IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI 

Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 15 ta’ April 2020

 

Katekeżi fuq il-Beatitudnijiet:

8. “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-katekeżi tal-lum hi ddedikata lis-seba’ beatitudni, dik ta’ “dawk li jġibu l-paċi”, li jiġu msejħa wlied Alla. Qed nieħu gost li din ħabtet minnufih wara l-Għid, għax il-paċi ta’ Kristu hija frott tal-mewt u l-qawmien tiegħu, li smajna dwarha fil-qari minn San Pawl. Biex nifhmu din il-beatitudni hemm bżonn infissru s-sens tal-kelma “paċi”, li tista’ tinftiehem ħażin jew xi kultant tiġi bbanalizzata.

 

Hemm bżonn norjentaw ruħna bejn żewġ ideat ta’ paċi: l-ewwel hi dik biblika, fejn tidher il-kelma wisq sabiħa shalòm, li tesprimi abbundanza, prosperità, ġid. Meta fil-Lhudi wieħed jawguralek shalòm, ikun qed jixtieqlek ħajja sabiħa, imseddqa, mimlija ġid, imma anki skont il-verità u l-ġustizzja, li jsibu l-milja tagħhom fil-Messija, il-Prinċep tas-sliem (ara Iż 9:6; Mik 5:4-5).

 

Imbagħad hemm it-tifsira l-oħra, iktar magħrufa, li biha l-kelma “paċi” nifhmuha bħala għamla ta’ trankwillità interjuri: inħossni trankwill, inħossni fil-paċi. Din hija idea moderna, psikoloġika u iżjed suġġettiva. Spiss hemm min jaħseb li l-paċi hija l-kwiet, l-armonija, il-bilanċ interjuri. Dan l-għarfien tal-kelma “paċi” mhux komplut u ma jistax jiġi assolutizzat, għax fil-ħajja li wieħed ma jkollux kwiet f’qalbu jista’ jkun pass importanti biex jikber. Ħafna drabi huwa l-Mulej stess li jiżra’ fina dan in-nuqqas ta’ kwiet biex nistgħu niltaqgħu miegħu, biex insibuh. F’dan is-sens dan ikun mument importanti biex nikbru; waqt li jista’ jiġri li t-trankwillità interjuri tikkorrispondi għal kuxjenza rieqda minflok għal fidwa spiritwali vera. Ħafna drabi l-Mulej għandu jkun “sinjal li jmeruh” (ara Lq 2:34-35), li jriegħed iċ-ċertezzi foloz tagħna, biex iwassalna għas-salvazzjoni. U f’dak il-mument wieħed ikun jidher bla kwiet, imma jkun il-Mulej li qed ipoġġina f’din it-triq biex naslu għall-paċi li hu nnifsu jagħtina.

 

Hawnhekk irridu niftakru li l-Mulej il-paċi tiegħu jagħtiha b’mod differenti minn dik tal-bnedmin, dik tad-dinja, meta jgħid: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27). Dik ta’ Ġesù hi paċi oħra, differenti minn dik tad-dinja.

 

Nistaqsu lilna nfusna: kif tagħtiha l-paċi d-dinja? Jekk naħsbu fil-gwerer, dawn normalment jikkonkludu b’żewġ modi: jew billi waħda miż-żewġ partijiet toħroġ telliefa, jew bi trattati ta’ paċi. Ma nistgħux ħlief nawguraw u nitolbu li tintgħażel dejjem din it-tieni triq; imma rridu nqisu li l-istorja hija serje bla tmiem ta’ trattati ta’ paċi mgiddba minn gwerer oħra warajhom, jew mill-metamorfosi ta’ dawk l-istess gwerer f’modi oħra jew f’postijiet oħra. Imqar fi żmienna, qed tiġi miġġielda gwerra “f’biċċiet” b’iżjed minn xenarju wieħed u b’diversi modi.[1] Għall-inqas irridu nissuspettaw li fil-qafas ta’ globalizzazzjoni magħmula fuq kollox minn interessi ekonomiċi u finanzjarji, il-“paċi” ta’ xi wħud tikkorrispondi għall-“gwerra” ta’ oħrajn. U din mhijiex il-paċi ta’ Kristu!

 

Mill-banda l-oħra, kif “jagħtiha” l-paċi tiegħu l-Mulej Ġesù? Smajnieh lil San Pawl jgħid li l-paċi ta’ Kristu hi dik li “minn tnejn tagħmel poplu wieħed” (ara Efes 2:14), tħassar il-mibegħda u tħabbeb mill-ġdid. U t-triq biex nagħmlu din l-opra ta’ paċi hija l-ġisem tiegħu. Fil-fatt hu jħabbeb mill-ġdid kollox miegħu u jġib is-sliem bid-demm tiegħu mxerred fuq is-salib, kif jgħid band’oħra l-istess Appostlu (ara Kol 1:20).

 

U hawn nistaqsi, nistgħu nistaqsu lkoll: mela min huma “dawk li jġibu l-paċi”? Is-seba’ beatitudni hija l-aktar waħda attiva, tiżvolġi b’mod ċar f’azzjoni; l-espressjoni verbali tixbah lil dik użata fl-ewwel vers tal-Bibbja għall-ħolqien u turi sens ta’ inizjattiva u tħabrik. L-imħabba min-natura tagħha hi kreattiva – l-imħabba dejjem hi kreattiva – u tfittex ir-rikonċiljazzjoni, ikun xi jkun il-prezz biex tiksibha. Huma msejħa wlied Alla dawk li tgħallmu l-arti tal-paċi u jħaddmuha, jafu li m’hemmx rikonċiljazzjoni mingħajr l-għotja ta’ ħajjithom, u li l-paċi għandna nfittxuha dejjem u minkejja kollox. Dejjem u minkejja kollox: tinsewhx dan! Hekk għandna nfittxuha. Din mhijiex ħidma awtonoma frott tal-ħiliet tagħna, imma hi l-wirja tal-grazzja li rċivejna mingħand Kristu, li hu l-paċi tagħna, li għamilna wlied Alla.

 

Il-vera shalòm u l-veru bilanċ interjuri jiġu mill-paċi ta’ Kristu, li toħroġ mis-Salib tiegħu u tnissel umanità ġdida, imlaħħma f’ġemgħa bla tarf ta’ qaddisin, inventivi, kreattivi, li dejjem ħarġu b’ideat ġodda ta’ kif iħobbu. Il-qaddisin, irġiel u nisa, li jġibu l-paċi. Din il-ħajja ta’ wlied Alla, li permezz tad-demm ta’ Kristu jfittxu u jsibu mill-ġdid lil ħuthom, hija l-hena veru. Henjin dawk li jagħżlu li jimxu f’din it-triq!

 

U mill-ġdid l-Għid it-tajjeb lil kulħadd, fis-sliem ta’ Kristu!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ara Omelija fis-Sagrarju Militari ta’ Redipuglia, 13 ta’ Settembru 2014; Omelija f’Sarajevo, 6 ta’ Ġunju 2015; Diskors lill-Kunsill Pontifiċju għat-Testi Leġislattivi, 21 ta’ Frar 2020.