|
IL-PAPA FRANĠISKU
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
MĦEJJIJA GĦALL-UDJENZA ĠENERALI TAS-16 TA’ APRIL 2025
L-Erbgħa 16 ta’ April 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-parabboli. 5. Il-Missier ħanin. Kien mitluf u nstab (Lq 15:32)
Għeżież ħuti,
Wara li mmeditajna fuq il-laqgħat ta’ Ġesù ma’ xi persunaġġi tal-Vanġelu, nixtieq nieqaf, ibda minn din il-katekeżi, fuq xi parabboli. Kif nafu, huma rakkonti li jaqbdu xbihat u sitwazzjonijiet tar-realtà ta’ kuljum. Għalhekk imissu lil ħajjitna. Jipprovokawna. U jitolbuna nieħdu pożizzjoni: fejn ninsab jien f’dan ir-rakkont?
Nibdew mill-aktar parabbola famuża, dik li lkoll kemm aħna niftakruha forsi sa minn meta konna tfal: il-parabbola tal-missier u taż-żewġ ulied (Lq 15:1-3,11-32). Fiha nsibu l-qalba tal-Vanġelu ta’ Ġesù, jiġifieri l-ħniena ta’ Alla.
L-evanġelista Luqa jgħid li Ġesù jirrakkonta din il-parabbola għall-Fariżej u l-kittieba, li kienu qed igemgmu għax hu kien jiekol mal-midinbin. Għalhekk nistgħu ngħidu li hija parabbola indirizzata lil dawk li ntilfu, imma ma jafux u qed jiġġudikaw lill-oħrajn.
Il-Vanġelu jrid jgħaddilna messaġġ ta’ tama, għax jgħidilna li kull fejn intlifna, kien x’kien il-mod li bih intlifna, Alla dejjem jiġi jfittixna! Intlifna forsi bħal nagħġa, li ħarġet mill-passaġġ biex tiekol il-ħaxix, jew waqgħet lura għax għejiet (ara Lq 15:4-7). Jew forsi ntlifna bħal munita, li forsi waqgħet fl-art u ma tistax tinstab, jew xi ħadd poġġieha band’oħra u ma jiftakarx fejn. Jew intlifna bħaż-żewġ ulied ta’ dan il-missier: iż-żgħir għax għeja f’relazzjoni li kien iħossha wisq esiġenti; imma anki l-kbir intilef, għax mhux biżżejjed tibqa’ d-dar jekk f’qalbek hemm il-kburija u l-korla.
L-imħabba dejjem hija impenn, dejjem hemm xi ħaġa li rridu nitilfu biex immorru niltaqgħu mal-ieħor. Imma l-iben iż-żgħir tal-parabbola jaħseb biss fih innifsu, kif jiġri f’ċerti fażijiet tat-tfulija u tal-adolexxenza. Fir-realtà, madwarna nilmħu wkoll tant adulti hekk, li ma jirnexxilhomx iżommu relazzjoni għax huma egoisti. Jilludu ruħhom li se jsibu lilhom infushom u minflok jintilfu, għax huwa biss meta ngħixu għal xi ħadd ieħor li ngħixu tassew.
Dan l-iben iż-żgħir, bħalna lkoll, hu mġewwaħ għall-imħabba, irid min iħobbu. Imma l-imħabba hija don prezzjuż, għandna nittrattawh bil-għożża. Imma hu jberbqu, ibigħ lilu nnifsu bl-irħis, ma jirrispettax lilu nnifsu. Jintebaħ b’dan fiż-żmien tal-ġuħ, meta ħadd ma jieħu ħsiebu. Ir-riskju hu li f’dawk il-mumenti nibdew nittallbu l-imħabba u neħlu mal-ewwel sid li jitfaċċa.
Dawn huma esperjenzi li jwelldu ġo fina l-konvinzjoni żbaljata li f’relazzjoni nistgħu noqogħdu biss bħala qaddejja, bħallikieku ridna npattu għal xi ħtija jew bħallikieku ma kinitx teżisti l-imħabba vera. Fil-fatt, l-iben iż-żgħir, meta mess il-qiegħ, ħaseb li jerġa’ lura d-dar ta’ missieru biex forsi jiġbor mill-art xi frak ta’ mħabba.
Huwa biss min iridilna tassew il-ġid li jista’ jeħlisna minn din il-viżjoni falza tal-imħabba. Fir-relazzjoni ma’ Alla aħna nagħmlu proprju din l-esperjenza. Il-pittur kbir Rembrandt, f’pitura famuża, wera b’mod meraviljuż ir-ritorn tal-iben il-ħali. Jolqtuni fuq kollox żewġ dettalji: ir-ras taż-żagħżugħ hi mqaxxra, bħal dik ta’ penitent, imma tidher qisha wkoll ir-ras ta’ tifel żgħir, għax dan l-iben qed jitwieled mill-ġdid. U mbagħad l-idejn tal-missier: waħda ta’ raġel u waħda ta’ mara, biex jiddeskrivu l-qawwa u l-ħlewwa fit-tgħanniqa tal-maħfra.
Imma huwa l-iben il-kbir li jirrappreżenta lil dawk li għalihom il-parabbola hi rrakkuntata: huwa l-iben li baqa’ dejjem id-dar mal-missier, imma kien imbiegħed minnu, imbiegħed minn qalbu. Dan l-iben forsi xtaq jitlaq hu wkoll, imma jew għax beża’ jew għax ħass id-dmir hu baqa’ hemm, f’dik ir-relazzjoni. Imma meta int tadatta ruħek kontra x-xewqa tiegħek, tibda tbejjet ir-rabja fik, u llum jew għada din ir-rabja tisplodi. Paradossalment, huwa proprju l-iben il-kbir li fl-aħħar jirriskja li jibqa’ barra mid-dar, għax ma jaqsamx fil-ferħ tal-missier.
Il-missier joħroġ jiltaqa’ miegħu wkoll. Ma jċanfrux u ma jfakkrux x’inhu dmiru. Irid biss li hu jħoss l-imħabba tiegħu. Jistiednu jidħol u jħalli l-bieb miftuħ. Dak il-bieb jibqa’ miftuħ għalina wkoll. Fil-fatt, din hi r-raġuni tat-tama: nistgħu nittamaw għax nafu li l-Missier qed jistenniena, jilmaħna mill-bogħod, u jħalli dejjem il-bieb miftuħ.
Għeżież ħuti, nistaqsu mela fejn qegħdin aħna f’dan ir-rakkont meraviljuż. U nitolbu lil Alla l-Missier il-grazzja li nistgħu nerġgħu nsibu aħna wkoll it-triq lura lejn id-dar.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard