IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2020

Katekeżi – 7. It-talba ta’ Mosè

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-mixja tagħna dwar it-tema tat-talb, qed nintebħu li Alla qatt ma ried ikollu x’jaqsam ma’ tallaba “faċli”. U lanqas Mosè ma kien interlokutur “fjakk”, sa mill-ewwel jum tal-vokazzjoni tiegħu.

 

Meta sejjaħlu Alla, umanament Mosè kien bniedem “fallut”. Il-ktieb tal-Eżodu jippreżentahulna fl-art ta’ Midjan bħala maħrub. Minn żgħożitu kienet ġietu ħniena minn niesu, u kien anki ħareġ sidru biex jaqbeż għall-maħqurin. Imma ma damx ma skopra li, minkejja l-intenzjonijiet tajba kollha, minn idejh mhux ġustizzja toħroġ, imma vjolenza. Araw kif jiġi fix-xejn il-ħolm tal-glorja: Mosè ma għadux funzjonarju promettenti, iddestinat li malajr jagħmel karriera, imma wieħed li tilef iċ-ċans li kellu, u issa spiċċa jirgħa l-merħliet li lanqas huma tiegħu. U huwa proprju fil-ħemda tad-deżert ta’ Midjan li Alla jsejjaħ lil Mosè għar-rivelazzjoni tal-għollieq jaqbad: “‘Jien hu Alla ta’ missierek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb’. Mosè għatta wiċċu, għax beża’ jħares lejn Alla” (Eż 3:6).

 

Lil Alla li jitkellem, li jistiednu jieħu mill-ġdid ħsieb tal-poplu ta’ Iżrael, Mosè jwieġbu bil-biżgħat tiegħu, l-oġġezzjonijiet tiegħu: mhuwiex denn għal dik il-missjoni, ma jafx l-isem ta’ Alla x’inhu, l-Iżraelin mhux ħa jemmnuh, ilsienu jtemtem… U hekk ħafna skużi oħra. Il-kelma li l-aktar twarrad fuq xofftejn Mosè, f’kull talba li jagħmel lil Alla, hija l-mistoqsija: “Għaliex?”. Għaliex bgħatt lili? Għaliex trid teħles lil dan il-poplu? Fil-Pentatewku hemm saħansitra silta drammatika, fejn Alla jċappas ma’ wiċċ Mosè n-nuqqas ta’ fiduċja tiegħu, nuqqas li għad iżommu milli jidħol fl-art imwiegħda (ara Num 20:12).

 

B’dawn il-beżgħat, b’din il-qalb li spiss titbandal minn naħa għall-oħra, kif jista’ jitlob Mosè? Anzi, Mosè hekk jidher bniedem bħalna. U dan jiġri lilna wkoll: imma meta jkollna d-dubji, kif nistgħu nitolbu? Ma jiġiniex li nitolbu. U huwa minħabba din id-dgħufija tiegħu, iktar milli minħabba l-qawwa tiegħu, li hu jolqotna. Maħtur minn Alla biex jgħaddi l-Liġi lill-poplu tiegħu, fundatur tal-kult divin, medjatur tal-ogħla misteri, għalhekk hu ma jieqaf qatt iżomm rabtiet stretti ta’ solidarjetà mal-poplu tiegħu, speċjalment fis-siegħa tat-tentazzjoni u tad-dnub. Dejjem marbut mal-poplu. Mosè qatt ma tilef il-memorja tal-poplu tiegħu. U dan hu l-kobor tar-ragħajja: ma jinsewhx lill-poplu, ma jinsewx l-għeruq tagħhom. Dan hu li jgħid Pawlu lill-Isqof żagħżugħ maħbub tiegħu Timotju: “Ftakar f’ommok u f’nanntek, fl-għeruq tiegħek, fil-poplu tiegħek”. Mosè tant hu ħbieb ma’ Alla li jista’ jitkellem miegħu wiċċ imb wiċċ (ara Eż 33:11); u jibqa’ tant ħabib mal-bnedmin li tiġih ħniena għad-dnubiet tagħhom, għat-tentazzjonijiet tagħhom, għan-nostalġiji li f’daqqa waħda l-eżiljati kienet tiġihom tal-imgħoddi, huma u jaħsbu f’meta kienu l-Eġittu.

 

Mosè ma jiċħadx lil Alla, imma lanqas jiċħad lill-poplu tiegħu. Huwa koerenti ma’ demmu, huwa koerenti ma’ leħen Alla. Għalhekk, Mosè mhuwiex xi mexxej awtoritarju u despotiku; anzi, il-ktieb tan-Numri jsejjaħlu “umli, l-aktar umli fost il-bnedmin li hawn fuq wiċċ l-art” (ara 12:3). Minkejja l-qagħda tiegħu ta’ wieħed ipprivileġġjat, Mosè ma jieqaf qatt ikun prti mill-ġemgħa tal-foqra fl-ispirtu li jgħixu ħajjithom jagħmlu mill-fiduċja f’Alla l-vjatku tal-mixja tagħhom. Huwa bniedem tal-poplu.

 

Hekk, il-mod l-aktar proprju li bih kien jitlob Mosè kien l-interċessjoni (ara Katekeżimu tal-Knisja Kattolika, 2574). Il-fidi tiegħu f’Alla hi ħaġa waħda mas-sens ta’ paternità li għandu għal niesu. L-Iskrittura spiss turih b’dirgħajh merfugħa fl-għoli, lejn Alla, kważi biex jagħmluha ta’ pont mal-istess persuna tiegħu bejn sema u art. Imqar fl-aktar mumenti ibsin, imqar fil-jum li fih il-poplu jwarrab lil Alla u lilu stess bħala gwida biex jagħmel għalih għoġol tad-deheb, Mosè ma jħossx li għandu jwarrab lill-poplu tiegħu. Dan hu l-poplu tiegħi. Huwa l-poplu tiegħek. Hu l-poplu tiegħi. La jiċħad lil Alla u lanqas lill-poplu. U jgħid lil Alla: “Dan il-poplu għamel dnub kbir, għax għamlu alla tad-deheb. Issa, jekk trid taħfrilhom, aħfrilhom; imma jekk ma taħfrilhomx ħassarni mill-ktieb li inti ktibt” (Eż 32:31-32). Mosè ma jinnegozjax il-poplu. Ma jbigħx lil niesu biex jagħmel karriera. Ma jfittixx il-postijiet fl-għoli, huwa interċessur: għal niesu, għal laħmu, għall-istorja tiegħu, għall-poplu tiegħu u għal Alla li sejjaħlu. Huwa l-pont. X’eżempju sabiħ għar-ragħajja kollha li għandhom ikunu “pont”. Għalhekk insejħulhom pontifex, pontijiet. Ir-ragħajja huma pontijiet bejn il-poplu li minnu ġejjin u Alla, li tiegħu huma b’vokazzjoni. U hekk hu Mosè: “Mulej, aħfirhulhom id-dnub tagħhom, inkella, jekk ma tridx taħfrilhom, neħħini mill-ktieb tiegħek li ktibt. Ma rridx nagħmel karriera minn fuq dahar il-poplu tiegħi”.

 

U din hi t-talba li dawk li tabilħaqq jemmnu, ixettlu fil-ħajja spiritwali tagħhom. Anki jekk iġarrbu n-nuqqasijiet tal-persuni kontrihom u lil Alla jħossuh bogħod minnhom, dawn li jitolbu ma jikkundannawhomx, lanqas jirrifjutawhom. L-atteġġjament tal-interċessjoni hu ħaġa tal-qaddisin, li, fuq ix-xebh ta’ Ġesù, huma “pontijiet” bejn Alla u l-poplu tiegħu. F’dan is-sens, Mosè kien l-ikbar profeta ta’ Ġesù, avukat u interċessur tagħna (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2577). U anki llum, Ġesù huwa l­­-pontifex, huwa l-pont bejnna u l-Missier. U Ġesù jidħol għalina, juri lill-Missier il-pjagi li huma l-prezz tas-salvazzjoni tagħna, u jinterċedi għalina, U Mosè huwa figura ta’ Ġesù li llum jitlob għalina, jinterċedi għalina.

 

Mosè jixprunana biex nitolbu bl-istess passjoni ta’ Ġesù, biex ninterċedu għad-dinja, biex niftakru li, minkejja d-dgħufijiet kollha tagħha, hija dejjem tappartieni lil Alla. Kulħadd jappartieni lil Alla. L-agħar midinba, l-iktar nies kiefra, id-diriġenti l-aktar korrotti, huma wlied Alla, u Ġesù dan iħossu u jinterċedi għal kulħadd. U d-dinja tgħix u tisseddaq grazzi għall-barka tal-ġust, għat-talb devot, għal din it-talba ħerqana, li l-qaddis, il-ġust, l-interċessur, is-saċerdot, l-Isqof, il-Papa, il-lajk, kull imgħammed, jgħolli bla waqfien għall-bnedmin, f’kull post u f’kull żmien tal-istorja. Naħsbu f’Mosè, l-interċessur. U meta jiġina l-aptit li nikkundannaw lil xi ħadd u nirrabjaw ġo fina – nagħmlu sew nirrabjaw imma qatt mhu sew nikkundannaw – ejjew ninterċedu għalih: dan jgħinna ħafna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard