IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 27 ta’ Novembru 2024

 

Katekeżi. L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna. 15. Il-frott tal-Ispirtu s-Santu. Il-ferħ

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Wara li tkellimna fuq il-grazzja santifikanti u fuq il-kariżmi, illum nixtieq nieqaf fuq it-tielet realtà marbuta mal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu: il-“frott tal-Ispirtu”. X’inhu l-frott tal-Ispirtu? San Pawl joffrilna lista tagħhom fl-Ittra lill-Galatin. Jikteb: “Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (5:22). Disa’ frott tal-Ispirtu. Imma x’inhu dan il-“frott tal-Ispirtu”?

 

B’differenza mill-kariżmi, li l-Ispirtu jagħti lil min irid u xħin irid għall-ġid tal-Knisja, il-frott tal-Ispirtu – nirrepeti – l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan – huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn il-grazzja u l-libertà tagħna. Dan il-frott jesprimi dejjem il-kreattività tal-persuna, li fiha “l-fidi taħdem permezz tal-imħabba” (Gal 5:6), xi drabi b’mod sorprendenti u hieni. Mhux kulħadd fil-Knisja jista’ jkun appostlu, profeta, evanġelista; imma kulħadd, bla distinzjoni, jista’ u għandu jkun bniedem li jħobb, jistabar, umli, jaħdem għall-paċi, u l-bqija. Ilkoll kemma aħna, iva, għandna nħobbu, nistabru, inkunu umli, naħdmu għall-paċi u mhux għall-gwerra.

 

Fost il-frott tal-Ispirtu msemmi mill-Appostli, nieħu pjaċir nagħfas fuq waħda, billi nfakkar fl-ewwel kelmiet tal-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium: “Il-ferħ tal-Vanġelu jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù. Dawk li jħallu lilu jsalvahom, jinħelsu mid-dnub, min-niket, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament. Ma’ Ġesù Kristu dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled mill-ġdid il-ferħ” (n. 1). Xi drabi se jkun hemm mumenti ta’ diqa, imma dejjem hemm il-paċi. Ma’ Ġesù hemm il-ferħ u l-paċi.

 

L-hena, frott tal-Ispirtu, għandu komuni ma’ kull ferħ ieħor uman ċertu sentiment ta’ milja u ta’ sodisfazzjon, li nixtequh ma jispiċċa qatt. Imma aħna nafu mill-esperjenza li dan ma jseħħx, għax kull ħaġa hawn isfel tgħaddi malajr. Kollox jgħaddi malajr. Ejjew naħsbu flimkien: iż-żgħożija: tgħaddi malajr; is-saħħa, il-forzi tagħna, il-ġid, il-ħbiberiji, l-imħabbiet… Forsi jdumu mitt sena? Imma mhux aktar. Mill-bqija, imqar kieku dawn il-ħwejjeġ ma kellhomx jgħaddux malajr, wara ftit ma jkunux biżżejjed, jew jibdew saħansitra jdejquna, għax, kif qal Santu Wistin lil Alla: “Int għamiltna għalik, o Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet, jekk ma tistrieħx fik”.[1] Hemm dak it-tħassib tal-qalb li jfittex il-ġmiel, il-paċi, l-imħabba, il-ferħ.

 

Il-ferħ tal-Vanġelu, l-hena evanġeliku, b’differenza minn kull ferħ ieħor, jista’ jiġġedded ta’ kuljum u jdakkar oħrajn. “Huwa biss grazzi għal din il-laqgħa – jew laqgħa mill-ġdid – ma’ din l-imħabba ta’ Alla, li tinbidel fi ħbiberija hienja, li aħna nistgħu ninħelsu mill-kuxjenza iżolata tagħna u mill-awtoreferenzjalità. […] Din hi l-għajn tal-azzjoni evanġelizzatriċi. Għax, jekk wieħed jilqa’ din l-imħabba li tista’ tagħtih mill-ġdid is-sens ta’ ħajtu, kif jista’ jrażżan fih ix-xewqa li jgħaddiha lill-oħrajn?” (Evangelii gaudium, 8). Hija l-karatteristika doppja tal-ferħ frott tal-Ispirtu: din mhux biss mhijiex suġġetta li tiġi fix-xejn biż-żmien, imma titkattar aktar ma naqsmuha mal-oħrajn! Il-ferħ veru naqsmuh mal-oħrajn, u “jdakkar”.

 

Ħames sekli ilu, hawn Ruma kien jgħix qaddis jismu Filippu Neri. L-istorja tafu bħala l-qaddis tal-ferħ. Lit-tfal ċkejknin u abbandunati tal-Oratorju tiegħu kien jgħidilhom: “Uliedi, kunu ferħana; ma rridx skrupli u malinkonija; biżżejjed għalija li ma tagħmlux dnub”. U wkoll: “Oqogħdu bil-għaqal, jekk tistgħu!”. Imma inqas magħrufa hi l-għajn li minnha kien ġej il-ferħ tiegħu. San Filippu Neri tant kellu mħabba għal Alla li xi drabi qalbu donnha riedet tisplodi minn ġol-qafas ta’ sidru. Il-ferħ tiegħu kien, fil-veru sens tal-kelma, frott tal-Ispirtu. Il-qaddis ħa sehem fil-Ġublew tal-1575, li hu kompla jagħni bil-prattika, li mbagħad baqgħet tinżamm, taż-żjara lis-Seba’ Knejjes. Fi żmienu hu kien veru evanġelizzatur permezz tal-ferħ. U din il-karatteristika kien ħadha proprju minn Ġesù: kien jaħfer dejjem, jaħfer kollox. Forsi hawn fostna min jaħseb: “Imma jien għamilt dan id-dnub, u dan ma hemmx maħfra għalih…”. Isimgħuha tajjeb din: Alla kollox jaħfer, Alla dejjem jaħfer. U dan huwa l-ferħ: li nkunu maħfurin minn Alla. U lis-saċerdoti u lill-konfessuri dejjem ngħidilhom: aħfru kollox, tistaqsux wisq imma aħfru kollox, kollox u dejjem.

 

Il-kelma “Vanġelu” tfisser aħbar tajba. Allura ma nistgħux inwassluha bil-geddum u b’wiċċ laskri, imma bil-ferħ ta’ min sab it-teżor moħbi u l-ġawhra prezzjuża. Niftakru fl-eżortazzjoni li San Pawl għamel lill-Insara tal-Knisja ta’ Filippi, u issa jagħmel lilna lkoll: “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha” (Fil 4:4-5).

 

Għeżież ħuti, kunu hienja bil-ferħ ta’ Ġesù fil-qalb tagħkom. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 


 

[1] Stqarrijiet, I, 1.