|
IL-PAPA FRANĠISKU
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
MĦEJJIJA GĦALL-UDJENZA ĠENERALI TAS-26 TA’ MARZU 2025
L-Erbgħa 26 ta’ Marzu 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesu Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-laqgħat.
2. Is-Samaritana. “Agħtini nixrob!” (Ġw 4:7)
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Wara li mmeditajna fuq il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Nikodemu, li kien mar ifittex lil Ġesù, nirriflettu llum fuq dawk il-mumenti li fihom donnu jidher li hu kien qed jistenniena proprju hemm, f’salib it-toroq tal-ħajja tagħna. Huma laqgħat li jissorprenduna, u għall-bidu forsi nkunu wkoll xi ftit suspettużi: ħa nfittxu li nkunu prudenti u li nifhmu x’qed jiġri.
Din aktarx kienet ukoll l-esperjenza tal-mara Samaritana, li dwarha naqraw fir-raba’ kapitlu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni (ara 4:5-26). Hi ma kinitx qed tistenna li ħa ssib raġel biswit il-bir f’nofsinhar, anzi kienet qed tittama li ma ssib lil ħadd. Fil-fatt, hi tmur ittella’ l-ilma mill-bir f’siegħa mhux tas-soltu, xħin tagħmel ħafna sħana. Forsi din il-mara tħossha tirgħex minn ħajjitha, forsi ħassitha ġġudikata, ikkundannata, mhux mifhuma, u għalhekk iżolat ruħha, kisret ir-relazzjoni ma’ kulħadd.
Biex mil-Lhudija jmur il-Galilija, Ġesù seta’ għażel triq oħra flok jaqsam mis-Samarija. Kien ikun ukoll aktar fiż-żgur, meta tqis ir-relazzjonijiet sħan bejn Lhud u Samaritani. Imma hu ried jgħaddi minn hemm u jieqaf ħdejn dak il-bir proprju f’dik is-siegħa! Ġesù qed jistenniena u jrid li nsibuh proprju meta naħsbu li għalina ma hemmx aktar tama. Il-bir, fil-Lvant Nofsani antik, huwa post ta’ laqgħa, fejn xi drabi jitlaqqgħu l-persuni għaż-żwieġ, hu post ta’ għerusija. Ġesù jrid jgħin lil din il-mara tifhem fejn għandha ssib it-tweġiba vera għax-xewqa tagħha li tkun maħbuba.
It-tema tax-xewqa hi fundamentali biex nifhmu din il-laqgħa. Ġesù huwa l-ewwel wieħed li jesprimi x-xewqa tiegħu: “Agħtini nixrob!” (v. 10). Biex jiftaħ djalogu, Ġesù juri ruħu dgħajjef, u hekk jgħin lill-persuna l-oħra tħossha komda, jagħmel mezz li hi ma tibżax minnu. L-għatx spiss hu, anki fil-Bibbja, ix-xbieha tax-xewqa. Imma Ġesù hawnhekk għandu l-għatx qabelxejn għas-salvazzjoni ta’ dik il-mara. “Dak li jitlob li jingħata jixrob”, jgħid Santu Wistin, “kellu l-għatx għall-fidi ta’ din il-mara”.[1]
Jekk Nikodemu mar għand Ġesù billejl, hawn Ġesù jiltaqa’ mal-mara Samaritana f’nofsinhar, il-mument li fih hemm l-aktar dawl. Fil-fatt dan hu mument ta’ rivelazzjoni. Ġesù jrid li hi ssir tafu bħala l-Messija u barra minn hekk hu jixħet dawl fuq il-ħajja tagħha. Jgħinha terġa’ taqra b’mod ġdid l-istorja tagħha, li hi kkumplikata u ta’ uġigħ: kellha ħamest irġiel u issa qiegħda mas-sitt wieħed li mhuwiex żewġha. In-numru sitta mhux hemm bl-addoċċ, imma s-soltu jindika imperfezzjoni. Forsi qed jalludi għas-seba’ raġel, dak li fl-aħħar jista’ jaqta’ x-xewqa ta’ din il-mara li tkun tassew maħbuba. U dak ir-raġel jista’ jkun biss Ġesù.
Malli tintebaħ li Ġesù jaf ħajjitha, il-mara taqleb id-diskors għal fuq il-kwistjoni reliġjuża li kienet tifred il-Lhud u s-Samaritani. Dan xi kultant jiġri lilna wkoll aħna u nitolbu: fil-mument li fih Alla qed imiss il-ħajja tagħna bil-problemi tagħha, xi kultant nintilfu f’riflessjonijiet li jagħtuna l-illużjoni ta’ talba li rnexxiet. Fir-realtà, inkunu tellajna ħitan ta’ protezzjoni. Imma l-Mulej hu dejjem ikbar, u lil dik il-mara Samaritana, li skont l-iskemi kulturali mank messu kellimha, jirregalalha l-ogħla rivelazzjoni: il-kelma tal-Missier, li għandu jiġi meqjum fl-ispirtu u fil-verità. U meta hi, mill-ġdid sorpriża, tosserva li fuq dawn l-affarijiet aħjar wieħed jistenna lill-Messija, hu jgħidilha: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek” (v. 26). Hi bħal dikjarazzjoni ta’ mħabba: Dak li qed tistenna huwa jien; Dak li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jwieġeb għax-xewqa tiegħek li tkun maħbuba.
Hawn il-mara tmur tiġri ssejjaħ lin-nies tar-raħal tagħha, għax hu proprju mill-esperjenza li nħossuna maħbuba li toħroġ il-missjoni. U x’aħbar setgħet qatt wasslet jekk mhux l-esperjenza tagħha li ġiet mifhuma, milqugħa, maħfura? Hija xbieha li għandha ġġagħalna nirriflettu fuq it-tiftixa tagħna ta’ modi ġodda biex nevanġelizzaw.
Proprju bħal persuna nnamrata, is-Samaritana tinsa l-ġarra tagħha f’riġlejn Ġesù. It-toqol ta’ dik il-ġarra fuq rasha, kull darba li tkun sejra d-dar, kienet tfakkarha fil-kundizzjoni tagħha, il-ħajja mqallba tagħha. Imma issa l-ġarra qiegħda f’riġlejn Ġesù. Il-passat ma għadux piż; hi rikonċiljata. U hekk jiġri lilna wkoll: biex immorru nħabbru l-Vanġelu, għandna bżonn l-ewwel li nħallu t-toqol tal-istorja tagħna f’riġlejn il-Mulej, ngħaddu lilu t-toqol tal-passat tagħna. Huma biss il-persuni rikonċiljati li jistgħu jwasslu l-Vanġelu.
Għeżież ħuti, ejjew ma nitilfux it-tama! Imqar jekk l-istorja tagħna tidhrilna tqila, ikkumplikata, forsi saħansitra rvinata, għandna dejjem il-possibbiltà li ngħadduha lil Alla u li nerġgħu nibdew il-mixja tagħna. Alla hu ħniena u dejjem qed jistenniena!
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard