IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 13 ta’ Ottubru 2021

 

Katekeżi fuq l-Ittra lill-Galatin: 11. Il-libertà Nisranija, ferment universali ta’ ħelsien

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq l-Ittra lill-Galatin stajna niffukaw fuq liema hi għal San Pawl il-qalba tal-libertà: il-fatt li, bil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu, aħna ġejna meħlusin mill-jasar tad-dnub u tal-mewt. Fi kliem ieħor: aħna ħielsa għax ġejna meħlusa, meħlusa bi grazzja – mhux b’xi ħlas –, meħlusin mill-imħabba, li ssir l-ogħla liġi ġdida tal-ħajja Nisranija. L-imħabba: aħna ħielsa għax ġejna meħlusa b’xejn. Dan hu sewwasew il-punt li jiftaħ il-bieb għal kollox.

 

Illum nixtieq nisħaq fuq kif dan l-aspett ġdid tal-ħajja jiftħilna qalbna biex nilqgħu kull poplu u kultura u fl-istess waqt jiftaħ kull poplu u kultura għal libertà ogħla. Fil-fatt San Pawl jgħid li għal min jemmen fi Kristu ma jiswiex iżjed ikunx Lhudi jew pagan. Tiswa biss il-“fidi li taħdem permezz tal-imħabba” (Gal 5:6). Nemmnu li ġejna meħlusa u nemmnu f’Ġesù Kristu li ħelisna: din hija l-fidi li taħdem permezz tal-imħabba. Dawk li ħaduha kontra Pawlu – dawn il-fundamentalisti li kienu waslu hemm – attakkawh minħabba dan l-aspett ġdid, għax saħqu li hu kien ħa din il-pożizzjoni b’opportuniżmu pastorali, jiġifieri biex “jogħġob lil kulħadd”, u ġab fix-xejn l-esiġenzi li rċieva mit-tradizzjoni reliġjuża l-aktar stretta tiegħu. Huwa l-istess diskors tal-fundamentalisti ta’ żmienna: l-istorja dejjem tirrepeti ruħha. Kif qegħdin naraw, il-kritika lejn kull ħaġa ġdida tal-Vanġelu mhijiex biss ħaġa ta’ żmienna, imma għandha storja twila warajha. Imma Pawlu ma jibqax sieket. Iwieġeb b’parresia – din hi kelma Griega li tfisser kuraġġ, qawwa – u jgħid: “Forsi jien qed infittex li jkunu jġibuni l-bnedmin, jew qed infittex li jkun iġibni Alla? Qiegħed jiena nfittex li nogħġob lill-bnedmin? Li kont għadni nfittex li nogħġob lill-bnedmin, ma kontx inkun qaddej ta’ Kristu” (Gal 1:10). Diġà fl-Ewwel Ittra tiegħu lit-Tessalonkin kien esprima ruħu b’mod jixxiebah, meta qal li fil-predikazzjoni tiegħu qatt ma kien qagħad “inżiegħlu bikom bil-kliem, anqas ma kellna xi ħsieb ta’ regħba […]. Aħna ma fittixniex il-glorja tal-bnedmin” (1 Tess 2:5-6), li huma t-toroq ta’ min “jagħmel tabirruħu”; fidi li mhijiex fidi, imma hi mondanità.

 

Il-ħsieb ta’ Pawlu għal darb’oħra juri li għandu profondità mnebbħa. Li jilqa’ l-fidi jfisser għalih li jiċħad mhux il-qalba tal-kulturi u tat-tradizzjonijiet, imma biss dak li jista’ jxekkel dak li hu ġdid u safi fil-Vanġelu. Għax il-libertà li kisbulna l-mewt u l-qawmien tal-Mulej ma tidħolx f’kunflitt mal-kulturi, mat-tradizzjonijiet li rċivejna, anzi tagħtihom libertà ġdida, karattru ġdid li jeħles, dak tal-Vanġelu. Fil-fatt, il-ħelsien miksub bil-Magħmudija jippermettilna li niksbu d-dinjità sħiħa ta’ wlied Alla, hekk li, waqt li nibqgħu mlaqqma tajjeb fl-għeruq kulturali tagħna, fl-istess waqt niftħu qalbna għall-universaliżmu tal-fidi li jidħol f’kull kultura, jagħraf iż-żerriegħa ta’ verità li hemm preżenti fiha u jiżviluppaha billi jwassal fil-milja tiegħu l-ġid li hemm fiha. Meta naċċettaw li aħna ġejna meħlusa minn Kristu – il-passjoni tiegħu, il-mewt tiegħu, il-qawmien tiegħu – inkunu naċċettaw li nwasslu fil-milja tagħhom anki d-diversi tradizzjonijiet ta’ kull poplu. Il-milja vera.

 

Fis-sejħa għal-libertà niskopru s-sens veru tal-inkulturazzjoni tal-Vanġelu. Liema hu dan is-sens veru? Li nkunu kapaċi nxandru l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu l-Feddej billi nirrispettaw dak li hu tajjeb u veru fil-kulturi. Din mhix ħaġa ħafifa! Għandna ħafna tentazzjonijiet biex nimponu l-mudell tagħna ta’ ħajja bħallikieku kien l-iżjed wieħed evolut u attraenti. Kemm żbalji saru fl-istorja tal-evanġelizzazzjoni għax kien hemm min ried jimponi mudell kulturali wieħed! L-uniformità bħala regola ta’ ħajja mhijiex Nisranija! L-għaqda iva, l-uniformità le! Kien hemm drabi fejn lanqas ċaħdu l-vjolenza, basta tgħaddi tagħhom. Biżżejjed naħsbu fil-gwerer. B’dan il-mod, il-Knisja ġiet imċaħħda mill-għana ta’ tant espressjonijiet lokali li ġġib magħha t-tradizzjoni kulturali ta’ popli sħaħ. Imma dan hu eżattament bil-maqlub tal-libertà Nisranija! Ngħidu aħna, jiġini f’moħħi kif sar l-appostolat fiċ-Ċina minn Padre Ricci jew fl-Indja minn Padre De Nobili. … [Xi ħadd qal]: “Le, dan mhuwiex Nisrani!”. Iva, hu Nisrani, qiegħed fil-kultura tal-poplu.

 

F’kelma waħda, il-viżjoni tal-libertà li kellu Pawlu hi mdawla għalkollox u ssir għammiela grazzi għall-misteru ta’ Kristu, li fl-inkarnazzjoni tiegħu – ifakkarna l-Konċilju Vatikan II – ingħaqad b’ċertu mod ma’ kull bniedem (ara Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 22). U dan ifisser li ma hemmx uniformità, imma hemm il-varjetà, imma varjetà magħquda. Minn hawn joħroġ id-dmir li nirrispettaw il-provenjenza kulturali ta’ kull persuna, u ndaħħluha fi spazju ta’ libertà li ma jkun ristrett minn ebda impożizzjoni ddettata minn kultura predominanti waħda. Dan huwa s-sens li nsejħu lilna nfusna Kattoliċi, li nitkellmu fuq Knisja Kattolika: mhijiex xi denominazzjoni soċjoloġika biex ningħarfu minn Insara oħra. Kattoliku hu aġġettiv li jfisser universali: il-kattoliċità, l-universalità. Knisja universali, jiġifieri Kattolika, tfisser li l-Knisja għandha fiha, fl-istess natura tagħha, il-ftuħ għall-popli u l-kulturi kollha ta’ kull żmien, għax Kristu twieled, miet u rxoxta għal kulħadd.

 

Min-naħa l-oħra, il-kultura hi mill-istess natura tagħha fi trasformazzjoni kontinwa. Ejjew naħsbu kif aħna msejħin inxandru l-Vanġelu f’dan il-mument storiku ta’ bidla kulturali kbira, fejn teknoloġija dejjem iżjed avvanzata donnha qed taħkem fuq kollox. Li kellna nippretendu li nistgħu nitkellmu fuq il-fidi kif konna nagħmlu fis-sekli l-imgħoddija, inkunu nirriskjaw li ma nibqgħux niftiehmu mill-ġenerazzjonijiet ġodda. Il-libertà tal-fidi Nisranija – il-libertà Nisranija – ma turiniex viżjoni statika tal-ħajja u tal-kultura, imma viżjoni dinamika, viżjoni dinamika anki tat-tradizzjoni. It-tradizzjoni tikber, imma dejjem bl-istess natura. Allura ma nistgħux nippretendu li għandna xi pussess tal-libertà. Irċivejna don li rridu nħarsuh. U hi pjuttost il-libertà li qed titlob minn kull wieħed u waħda minna li nkunu f’mixja kontinwa, orjentati lejn il-milja tagħha. Din hi l-kundizzjoni ta’ pellegrini; dan hu l-istat ta’ vjaġġaturi, f’eżodu kontinwu: meħlusin mill-jasar biex nimxu lejn il-milja tal-libertà. U dan hu d-don kbir li tana Ġesù Kristu. Il-Mulej ħelisna b’xejn mill-jasar u qegħidna fit-triq biex nimxu fil-ħelsien sħiħ.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard