-            Segwi l-filmat tal-Papa bl-awdjo bil-Malti ...

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 23 ta’ Marzu 2022

 

Katekeżi fuq ix-Xjuħija: 4. It-tluq u l-wirt: memorja u xhieda

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-Bibbja, qabel ir-rakkont tal-mewt tax-xwejjaħ Mosè għandna t-testment spiritwali tiegħu, imsejjaħ “Kantiku ta’ Mosè”. Dan il-Kantiku hu qabelxejn stqarrija mill-isbaħ ta’ fidi, u jgħid hekk: “Irrid inxandar isem il-Mulej; / faħħruh intom lil Alla tagħna. / Għax hu l-Blata tagħna; perfett għemilu; / u lkoll ġusti t-triqat tiegħu. / Alla ta’ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa” (Dewt 32:3-4). Imma hija wkoll memorja tal-istorja li għex ma’ Alla, tal-avventuri tal-poplu li ssawwar fuq il-fidi f’Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb. U għalhekk Mosè jfakkar ukoll l-imrar u d-delużjonijiet li kellu Alla nnifsu: il-fedeltà tiegħu kontinwament hi mġarrba mill-infedeltajiet tal-poplu tiegħu. Alla fidil u t-tweġiba ta’ poplu infidil: bħallikieku l-poplu ried iġarrab il-fedeltà ta’ Alla. U jibqa’ dejjem fidil, qrib tal-poplu tiegħu. Din hija sewwasew il-qalba tal-Kantiku ta’ Mosè: il-fedeltà ta’ Alla li sseħibna tul il-ħajja kollha tagħna.

 

Meta Mosè jlissen din l-istqarrija ta’ fidi hu jinsab fuq l-għatba tal-Art imwiegħda, u anki tat-tluq tiegħu minn din il-ħajja. Kellu 120 sena, jgħid ir-rakkont, imma “kien għadu ma ċċajparx dawl għajnejh, u anqas saħħtu ma rħietu” (Dewt 34:7). Dik il-ħila li jara, jara realment imma jara wkoll simbolikament, kif għandhom l-anzjani, li jafu jaraw l-affarijiet, it-tifsira l-aktar profonda tal-affarijiet. Il-vitalità tal-ħarsa tiegħu hija don prezzjuż: hekk jista’ jgħaddi l-wirt tal-esperjenza twila tal-ħajja u tal-fidi tiegħu, biċ-ċarezza meħtieġa. Mosè jara l-istorja u jgħaddi l-istorja; ix-xjuħ jaraw l-istorja u jgħaddu l-istorja.

 

Xjuħija li jkollha l-grazzja ta’ din iċ-ċarezza hija don prezzjuż għall-ġenerazzjoni li tiġi warajha. Is-smigħ personali u dirett tar-rakkont tal-istorja tal-fidi li wieħed ikun għex, bit-tlugħ u l-inżul tagħha, xejn ma jeħodlu postu. Hu kemm hu utli li wieħed jaqraha fuq il-kotba, jaraha fil-films, jikkonsultaha fuq l-internet, din qatt mhi l-istess ħaġa. Din it-trasmissjoni – li hija t-tradizzjoni vera u proprja, it-trasmissjoni konkreta tax-xiħ liż-żagħżugħ! – din it-trasmissjoni hi nieqsa ħafna llum, u qed issir dejjem iżjed hekk għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Għaliex? Għax din iċ-ċiviltà ġdida għandha l-idea li x-xjuħ huma materjal tajjeb biss għar-rimi, ix-xjuħ għandhom jiġu mormija. Din hi brutalità! Le, m’għandux ikun hekk. Ir-rakkont dirett, minn persuna għall-oħra, għandu toni u modi ta’ komunikazzjoni li ebda mezz ieħor ma jista’ jeħdilhom posthom. Xiħ li għex fit-tul, u jikseb id-don ta’ xhieda ċara u appassjonata tal-istorja tiegħu, huwa barka li xejn ma jista’ jeħdilha postha. Aħna kapaċi nagħrfu u nweġġħu dan id-don tax-xjuħ? It-trasmissjoni tal-fidi – u tas-sens tal-ħajja – illum qiegħda tfittex din it-triq ta’ smigħ tax-xjuħ? Jien nista’ nagħti xhieda personali ta’ dan. Il-mibegħda u r-rabja għall-gwerra jien tgħallimthom min-nannu tiegħi li kien iġġieled fil-Piave fl-1914: hu għaddieli din ir-rabja għall-gwerra. Għax kien jirrakkontali t-tbatijiet tal-gwerra. U dan mhux ħa titgħallmu mill-kotba u bl-ebda mod ieħor, imma hekk titgħallmu, billi n-nanniet jgħadduh lin-neputijiet. U dan xejn ma jeħodlu postu. It-trasmissjoni tal-esperjenza tal-ħajja min-nanniet għan-neputijiet. Illum dan b’xorti ħażina mhuwiex hekk u n-nanniet naħsbu fihom bħallikieku kienu materjal għall-iskart: le! Huma l-memorja ħajja ta’ poplu, u ż-żgħażagħ u t-tfal għandhom jisimgħu lin-nanniet.

 

Fil-kultura tagħna, hekk “politikament korretta”, din it-triq bħal tidher imxekkla b’ħafna modi: fil-familja, fis-soċjetà, fl-istess komunità Nisranija. Xi ħadd qed jipproponi saħansitra li nneħħu t-tagħlim tal-istorja, għax jarawha bħala informazzjoni żejda dwar dinjiet li m’għadhomx attwali, li qed tnaqqas mir-riżorsi għall-għarfien tal-preżent. Għax bħal dak li qallu, aħna twelidna lbieraħ!

 

It-trasmissjoni tal-fidi, min-naħa l-oħra, spiss hi nieqsa mill-passjoni proprja ta’ “storja li ngħexet”. Nittrasmettu l-fidi ma jfissirx ngħidu l-affarijiet “bla-bla-bla”. Ifisser ngħidu l-esperjenza tal-fidi. U allura diffiċilment nistgħu nħajru lil min jagħżel l-imħabba għal dejjem, il-fedeltà għall-kelma li jkun ta, il-perseveranza fid-dedikazzjoni, il-ħniena għall-uċuħ miġruħa u mżebilħa! Iva, l-istejjer tal-ħajja għandhom jinbidlu f’xhieda, u x-xhieda għandha tkun leali. Żgur li mhix leali l-ideoloġija li tgħawweġ l-istorja skont l-iskemi tagħha; mhijiex leali l-propaganda, li taddatta l-istorja għall-promozzjoni tal-grupp tagħha; mhux leali nagħmlu mill-istorja tribunal li fih nikkundannaw il-passat kollu u niskuraġġixxu kull xorta ta’ futur. Li nkunu leali jfisser nirrakkontaw l-istorja kif inhi, u jista’ biss jirrakkuntaha min għexha. Għalhekk hu importanti ħafna nisimgħu lix-xjuħ, nisimgħu lin-nanniet, hu importanti li t-tfal jiddjalogaw magħhom.

 

Il-Vanġeli nfushom jirrakkontaw b’mod onest l-istorja mbierka minn Ġesù mingħajr ma jaħbu l-iżbalji, in-nuqqas ta’ ftehim u saħansitra t-tradimenti tad-dixxipli. Din hija l-istorja, hija l-verità, din hija xhieda. Dan huwa d-don tal-memorja li l-“anzjani” tal-Knisja ttrasmettew, sa mill-bidu, billi għaddewha “min id għal oħra” lill-ġenerazzjoni ta’ warajhom. Nagħmlu sew nistaqsu: kemm qed nagħtu valur lil dan il-mod ta’ trasmissjoni tal-fidi, fil-passaġġ tax-xhieda mill-anzjani tal-komunità għaż-żgħażagħ li jinfetħu għall-futur? U hawn tiġini f’moħħi ħaġa li għidt ħafna drabi, imma rrid intenniha. Kif ngħadduha l-fidi? “Aħ, hawn dan il-ktieb, ħa, studjah”: le. Ma nistgħux ngħadduha hekk il-fidi. Il-fidi ngħadduha bid-djalett, jiġifieri bid-diskors kif ngħiduh fil-familja, bejn nanniet u neputijiet, bejn ġenituri u neputijiet. Il-fidi ngħadduha dejjem bid-djalett, b’dak id-djalett familjari u esperjenzali li nitgħallmuh mas-snin. Għalhekk hu importanti ħafna d-djalogu f’familja, id-djalogu tat-tfal man-nanniet li huma dawk li għandhom l-għerf tal-fidi.

 

Xi kultant jiġrili li noqgħod nirrifletti fuq din l-anomalija. Il-katekiżmu tal-bidu tal-ħajja Nisranija b’mod ġeneruż ħafna llum jixrob mill-Kelma ta’ Alla u jittrasmetti tagħrif mirqum sew fuq id-dommi, fuq il-morali tal-fidi u fuq is-sagramenti. Imma spiss jonqos l-għarfien tal-Knisja li titwieled mis-smigħ u mix-xhieda tal-istorja reali tal-fidi u tal-ħajja tal-komunità ekkleżjali, mill-bidu sa żmienna. Minn ċkunitna nitgħallmu l-Kelma ta’ Alla fil-klassijiet tal-katekiżmu; imma l-Knisja “nitgħallmuha”, minn żgħożitna, fil-klassijiet tal-iskola u fil-midja tal-informazzjoni globali.

 

Ir-rakkont tal-istorja tal-fidi għandu jkun bħall-Kantiku ta’ Mosè, bħax-xhieda tal-Vanġeli u tal-Atti tal-Appostli. Jiġifieri, storja li kapaċi tevoka mill-ġdid b’mod imqanqal il-barkiet ta’ Alla u b’lealtà n-nuqqasijiet tagħna. Tkun ħaġa sabiħa kieku, sa mill-bidu, fil-mixjiet ta’ katekeżi jkun hemm anki d-drawwa li nisimgħu, mill-esperjenza li għexu l-anzjani, l-istqarrija ċara tal-barkiet li huma rċevew mingħand Alla, li jeħtieġ inħarsuhom, u x-xhieda leali tal-infedeltajiet tagħna, li jeħtieġ insewwu u nikkoreġu. L-anzjani jidħlu fl-Art imwiegħda, li Alla jixtieq għal kull nisel, meta joffru liż-żgħażagħ l-inizjazzjoni sabiħa tax-xhieda tagħhom u jgħaddu l-istorja tal-fidi, il-fidi fid-djalett, dak id-djalett tal-familja, dak id-djalett li jgħaddi mix-xjuħ għal għand iż-żgħażagħ. Allura, immexxija mill-Mulej Ġesù, anzjani u żgħażagħ jidħlu flimkien fis-Saltna tiegħu ta’ ħajja u mħabba. Imma lkoll flimkien. Ilkoll fil-familja, b’dan it-teżor kbir li hija l-fidi trasmessa bid-djalett.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard