IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 12 ta’ April 2023

 

Katekeżi. Il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni: iż-żelu appostoliku ta’ min jemmen. 10. Xhieda: 2. San Pawl

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Wara li ġimagħtejn ilu rajna l-qabża li seħħet fil-ħeġġa personali ta’ San Pawl għall-Vanġelu, illum nistgħu nirriflettu iktar fil-fond fuq iż-żelu evanġeliku hekk kif hu stess jitkellem fuqu u jfissru f’xi ittri tiegħu.

 

Grazzi għall-istess esperjenza tiegħu, Pawlu ma jinjorax il-periklu ta’ żelu żbaljat, orjentat lejn direzzjoni żbaljata; f’dan il-periklu kien waqa’ hu stess qabel il-waqgħa providenzjali fit-triq tiegħu lejn Damasku. Xi drabi jkollna premura orjentata ħażin, akkanita fl-osservanza ta’ normi purament umani u li għadda żmienhom għall-komunità Nisranija. “Huma”, jikteb l-Appostlu, “ifittxukom, iżda mhux b’fehma tajba” (Gal 4:17).

 

Ma nistgħux ninjoraw il-ħeġġa li biha xi wħud jiddedikaw ruħhom għal ħidmiet żbaljati anki fl-istess komunità Nisranija; wieħed jista’ jiftaħar b’ħeġġa evanġelika qarrieqa meta fir-realtà jkun qed jiġri wara l-vanaglorja jew il-konvinzjonijiet tiegħu jew xi ftit jew wisq l-imħabba tiegħu nnifsu.

 

Għalhekk nistaqsu: skont Pawlu, liema huma l-karatteristiċi taż-żelu evanġeliku veru? Naħseb li għal dan ikun utli t-test li smajna fil-ftuħ, lista ta’ “armi” li l-Appostlu jindika għall-battalja spiritwali. Fost dawn hemm il-prontezza fit-tixrid tal-Vanġelu, tradotta minn xi wħud bħala “żelu” – din il-persuna hi żelanti biex tmexxi dawn l-ideat, dawn il-ħwejjeġ –, u indikata bħala “xedd” tar-riġlejn. Għaliex? Kif inhi din li l-ħeġġa għall-Vanġelu hi marbuta ma’ dak li wieħed jilbes f’riġlejh? Din il-metafora terġa’ taqbad test tal-profeta Iżaija, li jgħid hekk: “Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji / r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara, / ta’ min ixandar is-sliem, / ta’ min iħabbar ir-risq, / ta’ min ixandar is-salvazzjoni, / u jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek isaltan’!” (52:7).

 

Hawn ukoll insibu riferiment għar-riġlejn ta’ ħabbar ta’ ħwejjeġ tajba. Għaliex? Għax min imur iħabbar irid jiċċaqlaq, irid jimxi! Imma ninnutaw ukoll li Pawlu, f’dak it-test, jitkellem fuq dak li wieħed jilbes f’riġlejh bħala parti minn armatura, skont l-analoġija tal-armatura ta’ suldat li joħroġ għall-battalja: fil-ġlied kien fundamentali li jkollok stabbiltà ta’ appoġġ, biex tevita l-perikli tal-art, għax spiss l-avversarju kien iqiegħd nasbiet fil-kamp tal-battalja, u biex ikollok il-qawwa meħtieġa biex tiġri u titħarrek lejn id-direzzjoni t-tajba. Għalhekk, dak li wieħed jilbes f’riġlejh qiegħed biex jiġri u jevita dawn il-ħwejjeġ kollha tal-avversarju.

 

Iż-żelu evanġeliku hu l-appoġġ li fuqu tistrieħ it-tħabbira, u l-ħabbara huma xi ftit jew wisq bħar-riġlejn tal-ġisem ta’ Kristu li hija l-Knisja. Ma hemmx aħbar mingħajr moviment, mingħajr “ħruġ”, mingħajr inizjattiva. Dan ifisser li ma hemmx Nisrani jekk mhux f’mixja, ma hux Nisrani jekk in-Nisrani ma joħroġx minnu nnifsu biex jimxi u jwassal l-aħbar. Ma hemmx tħabbira mingħajr moviment, mingħajr mixja. Ma nistgħux inxandru l-Vanġelu weqfin, magħluqin f’uffiċċju, wara l-iskrivanija jew il-kompjuter noħolqu l-polemiċi bħal dawk li jinħbew wara t-tastiera, u flok il-kreattività tat-tħabbira npoġġu l-ikkopja-u-waħħal ta’ ideat meħuda minn hawn u minn hemm. Il-Vanġelu nħabbruh billi nitħarrku, nimxu, immorru.

 

It-terminu użat minn Pawlu, biex juri x’għandu jilbes f’riġlejh min iwassal il-Vanġelu, hija kelma Griega li turi prontezza, preparazzjoni, ħeffa. Bil-maqlub tat-telqa, li hi inkompatibbli mal-imħabba. Fil-fatt, band’oħra Pawlu jgħid: “Tħallux il-ħrara tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, aqdu lill-Mulej” (Rum 12:11). Dan l-atteġġjament kien dak mitlub fil-Ktieb tal-Eżodu minn min kellu jiċċelebra s-sagrifiċċju tal-ħelsien tal-Għid: “U tikluh hekk: qaddejkom imħażżma, bil-qorq f’riġlejkom u l-ħatar f’idejkom; u tikluh bl-għaġla. Din hi l-mogħdija tal-Mulej. Għax dak il-lejl jiena ngħaddi” (12:11-12a).

 

Il-ħabbar hu lest biex jitlaq, u jaf li l-Mulej jgħaddi b’mod li hu ma kienx jistenna; allura jrid ikun ħieles minn skemi u lest minn qabel għal azzjoni mhux mistennija u ġdida: imħejji għas-sorpriżi. Min iħabbar il-Vanġelu ma jistax jibqa’ ffossilizzat f’gaġeġ ta’ plawsibbiltà jew fil-“minn dejjem hekk sar”, imma hu lest isegwi għerf li mhuwiex ta’ din id-dinja, kif jgħid Pawlu meta jitkellem fuqu nnifsu: “Il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla” (1 Kor 2:4-5).

 

Din hi, ħuti: importanti jkollna din il-prontezza għall-ġdid tal-Vanġelu, dan l-atteġġjament li hu qabża mħeġġa, li nieħdu l-inizjattiva, immorru aħna l-ewwel. Hekk ma nħallux jaħarbulna l-okkażjonijiet biex inxandru l-Vanġelu tas-sliem, dak is-sliem li Kristu jaf jagħti iżjed u aħjar minn kif tagħtih id-dinja. U għalhekk inħeġġiġkom tkunu evanġelizzaturi li jiċċaqilqu, bla biża’, li timxu ’l quddiem, biex twasslu l-ġmiel ta’ Ġesù, biex twasslu l-ġdid ta’ Ġesù li jibdel kollox. “Iva, Dun, jibdel il-kalendarju, għax issa aħna ngħoddu s-snin qabel Ġesù…” – “Imma jibdel ukoll il-qalb: u int lest tħalli lil Ġesù jibdillek qalbek? Jew int Nisrani biered, li ma jiċċaqlaqx? Aħseb ftit: int imħeġġeġ għal Ġesù, timxi ’l quddiem? Aħseb ftit…”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard