IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 25 ta’ Marzu 2020

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Ħamsa u għoxrin sena ilu, f’din l-istess data tal-25 ta’ Marzu, li fil-Knisja hija festa solenni tat-Tħabbira tal-Mulej, San Ġwanni Pawlu II ippromulga l-Enċiklika Evangelium vitæ, dwar il-valur u l-invjolabbiltà tal-ħajja umana.

 

Ir-rabta bejn it-Tħabbira u l-“Vanġelu tal-ħajja” hi stretta u qawwija, kif saħaq San Ġwanni Pawlu fl-Enċiklika tiegħu. Illum qed nerġgħu nfakkru f’dan it-tagħlim fil-kuntest ta’ pandemija li qed thedded il-ħajja tal-bnedmin u l-ekonomija tad-dinja. Sitwazzjoni li l-kelmiet li bihom tiftaħ l-Enċiklika tagħmilhom jinstemgħu iktar impenjattivi. Isimgħuhom: “L-Evanġelju tal-ħajja huwa fil-qalba tal-messaġġ ta’ Ġesù. Dan il-messaġġ li l-Knisja tilqgħu kuljum bi mħabba, irid jitħabbar b’fedeltà qalbiena bħala l-Bxara t-Tajba għall-bnedmin kollha ta’ kull żmien u ta’ kull kultura” (n. 1).

 

Bħal kull tħabbira evanġelika, anki din qabelxejn għandna nagħtu xhieda tagħha. U bi gratitudni bħalissa qed naħseb fix-xhieda siekta ta’ tant persuni li, b’diversi modi, qed jistinkaw fis-servizz tal-foqra, tal-anzjani, ta’ min hu waħdu u hu l-iktar fil-ħtieġa. Dawn qegħdin ipoġġu fil-prattika l-Vanġelu tal-ħajja, bħal Marija li, kif laqgħet it-tħabbira tal-anġlu, marret tgħin lil kuġintha Eliżabetta li kellha bżonnha.

 

Fil-fatt, il-ħajja li aħna msejħin nippromovu u niddefendu mhix xi kunċett astratt, imma tidher dejjem f’persuna tad-demm u l-laħam: tarbija li għadha kemm tnisslet, fqir li hu mwarrab, marid waħdu u qalbu maqtugħa jew fi stat terminali, xi ħadd li tilef ix-xogħol jew mhux jirnexxilu jsibu, migrant irrifjutat jew iżolat… Il-ħajja tidher b’mod konkret fil-persuni.

 

Illum kull bniedem hu msejjaħ minn Alla biex igawdi mill-milja tal-ħajja; u billi dan ġie fdat lill-għożża li għandha l-Knisja bħala omm, kull theddida għad-dinjità u għall-ħajja umana ma tistax ma ssibx rifless fil-qalb tagħha, fil-“ġewwieni” tagħha ta’ omm. Il-ħarsien tal-ħajja għall-Knisja mhuwiex ideoloġija, imma hu realtà, realtà umana li tinvolvi lill-Insara kollha, proprju għax huma Nsara u għax huma bnedmin.

 

L-attentati kontra d-dinjità u l-ħajja tal-persuni b’xorti ħażina qed ikomplu mqar f’din l-epoka tagħna, li hi l-epoka tad-drittijiet umani universali; anzi, qed insibu ruħna quddiem theddidiet ġodda u jasar ġdid, u l-liġijiet li jsiru mhux dejjem qegħdin hemm għall-ħarsien tal-ħajja umana l-iżjed dgħajfa u vulnerabbli.

 

Għalhekk il-messaġġ tal-Enċiklika Evangelium vitæ hu attwali iżjed minn qatt qabel. Lil hemm mill-emerġenzi, bħal dik li qed ngħixu bħalissa, irridu naġixxu fuq il-livell kulturali u edukattiv biex ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet li telgħin l-attitudni ta’ solidarjetà, ta’ għożża, ta’ akkoljenza, u nafu tajjeb li l-kultura tal-ħajja mhix xi wirt esklussiv tal-Insara, imma hi ta’ dawk kollha li, waqt li jħabirku għall-bini ta’ relazzjonijiet fraterni, jagħrfu l-valur li għandha kull persuna, imqar meta hi dgħajfa u qed tbati.

 

Għeżież ħuti, kull ħajja umana, unika u irripetibbli, tiswa fiha nfisha, għandha valur bla qies. Dan għandna nxandruh dejjem mill-ġdid, bil-kuraġġ tal-kelma u l-kuraġġ tal-għemil. Dan isejjaħ għas-solidarjetà u għall-imħabba fraterna għall-familja kbira tal-bnedmin u għal kull wieħed u waħda mill-membri tagħha.

 

Għalhekk, ma’ San Ġwanni Pawlu II, li kiteb din l-enċiklika, intenni b’qawwa u konvinzjoni mġedda s-sejħa li hu għamel lil kulħadd ħamsa u għoxrin sena ilu: “Irrispetta, iddefendi, ħobb u aqdi l-ħajja, kull ħajja umana! F’din it-triq biss issib il-ġustizzja, l-iżvilupp, il-ħelsien veru, is-sliem u l-hena!” (Enċiklika Evangelium vitæ, 5).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard