ elementi kostituttivi, jiġifieri t-talb. Biex niddixxernu hemm bżonn inkunu f’ambjent, fi stat ta’ talb.

 

It-talb hu għajnuna indispensabbli għad-dixxerniment spiritwali, fuq kollox meta jmiss ma’ dak li aħna nħobbu, u hekk nistgħu nduru fuq Alla b’sempliċità u familjarità, kif nitkellmu ma’ ħabib. Dan ifisser li nagħrfu mmorru lil hemm mill-ħsibijiet, nidħlu f’intimità mal-Mulej, bi spontanjetà ta’ mħabba. Is-sigriet tal-ħajja tal-qaddisin hu l-familjarità u l-kunfidenza ma’ Alla, ħaġa li tikber fihom u tagħmilha dejjem aktar faċli għalihom li jagħrfu dak li jogħġob lilu. It-talb veru hu familjarità u kunfidenza ma’ Alla. Mhux nirreċtaw it-talb bħal pappagall, bla bla bla, le. It-talb veru hu din l-ispontanjetà u kunfidenza mal-Mulej. Din il-familjarità tegħleb il-biża’ jew id-dubju li r-rieda tiegħu mhix għall-ġid tagħna, tentazzjoni li xi drabi tgħaddilna minn moħħna u lill-qalb tagħmilha bla kwiet u inċerta jew anki mnikkta.

 

Id-dixxerniment ma jippretendix ċertezza assoluta – ma hux kimikament xi metodu pur, le, li jippretendi xi ċertezza assoluta, għax għandu x’jaqsam mal-ħajja, u l-ħajja mhux dejjem hija loġika, għax tippreżenta ħafna aspetti li ma tistax tagħlaqhom f’kategorija waħda ta’ ħsieb. Nixtiequ nafu bi preċiżjoni x’għandu jsir, madankollu, anki meta jseħħ, mhux dejjem naġixxu b’konsegwenza ta’ dan. Kemm drabi għexna aħna wkoll l-esperjenza mfissra mill-Appostlu Pawlu, li jgħid hekk: “M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx” (Rum 7:19)! Ma aħniex biss raġuni, ma aħniex magni, mhux biżżejjed nirċievu l-istruzzjonijiet biex inwettquhom: it-tfixkil, bħall-għajnuna, biex niddeċiedu favur il-Mulej hu fuq kollox affettiv, tal-qalb.

 

Hu sinifikattiv li l-ewwel miraklu li għamel Ġesù fil-Vanġelu ta’ Mark hu eżorċiżmu (ara 1:21-28). Fis-sinagoga ta’ Kafarnahum jeħles raġel imxajtan, jeħilsu mix-xbieha qarrieqa ta’ Alla li x-Xitan ilu jissuġġerixxi sa mill-bidu nett: dik ta’ Alla li ma jridx il-ferħ tagħna. L-imxajtan, ta’ dik is-silta mill-Vanġelu, jaf li Ġesù huwa Alla, imma dan ma jwasslux biex jemmen fih. Fil-fatt jgħidlu: “Ġejt biex teqridna” (v. 24).

 

Ħafna, anki Nsara, jaħsbu l-istess ħaġa: jiġifieri li mqar jekk Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, imma jiddubitaw li veru jrid il-ferħ tagħna; anzi, xi wħud jibżgħu li jekk nieħdu bis-serjetà l-proposta tiegħu, dik li Ġesù qed jipproponilna, inkunu nirvinaw ħajjitna, nissagrifikaw ix-xewqat tagħna, l-aspirazzjonijiet l-iżjed qawwija tagħna. Dawn il-ħsibijiet xi drabi jitfaċċaw fina: li Alla qed jitlobna żżejjed, nibżgħu li Alla qed jitlobna wisq, li mhux veru jrid il-ġid tagħna. Imma, fl-ewwel laqgħa tagħna rajna li s-sinjal tal-laqgħa mal-Mulej huwa l-ferħ. Meta niltaqa’ mal-Mulej fit-talb, nimtela bil-ferħ. Kull wieħed u waħda minna jsir hieni, ħaġa sabiħa. Imma n-niket, jew il-biża’, huma sinjali li aħna mbegħdin minn Alla: “Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti”, jgħidlu Ġesù liż-żagħżugħ għani (Mt 19:17). B’xorti ħażina għal dak iż-żagħżugħ, kien hemm xi jfixklu milli jwettaq ix-xewqa li kellu f’qalbu, li jimxi iżjed mill-qrib wara l-“imgħallem tajjeb”. Kien żagħżugħ interessat, immotivat, kien ħa l-inizjattiva li jiltaqa’ ma’ Ġesù, imma kien ukoll maqsum fih innifsu, għalih il-ġid li kellu kien importanti wisq. Ġesù ma jġagħlux jiddeċiedi, imma t-test jinnota li ż-żagħżugħ telaq minn ħdejn Ġesù “b’qalbu sewda” (v. 22). Min jitbiegħed mill-Mulej qatt ma jista’ jkun kuntent, imqar jekk ikollu kotra kbira ta’ ġid u possibbiltajiet. Ġesù qatt ma jġiegħel lil min isegwih, qatt. Ġesù jurik x’inhi r-rieda tiegħu, b’qalb kbira jurik l-affarijiet kif inhuma, imma jħallik liberu. U din hi l-isbaħ ħaġa fit-talb ma’ Ġesù: il-libertà li hu jagħtina. Imma meta aħna nitbiegħdu mill-Mulej nibqgħu bin-niket fina, xi ħaġa kerha fil-qalb tagħna.

 

Id-dixxerniment ta’ dak li hemm fina ma huwiex faċli, għax l-apparenza tinganna, imma l-familjarità ma’ Alla tista’ tħoll b’mod ħelu kull dubju u biża’, u ħajjitna tkun tista’ tilqa’ aktar fiha d-“dawl ġentili” tiegħu, skont l-espressjoni sabiħa ta’ San John Henry Newman. Il-qaddisin jibbrillaw bid-dawl rifless fihom u fil-ġesti sempliċi tal-ġurnata tagħhom juru l-preżenza kollha mħabba ta’ Alla, li jagħmel l-impossibbli possibbli. Jingħad li żewġ miżżewġin li għexu flimkien għal tant żmien u ħabbew lil xulxin jispiċċaw isiru jixbhu lil xulxin. Xi ħaġa simili nistgħu ngħidu għat-talb ta’ mħabba: bil-mod il-mod imma b’mod effikaċi jagħmilna dejjem iżjed kapaċi nagħrfu dak li jiswa b’konnaturalità, bħala xi ħaġa li tnixxi mill-qiegħ tagħna nfusna. Li nitlob ma jfissirx ngħid ħafna kliem, tlablib, le; li nitlob ifisser niftaħ qalbi għal Ġesù, nersaq lejn Ġesù, inħalli lil Ġesù jidħol fil-qalb tiegħi u jġagħalni nħoss il-preżenza tiegħu. U hemm nistgħu ngħarblu meta jkun Ġesù u meta nkunu aħna bil-ħsibijiet tagħna, ħafna drabi bogħod minn dak li jrid Ġesù.

 

Ejjew nitolbu din il-grazzja: li ngħixu f’relazzjoni ta’ ħbiberija mal-Mulej, bħalma ħabib ikellem ħabib (ara Sant’Injazju ta’ Loyola, Eżerċizzi spiritwali, 53). Jiena sirt naf reliġjuż xwejjaħ li kien ikun mal-bieb ta’ kulleġġ u dan kull darba li jkun jista’ kien jersaq lejn il-kappella, iħares lejn l-altar, u jgħidlu: “Hello”, għax kien qrib ta’ Ġesù. Ma kellux bżonn jgħid bla bla bla, le: “Hello, jiena qrib tiegħek u int tiegħi”. Din hi r-relazzjoni li għandu jkollna fit-talb: qrubija, qrubija ta’ mħabba, bħal aħwa, qrubija lejn Ġesù. Tbissima, ġest sempliċi u ma ngħidux paroli li ma jasalx fil-qalb. Kif għidt, nitkellmu ma’ Ġesù bħalma ħabib ikellem ħabib ieħor. Hija grazzja li rridu nitolbu għal xulxin: li naraw lil Ġesù bħala l-ħabib tagħna, l-ikbar ħabib tagħna, il-ħabib fidil tagħna, li ma jirrikattax, fuq kollox ma jitlaqna qatt waħidna, imqar meta aħna nitbiegħdu minnu. Hu jibqa’ fil-bieb tal-qalb. “Le, jien miegħek ma rridx li jkolli x’naqsam”, ngħidulu aħna. U hu jibqa’ kwiet, jibqa’ hemm qrib tagħna, qrib il-qalb tagħna għax hu dejjem fidil. Ejjew nimxu ’l quddiem b’din it-talba, ngħidu t-talba tal-“hello”, it-talba li biha nsellmu lill-Mulej bil-qalb tagħna, it-talba tal-imħabba, it-talba tal-qrubija, bi ftit kliem imma b’ġesti u b’opri tajba. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard