IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 13 ta’ Jannar 2021

Katekeżi fuq it-talb – 21. It-talb ta’ tifħir

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bil-katekeżi tagħna fuq it-talb, u llum nagħtu spazju lid-dimensjoni tat-tifħir.

 

Nieħdu spunt minn passaġġ importanti mill-ħajja ta’ Ġesù. Wara l-ewwel mirakli u l-involviment tad-dixxipli fix-xandir tas-Saltna ta’ Alla, il-missjoni tal-Messija tgħaddi minn kriżi. Lil Ġwanni l-Battista jiġih dubju u jibgħat jgħidlu – Ġwanni kien fil-ħabs: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3). Hu jħossu mifxul għax ma jafx jekk żbaljax fil-predikazzjoni tiegħu. Fil-ħajja dejjem jiġu fuqna mumenti suwed, mumenti tal-lejl spiritwali, u Ġwanni jinsab għaddej minn dan il-mument. Hemm ostilità fl-irħula ta’ fuq l-għadira, fejn Ġesù kien wettaq tant sinjali tal-għaġeb (ara Mt 11:20-24). Issa, proprju f’dan il-mument ta’ delużjoni, Mattew jagħtina fatt veru sorprendenti: Ġesù lill-Missier ma jressaqlux kliem ta’ lament, imma innu ta’ ferħ: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11:25). Hekk, qalb kriżi bħal dik, f’nofs tant dlam fir-ruħ ta’ tant persuni, fosthom Ġwanni l-Battista, Ġesù jbierek lill-Missier, Ġesù jagħti ġieħ lill-Missier. Imma għaliex?

 

Qabelxejn ifaħħru għal dak li hu: “Missier, Sid is-sema u l-art”. Ġesù jifraħ fl-ispirtu tiegħu għax jaf u jħoss li Missieru hu Alla tal-univers, u bil-maqlub, is-Sid ta’ kulma hu huwa l-Missier, “Missieri”. Minn din l-esperjenza li jħossu “bin il-Għoli” joħroġ it-tifħir. Ġesù jħossu l-iben tal-Aktar Għoli.

 

U mbagħad Ġesù jfaħħar lill-Missier għax jippreferi ċ-ċkejknin. Dan iħossu huwa stess, hu u jipprietka fl-irħula: dawk li għandhom l-“għerf” u d-“dehen” jibqgħu suspettużi u magħluqa, joqogħdu jagħmlu l-kalkoli; waqt li ċ-“ċkejknin” jiftħu qalbhom u jilqgħu l-messaġġ. Din ma tistax tkun ħlief ir-rieda tal-Missier, u Ġesù jifraħ b’dan. Aħna wkoll jeħtieġ nifirħu u nfaħħru lil Alla għax il-persuni umli u sempliċi jilqgħu l-Vanġelu. Jiena nifraħ meta nara dawn il-persuni sempliċi, dawn in-nies umli li jmorru pellegrinaġġ, imorru jitolbu, ikantaw, ifaħħru, nies li forsi jonqsuhom ħafna affarijiet imma l-umiltà twassalhom biex ifaħħru lil Alla. Fil-futur tad-dinja u fit-tamiet tal-Knisja dejjem hemm iċ-“ċkejknin”: dawk li ma jqisux ruħhom aħjar mill-oħrajn, li jafu bil-limiti tagħhom u bid-dnubiet tagħhom, li ma jfittxux kif ħa jaħkmu fuq l-oħrajn, li, f’Alla l-Missier, jagħrfu li huma lkoll aħwa.

 

Għalhekk, f’dak il-mument li jidher falliment, fejn kollox hu mudlam, Ġesù jitlob billi jfaħħar lill-Missier. U t-talba tiegħu twassal lilna wkoll, qarrejja tal-Vanġelu, biex niġġudikaw b’mod differenti t-telfiet personali tagħna, is-sitwazzjonijiet li fihom ma narawx ċari l-preżenza u l-azzjoni ta’ Alla, meta donnu l-ħażen jerfa’ rasu u m’hemmx mod kif inwaqqfuh. Ġesù, li rrakkomanda wkoll tant drabi t-talb ta’ supplika, proprju fil-mument li fih kellu raġuni biex jitlob spjegazzjoni lill-Missier, minflok jinfexx ifaħħru. Tidher kontradizzjoni, imma hemm hi, il-verità.

 

Għalxiex iservi t-tifħir? Għalina jew għal Alla? Hemm test tal-Liturġija Ewkaristika li jistedinna nitolbu lil Alla b’dan il-mod, jgħidlu hekk: “Għad li xejn ma teħtieġ it-tifħir tagħna, inti jogħġbok tagħtina l-grazzja biex minn qalbna rroddulek ħajr: għax jekk il-ġieħ li nagħtuk ma jżidlek xejn fik innifsek, imma lilna jiswielna għas-salvazzjoni” (Missal Ruman, Prefazju IV tal-Komun). Meta nfaħħru, niġu salvati.

 

It-talb ta’ tifħir għalina jservi. Il-Katekiżmu jfissru hekk: “tissieħeb fil-hena tal-qlub safja li jħobbuh bil-fidi qabel stess ma jarawh fil-glorja” (n. 2639). Paradossalment għandu jiġi pprattikat mhux biss meta l-ħajja timliena bl-hena, imma fuq kollox fil-mumenti diffiċli, fil-mumenti mudlama meta l-mixja tkun titħabat għax tkun għat-telgħa. Dak ukoll huwa żmien it-tifħir, bħal Ġesù li f’dak il-mument mudlam jibda jfaħħar lill-Missier. Għax nitgħallmu li permezz ta’ dik it-telgħa, dik il-mogħdija iebsa, dik it-triq ta’ taħbit, dawk il-passaġġi impenjattivi naslu biex naraw panorama ġdida, xefaq iżjed miftuħ. It-tifħir hu bħan-nifs ta’ arja pura: isaffilek ir-ruħ, jgħinek tħares ’il bogħod, ma jħallikx imjassar fil-mument iebes u mudlam tad-diffikultajiet.

 

Hemm tagħlim kbir f’dik it-talba li għal tmien sekli sħaħ ma waqfet qatt tħabbat bil-qawwa, u li San Franġisk niseġ lejn tmiem ħajtu: l-“Għanja ta’ oħtna x-xemx” jew “tal-ħlejjaq”. Il-Fqajjar ma kitibhiex f’mument ta’ ferħ, meta kien qed iħossu sew, imma għall-kuntrarju kitibha fit-taqtigħ il-qalb. Franġisku issa kien kważi agħma, u kien qed iħoss fil-qalb tiegħu t-toqol ta’ solitudni li qatt qabel ma kien għadu ġarrab: id-dinja ma kinitx inbidlet minn meta kien beda jipprietka, kien għad hemm min qed jinħela fil-ġlied, u iktar minn hekk beda jħoss il-passi tal-mewt joqorbu. Seta’ kien il-mument tad-delużjoni, ta’ dik id-delużjoni estrema li fiha jħoss il-falliment tiegħu jagħfas fuqu. Imma Franġisku f’dak il-waqt ta’ diqa, f’dak il-mument mudlam, jitlob. Kif jitlob? “Laudato si’, mi Signore…”. Jitlob billi jfaħħar. Franġisku jfaħħar lil Alla ta’ kollox, għad-doni kollha tal-ħolqien, u anki għall-mewt, li bil-kuraġġ kollu jsejħilha “oħtu”, “oħtna l-mewt”. Dawn l-eżempji tal-qaddisin, tal-Insara, anki ta’ Ġesù, li jfaħħru lil Alla fil-mumenti ibsin, jiftħulna l-bibien għal triq kbira ħafna li twassalna għand il-Mulej u dejjem isaffuna. It-talb ta’ tifħir jiswa dejjem biex isaffina.

 

Il-qaddisin juruna li tista’ tagħti ġieħ dejjem, fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin, għax Alla huwa l-Ħabib fidil. Din hi l-bażi tat-tifħir: Alla hu l-Ħabib fidil, u mħabbtu ma tonqos qatt. Hu dejjem qrib tagħna, hu jistenniena dejjem. Xi ħadd qal: “Hu l-għassies li jinsab qrib tiegħek u għalhekk tista’ timxi ’l quddiem bla nkwiet”. Fil-mumenti ibsin u koroh, ejjew insibu l-kuraġġ li ngħidu: “Imbierek int, Mulej”. Ħa nfaħħru lill-Mulej. Dan jagħmlilna ħafna ġid.

  

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard