IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 14 ta’ Ottubru 2020

 

Katekeżi: 10. It-talba tas-Salmi. 1

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Aħna u naqraw il-Bibbja niltaqgħu kontinwament ma’ talb ta’ kull xorta. Imma nsibu wkoll ktieb magħmul minn talb biss, ktieb li sar il-patrija, il-post tat-taħriġ u d-dar ta’ għadd bla tarf ta’ tallaba. Qed nirriferi għall-Ktieb tas-Salmi. Fih 150 Salm biex nitolbu bih.

 

Dan jagħmel parti mill-Kotba tal-Għerf, għax jagħtina l-“għerf biex nitolbu” permezz tal-esperjenza tad-djalogu ma’ Alla. Fis-salmi nsibu s-sentimenti umani kollha: il-ferħ, l-uġigħ, id-dubji, it-tamiet, in-niket li jlewnu lil ħajjitna. Il-Katekiżmu jistqarr li kull salm “hu hekk bil-qies li jista’ jkun vera talba għall-bnedmin kollha ta’ kull żmien u ta’ kull kundizzjoni” (KKK, 2588). Xħin naqraw u nerġgħu naqraw is-salmi, aħna nitgħallmu l-lingwaġġ tat-talb. Fil-fatt, Alla l-Missier, bl-Ispirtu tiegħu nebbaħhom fil-qalb tas-sultan David u ta’ persuni li għexu ħajja ta’ talb, biex jgħallem lil kull bniedem kif għandu jfaħħru, kif iroddlu ħajr u jitolbu l-għajnuna, kif isejjaħlu fil-ferħ u fin-niket, kif jirrakkonta l-għeġubijiet tal-għemejjel tiegħu u tal-Liġi tiegħu. Fil-qosor, is-salmi huma l-kelma ta’ Alla li aħna l-bnedmin nużaw biex nitkellmu miegħu.

 

F’dan il-ktieb ma niltaqgħux ma’ persuni li niżlu mis-sema, persuni astratti, persuni li jifxlu t-talb ma’ xi esperjenza estetika jew li taljenahom. Is-salmi mhumiex kitbiet li twieldu fuq il-mejda; huma invokazzjonijiet, spiss drammatiċi, li nibtu direttament mill-esperjenza tal-ħajja. Biex nitolbu bihom biżżejjed inkunu dak li aħna, bla rtokk ta’ xejn. M’hemmx bżonn nirtukkjaw ir-ruħ tagħna biex nistgħu nitolbu: “Mulej, jiena hekk”, u mmorru quddiem il-Mulej hekk kif aħna, bil-ħwejjeġ sbieħ u anki bil-ħwejjeġ koroh li ħadd ma jafhom, imma aħna, fina nfusna, nafuhom. Fis-salmi nisimgħu l-ilħna ta’ min qed jitlob, nies tad-demm u l-laħam, li ħajjithom, bħal dik ta’ kulħadd, mimlija problemi, taħbit, inċertezzi. Is-salmista ma jeħodhiex għalkollox kontra din it-tbatija: huwa jaf li hi parti mill-ħajja. Imma fis-salmi t-tbatija tinbidel f’mistoqsija. Milli nbatu għal li nistaqsu.

 

U qalb il-ħafna mistoqsijiet, hemm waħda li tibqa’ mdendla, bħal karba bla waqfien li taqsam il-ktieb kollu minn qoxra sa qoxra. Mistoqsija, li aħna ntennuha tant drabi: “Sa meta, Mulej? Kemm se ndum?”. Kull tbatija tfittex ħelsien, kull demgħa tfittex faraġ, kull ġerħa tfittex fejqan, kull kalunnja tfittex sentenza ta’ maħfra. “Sa meta, Mulej, se jkolli nbati hekk? Ismagħni, Mulej!”: kemm drabi aħna tlabna hekk, b’“Sa meta?”, biżżejjed Mulej!

 

Kontinwament b’mistoqsijiet ta’ din ix-xorta, is-salmi jgħallmuna ma nidrawx it-tbatija, u jfakkruna li l-ħajja ma tistax tinfeda jekk ma tiġix imfejqa. Il-ħajja tal-bniedem hi bħal buffura riħ, żmienha jtir, imma min jitlob jaf li hu prezzjuż f’għajnejn Alla, u għalhekk jagħmel sens li jokrob. U dan hu importanti. Meta aħna nitolbu, dan nagħmluh għax nafu li aħna għeżież f’għajnejn Alla. Hija l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu li, minn ġewwa, tqanqlilna dan l-għarfien: li aħna prezzjużi f’għajnejn Alla. U għalhekk inħossuna mqanqla biex nitolbu.

 

It-talb tas-salmi huwa x-xhieda ta’ din il-karba: karba li tirrepeti ruħha, għax fil-ħajja t-tbatija tieħu elf bixra, u tieħu l-isem ta’ mard, mibegħda, gwerra, persekuzzjoni, qtigħ il-qalb… Sal-ogħla “skandlu”, dak tal-mewt. Il-mewt fis-Salterju tidher bħala l-aktar għadu bla sens tal-bniedem: liema delitt jistħoqqlu kastig hekk kiefer, li jġib miegħu t-tixjin u t-tmiem? Fis-salmi l-bniedem jitlob lil Alla jindaħal hemm fejn l-isforzi kollha umani ġew fix-xejn. Għalhekk it-talb, diġà fih innifsu, hu triq ta’ salvazzjoni u bidu ta’ salvazzjoni.

 

F’din id-dinja kulħadd ibati: kemm min jemmen f’Alla, u kemm min jiċħdu. Imma fis-Salterju t-tbatija ssir relazzjoni: karba għall-għajnuna li qed tistenna li taqa’ f’widna li tismagħha. Ma tistax tibqa’ bla sens, bla skop. Anki t-tbatijiet li nġarrbu ma jistgħux ikunu biss każijiet speċifiċi ta’ liġi universali: dejjem huma d-demgħat “tiegħi”. Aħsbu ftit f’dan: id-dmugħ mhuwiex universali, hu d-dmugħ “tiegħi”. Kulħadd għandu tiegħu. Id-demgħat “tiegħi” u t-tbatija “tiegħi” jwassluni biex nitlob. Huma d-demgħat “tiegħi” li ħadd ma xerred qabli. Iva, ħafna bkew, ħafna. Imma d-demgħat “tiegħi” huma tiegħi, l-uġigħ “tiegħi” huwa tiegħi, it-tbatija “tiegħi” hija tiegħi.

 

Qabel dħalt fis-sala, iltqajt mal-ġenituri ta’ dak is-saċerdot mid-Djoċesi ta’ Como li ġie maqtul; ġie maqtul sewwasew fis-servizz li kien qed jagħti biex jgħin. Id-dmugħ ta’ dawk il-ġenituri huma dmugħ “tagħhom” u huma jafu kemm batew jaraw lil dan binhom jagħti ħajtu għall-qadi tal-foqra. Meta nkunu rridu nfarrġu lil xi ħadd, ma nsibux il-kliem. Għaliex? Għax aħna ma nistgħux naslu għat-tbatija tiegħu, għax it-tbatija “tiegħu” hi tiegħu, id-dmugħ “tiegħu” hu tiegħu. L-istess tagħna: id-dmugħ, it-tbatija “tiegħi” hija tiegħi, id-dmugħ hu “tiegħi” u b’dan id-dmugħ, b’din it-tbatija ndur lejn il-Mulej.

 

It-tbatijiet kollha tal-bnedmin għal Alla huma ħaġa qaddisa. Hekk jitlob is-salm 56: “Int għaddejt kull ċaqliqa tiegħi; iġma’ fi flixkun id-dmugħ tiegħi. Mhuwiex dan fil-ktieb tiegħek?” (v. 9). Quddiem Alla aħna m’aħniex barranin, jew sempliċi numri. Aħna wċuħ u qlub, li jafna wieħed wieħed u waħda waħda, b’isimna.

 

Fis-salmi, min jemmen isib tweġiba. Huwa jaf li, imqar li l-bibien kollha tal-bnedmin kellhom ikunu mkaħħla, il-bieb ta’ Alla hu miftuħ. Imqar li d-dinja kollha kellha taqtagħlu verdett ta’ kundanna, f’Alla hemm is-salvazzjoni.

 

“Il-Mulej jagħti widen”: xi drabi fit-talb biżżejjed tkun taf dan. Il-problemi mhux dejjem se jissolvew. Min jemmen ma jgħixx f’illużjoni: jaf li tant kwistjonijiet tal-ħajja hawn isfel se jibqgħu ma jissolvewx, mingħajr triq li minnha jista’ joħroġ; it-tbatija dejjem ħa kun magħna, nirbħu battalja, u nsibu oħrajn jistennewna. Imma, jekk inħossuna mismugħa, għal kollox nifilħu naqra iktar.

 

L-agħar ħaġa li tista’ tiġrilna hi li fit-tbatija nħossuna abbandunati, mingħajr ħadd li jiftakar fina. Minn dan isalvana t-talb. Għax jista’ jiġri, u anki spiss, li ma nifhmux il-pjanijiet ta’ Alla. Imma l-karbiet tagħna ma jeħlux hawn isfel: jitilgħu sa għandu, hu li għandu qalb ta’ Missier, u hu stess jibki għal kull iben u bint li qed ibatu u li jmutu. Se ngħidilkom ħaġa: lili jagħmilli tajjeb, fil-mumenti ibsin, naħseb fil-biki ta’ Ġesù, kemm beka meta ħares lejn Ġerusalemm, kemm beka quddiem il-qabar ta’ Lazzru. Alla beka għalija, Alla jibki, jibki minħabba fl-uġigħ tagħna. Għax Alla ried isir bniedem – qal wieħed awtur spiritwali – biex seta’ jibki. Xħin naħseb li Ġesù qed jibki miegħi fit-tbatija, inħossni nitfarraġ: dan jgħinna nimxu ’l quddiem. Jekk nibqgħu f’relazzjoni miegħu, il-ħajja mhix ħa tiffrankalna t-tbatija, imma tinfetaħ għal xefaq kbir ta’ tjieba u hekk nistgħu nimxu lejn il-milja tagħha. Kuraġġ, ejjew nitolbu. Ġesù hu dejjem magħna.

 

 miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard