|
IL-PAPA FRANĠISKU
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
MĦEJJIJA GĦALL-UDJENZA ĠENERALI TAS-26 TA’ FRAR 2025
L-Erbgħa 26 ta’ Frar 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. I. L-infanzja ta’ Ġesù. 7. “Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek” (Lq 2:30). Il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju
Għeżież ħuti,
Illum nikkontemplaw il-ġmiel ta’ “Ġesù Kristu t-tama tagħna” (1 Tim 1:1) fil-misteru tal-preżentazzjoni tiegħu fit-Tempju.
Fir-rakkonti tal-infanzja ta’ Ġesù, l-evanġelista Luqa jurina l-ubbidjenza ta’ Marija u Ġużeppi għal-Liġi tal-Mulej u għall-preskrizzjonijiet kollha tagħha. Fir-realtà, f’Iżrael ma kienx hemm l-obbligu li jippreżentaw it-tarbija fit-Tempju, imma min kien jgħix fis-smigħ tal-Kelma tal-Mulej u xtaq jitwaħħad magħha, din kien iqisha prassi prezzjuża. Hekk kienet għamlet Anna, omm il-profeta Samwel, li kienet sterili; Alla ta widen għat-talba tagħha u hi, malli kellha t-tifel, ħaditu t-Tempju u offrietu għal dejjem lill-Mulej (ara 1 Sam 1:24-28).
Għalhekk Luqa jirrakkonta l-ewwel att ta’ kult ta’ Ġesù, iċċelebrat fil-belt imqaddsa, Ġerusalemm, li kellha tkun id-destinazzjoni tal-ministeru itineranti tiegħu sa mill-mument li fih ħa d-deċiżjoni soda li jitla’ lejha (ara Lq 9:51), biex hekk resaq lejn il-milja tal-missjoni tiegħu.
Marija u Ġużeppi ma llimitawx ruħhom biss li jlaqqmu lil Ġesù fi storja ta’ familja, ta’ poplu, ta’ patt mal-Mulej Alla. Huma ħadu ħsieb jipproteġuh u jgħinuh jikber, u daħħluh fl-atmosfera tal-fidi u tal-kult. U huma stess kibru ftit ftit fl-għarfien ta’ vokazzjoni li kienet bil-wisq ikbar minnhom.
Fit-Tempju, li hu “dar tat-talb” (Lq 19:46), l-Ispirtu s-Santu jkellem lill-qalb ta’ raġel anzjan: Xmun, membru tal-poplu qaddis ta’ Alla mħejji għall-istennija u għat-tama, li kellu fih ix-xewqa tat-twettiq tal-wegħdiet magħmula minn Alla lil Iżrael permezz tal-profeti. Xmun fit-Tempju jħoss il-preżenza tal-Midluk tal-Mulej, jilmaħ id-dawl li jilma qalb il-popli mixħuta “fid-dlamijiet” (ara Iż 9:1), u jmur biex jiltaqa’ ma’ dik it-tarbija li, kif iħabbar Iżaija, “twelditilna”, hija l-iben li “ngħatalna”, il-“Prinċep tas-sliem” (Iż 9:5). Xmun jgħannaq lil dik it-tarbija li, ċkejkna u bla difiża, tistrieħ f’dirgħajh; imma huwa hu, fir-realtà, li meta jrossha miegħu, isib il-faraġ u l-milja tal-eżistenza tiegħu. Dan jesprimih f’kantiku mimli gratitudni mqanqla, li fil-Knisja sar it-talba ta’ tmiem kull ġurnata:
“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skont kelmtek,
għaliex għajnejja raw
is-salvazzjoni tiegħek
li int ħejjejt
għall-popli kollha,
dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2:29-32).
Xmun jgħanni l-ferħ ta’ min ra, ta’ min għaraf u jista’ jgħaddi lill-oħrajn il-laqgħa mal-Feddej ta’ Iżrael u tal-ġnus. Huwa xhud tal-fidi, li jirċievi b’don u jgħaddi lill-oħrajn; huwa xhud tat-tama li ma tqarraqx; huwa xhud tal-imħabba ta’ Alla, li timla l-qalb tal-bniedem bil-ferħ u bil-paċi. Mimli b’dan il-faraġ spiritwali, ix-xwejjaħ Xmun jara l-mewt mhux bħala t-tmiem, imma bħala t-twettiq, bħala l-milja, jistennieha bħala “oħtu” li ma teqridx imma tintroduċi għall-ħajja vera li hu diġà ggosta minn qabel u li fiha jemmen.
F’dak il-jum, Xmun mhuwiex l-uniku wieħed li jara s-salvazzjoni li tlaħħmet fit-tarbija Ġesù. L-istess jiġrilha wkoll Anna, mara ta’ iktar minn tmenin sena, armla, mogħtija kollha kemm hi għas-servizz tat-Tempju u kkonsagrata għat-talb. Fil-fatt, malli tara t-tarbija, Anna tiċċelebra lil Alla ta’ Iżrael, li proprju f’dak iċ-ċkejken feda l-poplu tiegħu, u dan tmur tirrakkontah lill-oħrajn, u hekk tqassam b’ġenerożità l-kelma profetika. Hekk l-għanja tal-fidwa ta’ żewġ anzjani tiftaħ beraħ it-tħabbira tal-Ġublew għall-poplu kollu u għad-dinja. Fit-Tempju ta’ Ġerusalemm terġa’ titkebbes it-tama fil-qlub għax fih daħal Kristu t-tama tagħna.
Għeżież ħuti, ejjew nixbhu aħna wkoll lil Xmun u Anna, dawn il-“pellegrini tat-tama” li għandhom għajnejn safja li kapaċi jaraw lil hemm mid-dehra ta’ barra, li jafu “jxommu” l-preżenza ta’ Alla fiċ-ċokon, li jafu jilqgħu bil-ferħ iż-żjara ta’ Alla u jkebbsu mill-ġdid it-tama fil-qalb tal-aħwa.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard