IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 18 ta’ Novembru 2020

 

Katekeżi fuq it-talb – 15. Il-Verġni Marija, mara li titlob

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-mixja tagħna tal-katekeżi fuq it-talb, niltaqgħu llum mal-Verġni Marija, bħala mara li titlob. Il-Madonna kienet titlob. Meta d-dinja kienet għadha ma tafx biha, meta kienet sempliċi tfajla mwiegħda fl-għerusija lil raġel mid-dar ta’ David, Marija kienet titlob. Nistgħu nistħajluha lil din ix-xebba ta’ Nazaret miġbura fis-skiet, fi djalogu kontinwu ma’ Alla, li ma kellux idum ma jafdalha l-missjoni tagħha. Hi kienet diġà mimlija bil-grazzja u bla tebgħa sa mit-tnissil, imma kienet għadha ma taf b’xejn fuq il-vokazzjoni sorprendenti u straordinarja tagħha u bil-baħar imqalleb li kellha taqsam. Ħaġa waħda kienet ċerta: Marija kienet tagħmel parti mill-ġemgħa kbira ta’ dawk ta’ qalb umli li l-istoriċi uffiċjali ma jdaħħluhomx fil-kotba tagħhom, imma li permezz tagħhom Alla ħejja l-miġja ta’ Ibnu.

 

Marija ma tmexxix ħajjitha waħidha: tistenna lil Alla jieħu f’idejh ir-riedni tal-mixja tagħha u jmexxiha lejn fejn irid hu. Hi doċli, u b’din id-disponibbiltà tagħha tħejji għall-ġrajjiet kbar li bihom Alla jidħol fid-dinja. Il-Katekiżmu jfakkarna fil-preżenza kostanti u attenta tagħha fil-pjan ta’ ġid tal-Missier u tul il-mixja tal-ħajja ta’ Ġesù (ara KKK, 2617-2618).

 

Lil Marija jsibha titlob l-arkanġlu Gabrijel meta jiġi jwasslilha l-aħbar f’Nazaret. L-“Hawn jien” tagħha, ċkejkna u immensa, li f’dak il-mument il-ħolqien kollu jaqbeż bil-ferħ għaliha, fl-istorja tas-salvazzjoni kellha ħafna “hawn jien” oħra qabilha, ħafna ubbidjenzi fiduċjużi, ħafna disponibbiltà għar-rieda ta’ Alla. M’hemmx mod aħjar kif nitolbu milli, bħal Marija, noqogħdu f’atteġġjament ta’ smigħ, ta’ qalb miftuħa għal Alla: “Mulej, dak li trid int, meta trid int, u kif trid int”. Jiġifieri, il-qalb miftuħa għar-rieda ta’ Alla. U Alla dejjm iwieġeb. Kemm nies ta’ fidi jgħixu hekk it-talb tagħhom! Dawk li huma l-iżjed ta’ qalb umli, jitolbu hekk: bl-umiltà essenzjali, ħa ngħidu hekk; bl-umiltà sempliċi: “Mulej, dak li trid int, meta trid int, u kif trid int”. U dawn hekk jitolbu, ma jitnaffrux għax il-ġranet huma mimlija problemi, imma jilqgħu r-realtà u jafu li fl-imħabba umli, fl-imħabba offruta f’kull sitwazzjoni, aħna nsiru strumenti tal-grazzja ta’ Alla. Mulej, dak li trid int, meta tridu int, u kif tridu int. Talba sempliċi, imma hekk inkunu nqiegħdu ħajjitna f’idejn il-Mulej: ħa jkun hu li jmexxina. Ilkoll nistgħu nitolbu hekk, kważi mingħajr kliem.

 

It-talb jaf tikkwieta t-tħassib żejjed: imma aħna m’għandniex kwiet, dejjem irridu l-affarijiet qabel ma nitolbuhom u rriduhom minnufih. Dan it-tħassib ħsara jagħmlilna, u t-talb jaf jikkwieta t-tħassib żejjed, jaf jibdlu f’disponibbiltà. Meta nkun inkwetat, jien nitlob u t-talba tiegħi tiftaħli qalbi u tagħmilni disponibbli għar-rieda ta’ Alla. Il-Verġni Marija, f’dawk il-ftit waqtiet tat-Tħabbira, għarfet tkeċċi l-biża’, imqar jekk setgħet tobsor li l-“iva” tagħha kienet sa ġġibilha provi ibsin ħafna. Jekk fit-talb nifhmu li kull ġurnata mogħtija lilna minn Alla hi sejħa, allura nwessgħu qalbna u nilqgħu kollox. Nitgħallmu ngħidu: “Dak li trid int, Mulej. Wegħedni biss li se tkun preżenti f’kull pass tal-mixja tiegħi”. Dan hu l-importanti: li nitolbu lill-Mulej il-preżenza tiegħu f’kull pass tal-mixja tagħna: li ma jitlaqniex waħidna, li ma jabbandunaniex fit-tentazzjoni, li ma jabbandunaniex fil-mumenti koroh. Dak l-għeluq tal-Missierna huwa hekk: il-grazzja li Ġesù nnifsu għallimna nitolbu lill-Mulej.

 

Marija ssieħeb fit-talb il-ħajja kollha ta’ Ġesù, sal-mewt u l-qawmien; u fl-aħħar tkompli, u ssieħeb l-ewwel passi tal-Knisja li kienet għadha titwieled (ara Atti 1:14). Marija titlob mad-dixxipli li daqu l-iskandlu tas-salib. Titlob ma’ Pietru, li ċeda għall-biża’ u beka bir-rimors. Marija tinsab hemm, mad-dixxipli, f’nofs l-irġiel u n-nisa li Binha sejħilhom biex isawru l-Komunità tiegħu. Marija f’nofshom ma tagħmilhiex ta’ saċerdot, le! Hija l-Omm ta’ Ġesù li titlob magħhom, fil-komunità, bħal waħda mill-komunità. Titlob magħhom u titlob għalihom. U, mill-ġdid, it-talba tagħha tħejji għall-futur li se jseħħ: bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu saret Omm Alla, u bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu issa ssir Omm il-Knisja. Hija u titlob mal-Knisja fit-twelid tagħha hija ssir Omm il-Knisja, issieħeb lid-dixxipli fl-ewwel passi tal-Knisja fit-talb, hija u tistenna lill-Ispirtu s-Santu. Fis-skiet, dejjem fis-skiet. It-talba ta’ Marija hi ħiemda. Il-Vanġelu jirrakkontalna biss talba ta’ Marija: f’Kana, meta titlob lil Binha, għal dawk l-imsejkna, li kienu ħa jaqgħu għaċ-ċajt fil-festa. Nimmaġinaw ftit: tagħmel festa ta’ tieġ u tispiċċaha bil-ħalib għax m’għadx fadal inbid! X’regħxa! U hi, titlob lil Binha jsolvi dik il-problema. Il-preżenza ta’ Marija hija fiha nfisha talba, u l-preżenza tagħha qalb id-dixxipli fiċ-Ċenaklu, fl-istennija tal-Ispirtu s-Santu, hi fit-talb. Hekk Marija tiled lill-Knisja, hija Omm il-Knisja. Il-Katekiżmu jfissrilna: “Fil-fidi tal-qaddejja umli ta’ Alla, id-Don ta’ Alla – jiġifieri l-Ispirtu s-Santu – jiġi milqugħ kif kien mistenni sa mill-bidu taż-żminijiet” (KKK, 2617).

 

Fil-Verġni Marija, l-intuwizzjoni naturali femminili tiġi mgħollija mill-għaqda l-aktar singulari tagħha ma’ Alla fit-talb. Għalhekk, meta naqraw il-Vanġelu, ninnutaw li hi xi drabi donnha tgħib mix-xena, biex imbagħad terġa’ titfaċċa fil-mumenti kruċjali: Marija hi miftuħa għal-leħen ta’ Alla li jmexxi lil qalbha, li jmexxi l-passi tagħha hemm fejn hemm bżonn tal-preżenza tagħha. Preżenza siekta ta’ omm u ta’ dixxiplu. Marija hi preżenti għax hija Omm, imma hi wkoll preżenti għax hi l-ewwel dixxiplu, dik li tgħallmet l-aħjar il-ħwejjeġ ta’ Ġesù. Marija qatt ma tgħid: “Ejjew, ħa nsolvilkom l-affarijiet jien”. Imma tgħid: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”, dejjem turina b’subagħha lil Ġesù. Dan l-atteġġjament hu tipiku tad-dixxiplu, u hi l-ewwel dixxiplu: titlob bħala Omm u titlob bħala dixxiplu.

 

“Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19). Dan hu r-ritratt li jagħtina l-evanġelista Luqa ta’ Omm il-Mulej fil-Vanġelu tat-tfulija. Dak kollu li tgħaddi minnu jispiċċa biex ikollu rifless qawwi fil-fond tal-qalbha: il-jiem mimlija ferħ, u l-mumenti l-iżjed mudlama, meta mqar hi tbati biex tifhem minn liema toroq ikollha tgħaddi l-Fidwa. Kollox isib postu f’qalbha, għax jgħaddi mill-għarbiel tat-talb u minnu jiġi mibdul. Sew jekk huma r-rigali tal-Maġi, jew il-ħarba lejn l-Eġittu, sa dak il-jum qalil tal-Ġimgħa tal-Passjoni: l-Omm kollox tgħożż f’qalbha u ġġorru fid-djalogu tagħha ma’ Alla. Xi ħadd qabbel il-qalb ta’ Marija ma’ perla ta’ ġmiel bla tarf, imsawra u llustrata mill-aċċettazzjoni kollha sabar tar-rieda ta’ Alla fil-misteri ta’ Ġesù mmeditati fit-talb. Kemm ikun sabiħ li aħna wkoll nistgħu nixbhu xi ftit lill-Omm tagħna! B’qalbna miftuħa għall-Kelma ta’ Alla, bil-qalb siekta, bil-qalb ubbidjenti, bil-qalb li taf tilqa’ l-Kelma ta’ Alla u tħalliha tikber bħal żerriegħa tal-ġid tal-Knisja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard