IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 26 ta’ Frar 2020

 

Katekeżi – Ir-Randan: nidħlu fid-deżert

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum, l-Erbgħa tar-Rmied, qed nibdew il-mixja tar-Randan, mixja ta’ erbgħin jum lejn l-Għid, lejn il-qalba tas-sena liturġika u tal-fidi. Hija mixja wara dik ta’ Ġesù, li fil-bidu tal-ministeru tiegħu warrab għalih waħdu għal erbgħin jum biex jitlob u jsum, imġarrab mix-xitan, fid-deżert. Huwa sewwasew fuq is-sinifikat spiritwali tad-deżert li nixtieq inkellimkom illum. Xi jfisser spiritwalment id-deżert għalina lkoll, anki għalina li qed ngħixu fil-belt, xi jfisser id-deżert.

 

Nistħajluna qegħdin f’deżert. L-ewwel sensazzjoni tkun dik li aħna mdawrin b’ħemda kbira: ebda storbju, barra l-ħoss tar-riħ u tan-nifs tagħna. Hekk hu, id-deżert huwa l-post tad-distakk mill-istorbju ta’ madwarna. Huwa n-nuqqas ta’ kliem biex nagħmlu wisa’ għal Kelma oħra, il-Kelma ta’ Alla, li bħal fewġa ħelwa żżiegħel lill-qalb tagħna (ara 1 Slat 19:12). Id-deżert huwa l-post tal-Kelma, bil-K kbira. Fil-fatt, fil-Bibbja l-Mulej jieħu gost ikellimna fid-deżert. Fid-deżert jagħti lil Mosè l-“għaxar kelmiet”, l-għaxar kmandamenti. U meta l-poplu jitbiegħed minnu, u jsir bħal għarusa li ma baqgħetx fidila lejh, Alla jgħid: “Għalhekk, araw, jiena se niġbidha, neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem. Hemmhekk hi twieġeb bħal fi żmien żgħożitha” (Hos 2:16-17). Fid-deżert nagħtu widen għall-Kelma ta’ Alla, li hi bħal ħoss ħafif. Il-Ktieb tas-Slaten jgħid li l-Kelma ta’ Alla hi bħal nifs ta’ skiet li jitkellem. Fid-deżert nerġgħu nsibu l-intimità tagħna ma’ Alla, l-imħabba tal-Mulej. Ġesù kien iħobb jinqata’ għalih waħdu ta’ kuljum fi mkejjen imwarrbin biex jitlob (ara Lq 5:16). Għallimna kif infittxu lill-Missier, li jkellimna fis-skiet. U mhux faċli nagħmlu s-skiet fil-qalb, għax aħna dejjem infittxu kif ħa nitkellmu mqar naqra, kif inkunu mal-oħrajn.

 

Ir-Randan huwa ż-żmien it-tajjeb biex nagħmlu wisa’ għall-Kelma ta’ Alla. Huwa ż-żmien li nitfu t-televixin u niftħu l-Bibbja. Huwa ż-żmien li nħallu l-mowbajl warajna u nintrabtu mal-Vanġelu. Meta kont għadni żgħir ma kienx hemm televiżjoni, imma kellna d-drawwa li ma nisimgħux radju. Ir-Randan hu deżert, huwa ż-żmien taċ-ċaħda, li fih ninqatgħu mill-mowbajl u nintrabtu mal-Vanġelu. Huwa ż-żmien li niċċaħħdu minn kliem vojt, paroli żejjed, diskors fuq l-oħrajn, seksik fieragħ, biex nitkellmu mal-Mulej. Huwa ż-żmien li niddedikaw ruħna għal ekoloġija tajba tal-qalb, u nnaddfu hemm ġew. Qed ngħixu f’ambjent imniġġes minn wisq vjolenza verbali, minn wisq kliem offensiv u li jweġġa’, li mbagħad l-internet jonfoħ ħafna iżjed. Illum inweġġgħu lil ħaddieħor qisna qed ngħidulu “Il-Jum it-tajjeb”. Tant aħna mgħaddsa fi kliem vojt, f’pubbliċità, f’messaġġi qarrieqa. Drajna nisimgħu kollox fuq kulħadd u nirriskjaw li niżolqu f’mondanità li tmewtilna qalbna u m’hemm ebda bypass biex infejquh dan, imma hemm biss is-skiet. Insibuha bi tqila nagħrfu leħen il-Mulej li qed ikellimna, leħen il-kuxjenza, leħen it-tajjeb. Ġesù, meta jsejħilna għad-deżert, qed jistedinna nagħtu widen għal dak li jiswa, għal dak li hu importanti, għall-essenzjal. Lix-xitan li ġarrbu, wieġbu: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4:4). Bħall-ħobż, iżjed mill-ħobż neħtieġu l-Kelma ta’ Alla, għandna bżonn nitkellmu ma’ Alla: għandna bżonn nitolbu. Għax quddiem Alla biss nistgħu naraw liema huma l-ġibdiet tal-qalb u jaqa’ kull wiċċ b’ieħor tar-ruħ. Dan hu d-deżert, post il-ħajja, mhux il-mewt, għax meta fis-skiet niddjalogaw mal-Mulej, dan iroddilna lura l-ħajja.

 

Ejjew nippruvaw naħsbu mill-ġdid fid-deżert. Id-deżert huwa l-post tal-essenzjal. Inħarsu ftit lejn ħajjitna: kemm ħwejjeġ bla bżonn aħna mdawrin bihom! Niġru wara elf ħaġa li jidhru meħtieġa u fir-realtà mhumiex. Kemm jagħmlilna ġid jekk ninħelsu minn tant ħwejjeġ tal-qoxra, biex niskopru mill-ġdid dak li jiswa, biex nerġgħu niskopru l-wiċċ ta’ min jinsab maġenbna! Imqar f’dan Ġesù jagħtina l-eżempju, meta jsum. Insumu jfisser nagħrfu niċċaħħdu mill-ħwejjeġ vojta, minn dak li hu tal-qoxra, biex immorru għall-essenzjal. Li nsumu ma jfissirx biss nagħmlu d-dieta biex nirqaqu, insumu jfisser immorru sewwasew għall-essenzjal, ifisser infittxu l-ġmiel ta’ ħajja iżjed sempliċi.

 

Fl-aħħar nett, id-deżert huwa l-post tas-solitudni. Illum ukoll, qrib tagħna, hawn kemm-il deżert. Huma l-persuni waħidhom u abbandunati. Kemm foqra u anzjani jinsabu qrib tagħna u jgħixu fis-skiet, mingħajr storbju, imwarrbin u mormija! Id-diskors dwarhom ma jiġbed ebda audience. Imma d-deżert jeħodna għandhom, għand dawk kollha li, imsikkta, fis-skiet qed jitolbu l-għajnuna tagħna. Tant ħarsiet siekta li qed jitolbu l-għajnuna tagħna. Il-mixja fid-deżert tar-Randan hija mixja ta’ karità ma’ min hu l-iżjed dgħajjef.

 

Talb, sawm, għemejjel ta’ ħniena: din hi t-triq fid-deżert tar-Randan.

 

Għeżiż ħuti, bil-leħen tal-profeta Iżaija, Alla għamlilna din il-wegħda: “Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida, se niftaħ triq fix-xagħri” (Iż 43:19). Fid-deżert tinfetaħ quddiemna triq li twassalna mill-mewt għall-ħajja. Nidħlu fid-deżert ma’ Ġesù, u noħorġu minnu bit-togħma tal-Għid, tal-qawwa tal-imħabba ta’ Alla li ġġedded il-ħajja. Jiġrilna bħal dawk id-deżerti li jħaddru fir-rebbiegħa, u ħabta u sabta, “mix-xejn”, iwarrdu ż-żahar u x-xtieli. Kuraġġ, ejjew nidħlu f’dan id-deżert tar-Randan, nimxu wara Ġesù fid-deżert: bih id-deżerti tagħna jistgħu jwarrdu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard