IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 18 ta’ Marzu 2020

 

Katekeżi fuq il-Beatitudnijiet: 6. Henjin dawk li jħennu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum se nieqfu fuq il-ħames beatitudni, li tgħid: “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mt 5:7). F’din il-beatitudni hemm ħaġa partikulari: hi l-unika waħda fejn il-kawża u l-frott tal-hena jiltaqgħu, il-ħniena. Dawk li juru ħniena jsibu ħniena, issir ħniena magħhom.

 

Din it-tema tar-reċiproċità tal-maħfra ma nsibuhiex biss f’din il-beatitudni, imma tidher spiss fil-Vanġelu. U kif jista’ jkun xort’oħra? Il-ħniena hija l-istess qalb ta’ Alla! Ġesù jgħid: “Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra” (Lq 6:37). Dejjem l-istess reċiproċità. U l-Ittra ta’ Ġakbu tistqarr li “l-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq” (2:13).

 

Imma huwa fuq kollox fil-Missierna li aħna nitolbu: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12); u din it-talba hija l-unika waħda li Ġesù jerġa’ jdur għaliha fl-aħħar: “Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom” (Mt 6:14-15; ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2838).

 

Hemm żewġ affarijiet li ma nistgħux nifirdu minn xulxin: il-maħfra li nagħtu u l-maħfra li nirċievu. Imma tant persuni jsibuha bi tqila, ma jirnexxilhomx jaħfru. Kemm drabi l-ħażen li nġarrbu jkun hekk kbir li biex naħfru donna qed nixxabbtu ma’ muntanja għolja ħafna: sforz enormi; u wieħed jaħseb: ma jistax ikun, din ma niflaħx nagħmilha. Dan il-fatt tar-reċiproċità tal-ħniena jindika li għandna bżonn naqilbu l-perspettiva ta’ taħt fuq. Waħidna ma nistgħux naslu, għandna bżonn tal-grazzja ta’ Alla, jeħtieġ nitolbuhielu. Fil-fatt, jekk il-ħames beatitudni twegħedna li se nsibu ħniena u fil-Missierna nitolbu l-maħfra ta’ dnubietna, dan ifisser li aħna essenzjalment midjuna u għandna bżonn insibu l-ħniena!

 

Ilkoll aħna midjuna. Ilkoll. Lejn Alla, li hu tant ġeneruż, u lejn ħutna. Kull persuna taf li mhix il-missier jew l-omm li suppost tkun, ir-raġel miżżewweġ jew il-mara miżżewġa, il-ħu jew l-oħt li suppost tkun. Ilkoll ninsabu “f’defiċit”, fil-ħajja. U għandna bżonn tal-ħniena. Nafu li aħna wkoll għamilna l-ħażin, dejjem tonqos xi ħaġa mill-ġid li messna għamilna.

 

Imma proprju dan il-faqar tagħna jinbidel fil-qawwa biex naħfru! Aħna midjuna, u jekk, kif smajna fil-bidu, se jitkejjel lilna skont kif inkejlu lill-oħrajn (ara Lq 6:38), allura jaqblilna nwessgħu l-kejl tagħna u naħfru lil min hu ħati għalina, naħfru. Kulħadd irid jiftakar li għandu bżonn jaħfer, li għandu bżonn tal-maħfra, li għandu bżonn tas-sabar; dan hu s-sigriet tal-ħniena: meta naħfru niġu maħfura. Għalhekk Alla jimxi qabilna u jaħfrilna hu l-ewwel (ara Rum 5:8). Meta nirċievu l-maħfra tiegħu, insiru kapaċi li aħna wkoll naħfru lil oħrajn. Hekk il-miżerja tagħna u n-nuqqas ta’ ġustizzja tagħna jsiru okkażjoni biex niftħu qalbna għas-Saltna tas-smewwiet, għal kejl ikbar, il-kejl ta’ Alla, li huwa ħniena.

 

Mnejn titwieled il-ħniena tagħna? Ġesù qalilna: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36). Iktar ma wieħed jilqa’ l-imħabba tal-Missier, iktar iħobb (ara KKK, 2842). Il-ħniena mhijiex dimensjoni fost oħrajn, imma hija l-qalba tal-ħajja Nisranija: m’hemmx Kristjaneżmu mingħajr ħniena.[1] Jekk il-Kristjaneżmu kollu tagħna ma jwassalniex biex inħennu, ifisser li żbaljajna t-triq, għax il-ħniena hija l-unika vera destinazzjoni ta’ kull mixja spiritwali. Hija waħda mill-isbaħ frott tal-imħabba (ara KKK, 1829).

 

Infakkar li din it-tema ntgħażlet sa mill-ewwel Angelus li għamilt bħala Papa: il-ħniena. U din baqgħet ħafna mmarkata fija, bħala messaġġ li bħala Papa jien ridt nibqa’ nwassal dejjem, messaġġ li għandu jkun ta’ kuljum: il-ħniena. Niftakar li dakinhar kelli wkoll il-“wiċċ tost” li nirreklama ktieb fuq il-ħniena, li kien għadu kemm ġie ppubblikat mill-Kardinal Kasper. U dakinhar ħassejt b’tant qawwa li dan huwa l-messaġġ li rrid nagħti, bħala Isqof ta’ Ruma: ħniena, ħniena, nitlobkom, maħfra.

 

Il-ħniena ta’ Alla hija l-ħelsien u l-ferħ tagħna. Aħna ngħixu bil-ħniena u ma nistgħux ngħaddu mingħajr il-ħniena: hija l-arja li nieħdu n-nifs fiha. Aħna foqra wisq biex nistgħu nagħmlu xi kundizzjonijiet, għandna bżonn naħfru, għax għandna bżonn niġu maħfura. Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ara San Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Dives in misericordia (30 ta’ Novembru 1980); Bolla Misericordiæ vultus (11 ta’ April 2015); Ittra appostolika Misericordia et misera (20 ta’ Novembru 2016).