IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 21 ta’ Ottubru 2020

 

Katekeżi: 11. It-talba tas-Salmi. 2

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum, minħabba l-Coronavirus, ikollna nibdlu ftit il-mod kif nagħmlu din l-udjenza. Intom hemm, anki bil-protezzjoni tal-maskla, u jien hawn xi ftit imbiegħed u ma nistax nagħmel dak li nagħmel dejjem, nersaq qrib tagħkom, għax jiġri li kull darba li nersaq, intom tiffullaw kollha flimkien u tintilef id-distanza u hemm il-periklu tal-kuntaġġ għalikom. Jiddispjaċini li jkolli nagħmel hekk, imma dan għas-sigurtà tagħkom. Flok ma niġi qrib tagħkom u neħdilkom b’idejkom u nsellmilkom, insellmu lil xulxin mill-bogħod, imma kunu afu li jiena qrib tagħkom b’qalbi. Nittama li intom tifhmu għaliex qed nagħmel dan. Imbagħad, waqt li l-letturi kienu qed jaqraw is-silta mill-Bibbja, ġibditli l-attenzjoni dik it-tarbija tibki. U rajt lill-omm iżżiegħel biha u tradda’ lit-tarbija u ħsibt: “Hekk jagħmel Alla magħna, bħal dik l-omm”. B’liema ħlewwa rat li ċċaqlaq lit-tarbija, treddagħha. Huma xbihat mill-isbaħ. U meta jiġri dan fil-knisja, meta tibki tarbija, nafu li hemmhekk hemm il-ħlewwa ta’ omm, bħal-lum, hemm il-ħlewwa ta’ omm li hija s-simbolu tal-ħlewwa ta’ Alla magħna. Qatt taraw kif ħa ssikktuha tarbija tibki fil-knisja, qatt, għax hija l-leħen li jiġbed il-ħlewwa ta’ Alla. Grazzi tax-xhieda tiegħek.

 

Inkomplu llum il-katekeżi fuq it-talba tas-Salmi. Qabelxejn ninnutaw li fis-Salmi spiss tidher figura negattiva, dik tal-“ħażin”, jiġifieri dak jew dik li jgħixu bħallikieku Alla ma kienx jeżisti. Hija l-persuna li mhix miftuħa għat-traxxendent, li m’hemmx waqfien għall-arroganza tagħha, li ma tibżax mill-ġudizzji fuq kif taħsibha u x’tagħmel.

 

Għalhekk is-Salterju jippreżenta t-talb bħala r-realtà fundamentali tal-ħajja. Ir-riferiment għall-assolut u għat-traxxendenti – li l-imgħallmin tal-axxetika jsejħulu l-“biża’ qaddis ta’ Alla” – huwa dak li jagħmilna tassew bnedmin, huwa l-limitu li jsalvana minna nfusna, u jżommna milli din il-ħajja naħbtu għaliha bħallikieku kienet priża u naħtfuha. It-talb hu s-salvazzjoni tal-bniedem.

 

Bla dubju, jeżisti wkoll it-talb fażull, talb li nagħmluh biss biex jammirawna l-oħrajn. Dak jew dawk li jmorru l-quddiesa biss biex jidhru li huma Kattoliċi jew biex iperrċu l-aħħar mudell li akkwistaw, jew biex jaqtgħu figura tajba soċjalment. Dak hu talb fażull. Ġesù wissa bil-qawwa dwar dan (ara Mt 6:5-6; Lq 9:14). Imma meta l-ispirtu veru tat-talb hu milqugħ b’sinċerità u jinżel fil-qalb, allura dan jgħinna nikkontemplaw ir-realtà bl-istess għajnejn ta’ Alla.

 

Meta nitolbu, kollox jikseb “sustanza”. Dan hu kurjuż fit-talb, forsi nibdew b’xi ħaġa sottili imma fit-talb dik il-ħaġa tikseb sustanza, tikseb piż, bħallikieku Alla ħadha f’idejh u bidilha. L-agħar servizz li nistgħu nagħtu, lil Alla u anki lill-bniedem, hu li nitolbu b’telqa, għax hekk drajna. Nitolbu bħal pappagalli. Le, għandna nitolbu minn qalbna. It-talb huwa ċ-ċentru tal-ħajja. Jekk hemm it-talb, anki ħuna, oħtna, anki l-għadu, isir importanti. Hemm qawl qadim tal-ewwel irħieb Insara li jgħid hekk: “Hieni r-raħeb li, wara Alla, iqis lill-bnedmin kollha bħal Alla” (Evagrio Pontico, Trattat fuq it-talb, n. 123). Min iqim lil Alla, iħobb lil uliedu. Min jirrispetta lil Alla, jirrispetta lill-bnedmin.

 

Għalhekk it-talb mhuwiex xi kalmant biex innaqqsu l-ansjetà tal-ħajja; għax inkella, talba ta’ dan it-tip żgur mhix Nisranija. Pjuttost it-talb jirresponsabbilizza lil kull wieħed u waħda minna. Dan narawh ċar fil-“Missierna”, li Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu.

 

Biex nitgħallmu dan il-mod ta’ talb, is-Salterju hu skola kbira. Rajna kif is-salmi jużaw dejjem kliem raffinat u ġentili, u spiss għandhom fihom il-marki tal-ħajja. Imma, dawn it-talbiet kollha ntużaw l-ewwel fit-Tempju ta’ Ġerusalemm u mbagħad fis-sinagogi; anki dawk l-iżjed intimi u personali. Hekk jesprimi l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Il-ħafna suriet ta’ talb fis-Salmi jieħdu s-sura tagħhom kemm mil-liturġija tat-Tempju u kemm f’qalb il-bniedem” (n. 2588). U hekk it-talb personali jixrob u jissaħħaħ minn dak tal-poplu ta’ Iżrael, l-ewwel, u minn dak tal-poplu tal-Knisja, imbagħad.

 

Anki s-salmi fl-ewwel persuna singular, li jaqsmu l-ħsibijiet u l-problemi l-aktar intimi ta’ individwu, huma wirt kollettiv, hekk li jużahom biex jitlob bihom kulħadd u għal kulħadd. It-talba tal-Insara għandha dan in-“nifs”, din it-“tensjoni” spiritwali li żżomm flimkien it-tempju u d-dinja. It-talb jista’ jibda għad-dell ta’ navata, imma mbagħad jagħlaq il-ġirja tiegħu fit-toroq tal-belt. U bil-maqlub, jista’ jinbet matul il-ħidmiet ta’ kuljum u jsib il-milja tiegħu fil-liturġija. Il-bibien tal-knejjes mhumiex ħitan, imma “membrana” li tista’ tgħaddi minnha, lesti biex jilqgħu l-karba ta’ kulħadd.

 

Fit-talba tas-Salterju d-dinja hi dejjem preżenti. Is-salmi, ngħidu aħna, ileħħnu l-wegħda divina ta’ salvazzjoni tal-iżjed dgħajfa: “Minħabba t-tgħakkis tal-fqajrin u l-krib tal-imsejknin, jien issa se nqum – jgħid il-Mulej, – inqum biex neħilsu, kif hu jixtieq” (12:6); Jew iwissu fuq il-periklu tal-ġid tad-dinja, għax “il-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, qisu bħall-bhejjem li jintemmu” (49:21). Jew, għal darb’oħra, jiftħu x-xefaq għall-ħarsa ta’ Alla fuq l-istorja: “Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus, ifixkel il-ħsibijiet tal-popli. Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem, minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu” (33:10-11).

 

F’kelma waħda, fejn hemm Alla, għandu jkun hemm ukoll il-bniedem. L-Iskrittura Mqaddsa hi kategorika: “Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel”. Hu jistenniena dejjem għax iħobbna hu l-ewwel, iħares lejna hu l-ewwel, jifhimna hu l-ewwel. Hu jistenniena dejjem. “Jekk xi ħadd jgħid: ‘Jiena nħobb ’l Alla’, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?”. Jekk int titlob tant rużarji fil-ġurnata imma mbagħad tqassas fuq l-oħrajn, u mbagħad għandek fik ir-rabja, għandek il-mibegħda għall-oħrajn, din kollha farsa, mhix verità. “Dan hu l-kmandament li tana hu: li min iħobb ’l Alla, iħobb ukoll lil ħuh” (1 Ġw 4:19-20). L-Iskrittura tammetti l-każ ta’ persuna li, imqar jekk tfittex lil Alla sinċerament, qatt ma jirnexxielha tiltaqa’ miegħu; imma tafferma wkoll li ma nistgħu qatt niċħdu d-dmugħ tal-foqra, imqar jekk ma ltqajniex ma’ Alla. Alla ma jġerraħx l-“ateiżmu” ta’ min jiċħad ix-xbieha divina li hemm magħġuna f’kull bniedem. Dak l-ateiżmu ta’ kuljum: jiena nemmen f’Alla imma nżomm bogħod mill-oħrajn u nasal biex nobgħod lill-oħrajn. Dan hu ateiżmu prattiku. Li ma tagħrafx il-persuna umana bħala xbieha ta’ Alla hu sakrileġġ, hu abominju, hu l-agħar offiża li tista’ tagħmel lit-tempju u lill-altar.

 

Għeżież ħuti, it-talb ta-salmi jgħinna ma naqgħux fit-tentazzjoni tal-“ħażen”, jiġifieri li ngħixu, u forsi anki li nitolbu, bħallikieku Alla ma kienx jeżisti, u bħallikieku l-foqra ma kinux jeżistu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard