IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 24 ta’ Awwissu 2022

 

Katekeżi fuq ix-Xjuħija: 18. L-uġigħ tal-ħlas tal-ħolqien. L-istorja tal-ħlejqa bħala misteru ta’ tqala

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Ftit ilu ċċelebrajna t-Tlugħ fis-Sema tal-Omm ta’ Ġesù. Dan il-misteru jdawwal il-milja tal-grazzja li sawret id-destin ta’ Marija, u jdawwal ukoll id-destinazzjoni tagħna. Id-destinazzjoni hija s-Sema. B’din ix-xbieha tal-Verġni Mtellgħa s-Sema nixtieq nagħlaq iċ-ċiklu tal-katekeżijiet fuq ix-xjuħija. Fil-Punent nikkontemplawha merfugħa fil-għoli mdawra minn dawl glorjuż; fil-Lvant hi rraffigurata mimduda, rieqda, imdawra mill-Appostli miġbura fit-talb, waqt li l-Mulej Irxoxt qed iġorrha f’idejh bħal tarbija.

 

It-teoloġija dejjem irriflettiet fuq ir-rabta ta’ din l-“assuzjoni” singulari mal-mewt, li d-domma ma tiddefinixxix. Naħseb li jkun iktar importanti nespliċitaw ir-rabta ta’ dan il-misteru mal-qawmien tal-Iben, li għalina lkoll jiftaħ it-triq tat-tnissil għall-ħajja. Fl-għemil divin li fih Marija terġa’ tingħaqad ma’ Kristu Rxoxt ma nsibux sempliċiment xi ħaġa li tittraxxendi l-korruzzjoni normali tal-ġisem mill-mewt umana, mhux dan biss, imma nsibu antiċipata l-assunzjoni korporali għall-ħajja ta’ Alla. Fil-fatt għandna antiċipat id-destin tal-qawmien li jmiss lilna: għax, skont il-fidi Nisranija, l-Irxoxt hu l-ewwel wieħed fost ħafna aħwa. Kristu Rxoxt hu Dak li mar l-ewwel, l-ewwel wieħed li qam qabel kulħadd, imbagħad għad immorru aħna: dan hu d-destin tagħna: li nerġgħu nqumu.

 

Jekk nimxu mal-kelma ta’ Ġesù lil Nikodemu, nistgħu ngħidu li xi ftit jew wisq dan qisu twelid ġdid (ara Ġw 3:3-8). Jekk l-ewwel wieħed kien twelid fuq l-art, dan it-tieni wieħed hu t-twelid għas-Sema. Mhux ta’ b’xejn l-Appostlu Pawlu, fit-test li nqara fil-bidu, jitkellem fuq l-uġigħ tal-ħlas (ara Rum 8:22). Kif, malli nkunu ħriġna mill-ġuf ta’ ommna, nibqgħu dejjem aħna, l-istess essri uman li kien hemm fil-ġuf, hekk, wara l-mewt, nitwieldu għas-Sema, għall-ispazju ta’ Alla, u dejjem nibqgħu aħna li qabel konna mexjin fuq din l-art. Bl-istess xebh ma’ dak li għadda minnu Ġesù: l-Irxoxt dejjem jibqa’ Ġesù: ma jitlifx l-umanità tiegħu, dak li hu għex, u lanqas il-korporjetà tiegħu, le, għax mingħajrha ma kienx jibqa’ hu, ma kienx ikun Ġesù: jiġifieri, bl-umanità tiegħu, b’dak li huwa għex.

 

Dan tgħidhulna l-esperjenza tad-dixxipli, li lilhom huwa jidher għal erbgħin jum wara l-qawmien tiegħu. Il-Mulej jurihom il-pjagi li ssiġillaw is-sagrifiċċju tiegħu; imma dawn ma għadhomx iżjed il-kruhat tat-tbatija mistmerra li hu bata, imma issa saru l-prova li ma titħassarx tal-imħabba fidila tiegħu sal-aħħar. Kristu Rxoxt bil-ġisem tiegħu jgħix fl-intimità Trinitarja ta’ Alla! U fiha hu ma jitlifx il-memorja, ma jabbandunax l-istorja tiegħu, ma jħassarx ir-relazzjonijiet li għex fuq l-art. Lil ħbiebu wegħedhom: “U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Ġw 14:3). Hu mar biex iħejji l-post għalina lkoll u wara li jkun ħejjielna post, jerġa’ jiġi. Mhux biss sa jiġi fl-aħħar għal kulħadd, se jiġi kull darba għal kull wieħed u waħda minna. Jiġi jfittixna biex jeħodna għandu. F’dan is-sens il-mewt hija xi ftit jew wisq il-pass lejn il-laqgħa ma’ Ġesù li qed jistennieni biex jeħodni għandu.

 

L-Irxoxt jgħix fid-dinja ta’ Alla, fejn hemm post għal kulħadd, fejn tissawwar art ġdida u tinbena l-belt tas-Sema, għamara dejjiema tal-bniedem. Aħna ma nistgħux nimmaġinawha din it-trasfigurazzjoni tal-korporjetà tagħna ta’ din l-art, imma aħna żguri li hi ħa tħalli jintgħarfu l-uċuħ tagħna u se tħallina nibqgħu umani fis-Sema ta’ Alla. Se tħallina nipparteċipaw, b’emozzjoni sublimi, fl-abbundanza infinita u hienja tal-għemil ħallieq ta’ Alla, li tagħha għad ngħixu aħna stess l-avventuri bla tmiem.

 

Ġesù, meta jitkellem fuq is-Saltna ta’ Alla, ifissirha bħala festa ta’ tieġ, bħala festa mal-ħbieb, bħala x-xogħol li jagħmel id-dar perfetta: hija s-sorpriża li l-ħsad tagħmlu iktar għani miż-żrigħ. Jekk nieħdu bis-serjetà l-kliem tal-Vanġelu dwar is-Saltna, tikber is-sensibbiltà tagħna li ngawdu mill-imħabba ħabrieka u kreattiva ta’ Alla, u nidħlu f’sintonija mad-destinazzjoni tal-ħajja li qed niżirgħu, destinazzjoni li qatt ma deher bħalha qabel. Fix-xjuħija tagħna, għeżież koetanji, u qed inkellem lix-“xjuħ”, fix-xjuħija tagħna l-importanza ta’ tant “dettalji” li minnhom magħmula l-ħajja – żegħila, tbissima, ġest, ħidma apprezzata, sorpriża mhux mistennija, allegrija ospitabbli, rabta fidila – issir iżjed qawwija. L-essenzjal tal-ħajja, li aktar ma noqorbu lejn it-tluq tagħna aktar ngħożżuh, jidhrilna għalkollox ċar. Araw kif dan l-għerf tax-xjuħija huwa l-post tat-tqala tagħna, li jdawwal il-ħajja tat-tfal, taż-żgħażagħ, tal-adulti, u tal-komunità kollha. Aħna x-“xjuħ” jeħtieġ inkunu dan għall-oħrajn: dawl għall-oħrajn. Il-ħajja tagħna kollha tidher bħal żerriegħa li hemm bżonn tindifen taħt l-art biex titwieled il-fjura tagħha u l-frotta tagħha. Titwieled, flimkien mal-bqija kollu tad-dinja. Mhux mingħajr uġigħ tal-ħlas, mhux mingħajr tbatija, imma titwieled (ara Ġw 16:21-23). U l-ħajja tal-ġisem irxuxtat tkun mitt u elf darba iżjed ħajja minn kif doqnieha fuq din l-art (ara Mk 10:28-31).

 

Mhux ta’ b’xejn li Kristu Rxoxt, huwa u jistenna lill-Appostli fuq xatt l-għadira, jixwi l-ħut (ara Ġw 21:9) u mbagħad joffrihulhom. Dan il-ġest ta’ mħabba attenta jġagħalna nintebħu x’hemm jistenniena aħna u ngħaddu għax-xatt l-ieħor. Iva, ħuti, speċjalment intom l-anzjani, l-aħjar tal-ħajja għad irridu narawh. “Imma aħna xjuħ, iktar minn hekk x’nistgħu naraw?”. L-aħjar, għax l-aħjar tal-ħajja għad irridu narawh. Nittamaw f’din il-milja tal-ħajja li qed tistenniena lkoll, meta l-Mulej isejħilna. L-Omm tal-Mulej u Omm tagħna, li marret qabilna fil-Ġenna, troddilna din l-ansjetà tal-istennija, għax mhijiex stennija mejta, mhijiex stennija mxebbgħa, le, hija stennija bit-tregħid: “Meta ġej il-Mulej tiegħi? Meta nkun nista’ mmur hemm?”. Xi ftit tal-biża’ għax dan il-passaġġ ma nafx xi jfisser, u xi ftit tal-biża’ jkolli li se ngħaddi minn dak il-bieb, imma hemm dejjem l-id tal-Mulej li tmexxik ’il quddiem, u xħin tgħaddi mill-bieb se ssib il-festa. Attenti, intom għeżież “xjuħ”, koetanji, noqogħdu attenti, hu qed jistenniena, kemm ngħaddu u mbagħad tiġi l-festa.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard