IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 11 ta’ Novembru 2020

Katekeżi fuq it-talb – 14. It-talb perseveranti

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bil-katekeżi tagħna fuq it-talb. Xi ħadd qalli: “Int qed tgħid wisq fuq it-talb. M’hemmx bżonn daqshekk”. Iva, hemm bżonn. Għax jekk ma nitolbux, ma nsibux il-qawwa biex nibqgħu mexjin fil-ħajja. It-talb hu bħall-ossiġnu tal-ħajja. It-talb ifisser niġbdu fuqna l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu li dejjem imexxina ’l quddiem. Għalhekk jiena nitkellem tant fuq it-talb.

 

Ġesù tana eżempju ta’ talb kontinwu, ipprattikat b’perseveranza. Id-djalogu kontinwu mal-Missier, fis-skiet u l-ġabra, huwa l-fulkru tal-missjoni kollha tiegħu. Il-Vanġeli jġibu wkoll l-eżortazzjonijiet tiegħu lid-dixxipli, biex jitolbu bla waqfien, bla heda. Il-Katekiżmu jfakkarna fit-tliet parabboli fil-Vanġelu ta’ Luqa li jisħqu fuq dan l-aspett tat-talb (ara KKK, 2613) ta’ Ġesù.

 

It-talb għandu jkun qabelxejn determinat: bħall-persunaġġ tal-parabbola li, billi kellu jilqa’ għandu mistieden li wasal ħabta u sabta, f’nofs ta’ lejl imur iħabbat lil ħabibu jitolbu l-ħobż. Ħabibu jwieġbu “le!”, għax kien diġà fis-sodda, imma dan jibqa’ jinsisti u jinsisti sakemm l-ieħor ikollu jqum u jagħtih il-ħobż (ara Lq 11:5-8). Talba determinata. Imma Alla għandu iktar sabar minna, u min iħabbat bil-fidi u l-perseveranza fuq il-bieb tal-qalb tiegħu ma jibqax deluż. Alla jwieġeb dejjem. Dejjem. Missierna jaf tajjeb x’għandna bżonn; l-insistenza ma sservix biex tinfurmah jew tikkonvinċih, imma sservi biex tkabbar fina x-xewqa u l-istennija.

 

It-tieni parabbola hi dik tal-armla li tmur għand l-imħallef biex jagħmlilha ħaqq. Dan l-imħallef hu korrott, hu bniedem bla skrupli, imma fl-aħħar, tant iddejqu tinsisti l-armla, li jaqtagħha li jikkuntentaha (ara Lq 18:1-8). U jgħid bejnu u bejn ruħu: “Naħseb aħjar insolvilha l-problema u neħles minnha, biex ma toqgħodx tiġi teħodli rasi kull darba”. Din il-parabbola tgħinna nifhmu li l-fidi mhix il-ħeġġa ta’ mument wieħed, imma dispożizzjoni kuraġġjuża biex nitolbu lil Alla, anki “niddiskutu” miegħu, mingħajr qatt ma nirrassenjaw ruħna quddiem il-ħażen u l-inġustizzja.

 

It-tielet parabbola tippreżenta Fariżew u pubblikan li jmorru fit-Tempju jitolbu. L-ewwel wieħed idur fuq Alla jiddandan bil-merti tiegħu; l-ieħor ma jħossux denn imqar li jidħol fis-santwarju. Imma Alla ma jagħtix widen għat-talba tal-ewwel wieħed, jiġifieri tas-suppervi, waqt li jisma’ dik tal-umli (ara Lq 18:9-14). It-talba tagħna ma tistax tkun vera jekk ma fihiex spirtu ta’ umiltà. Hija proprju l-umiltà li twassalna biex nitolbu.

 

It-tagħlim tal-Vanġelu hu ċar: għandna nitolbu dejjem, imqar meta kollox jidher għalxejn, meta Alla jidher trux u mutu u nħossu li qed naħlu l-ħin. Imqar jekk is-sema jiddallam, in-Nisrani qatt ma jieqaf jitlob. It-talba tiegħu timxi pass pass mal-fidi. U l-fidi, f’tant ġranet ta’ ħajjitna, tista’ tidher illużjoni, taħbit fil-vojt. Ikun hemm mumenti mudlama, fil-ħajja tagħna, u f’dawk il-mumenti l-fidi tidher illużjoni. Imma li nitolbu jfisser ukoll nilqgħu dan it-taħbit. “Dun, jiena mmur nitlob u ma nħoss xejn… inħossni hekk, b’qalbi xotta, b’qalbi niexfa”. Imma jeħtieġ nibqgħu għaddejjin, b’dan it-taħbit tal-mumenti koroh, tal-mumenti li fihom ma nħossu xejn. Tant qaddisin ġarrbu l-lejl tal-fidi u s-skiet ta’ Alla – meta aħna nħabbtu u Alla ma jweġibx – u dawn il-qaddisin kienu perseveranti.

 

F’dawn l-iljieli tal-fidi, min jitlob mhu qatt waħdu. Fil-fatt Ġesù mhuwiex biss xhud u mgħallem tat-talb, huwa iżjed minn hekk. Hu jilqagħna fit-talba tiegħu, biex aħna nistgħu nitolbu fih u permezz tiegħu. U din hi ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hu għal din ir-raġuni li l-Vanġelu jistedinna nitolbu lill-Missier f’isem Ġesù. San Ġwann iġib dan il-kliem tal-Mulej: “U jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun igglorifikat permezz ta’ Ibnu” (14:13). U l-Katekiżmu jispjega li “aħna żguri li dak li nitolbu se jingħatalna għax ibbażat fuq it-talba ta’ Ġesù” (n. 2614). Din tagħti l-ġwienaħ li t-talba tal-bniedem dejjem xtaqet li jkollha.

 

Kif nistgħu hawn ninsew il-kelmiet tas-Salm 91, mimlijin fiduċja, ħerġin minn qalb li f’kollox tittama f’Alla: “Bir-rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Ma tibżax mill-biża’ tal-lejl, anqas minn vleġġa li tittajjar binhar, minn pesta li tixtered fid-dlam, jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar” (vv. 4-6)! Huwa fi Kristu li sseħħ din it-talba stupenda, huwa fih li ssib il-verità sħiħa tagħha. Mingħajr Ġesù, it-talb tagħna jkun jirriskja li jirriduċi ruħu għal sforzi umani, ħafna drabi ddestinati għall-falliment. Imma hu ħa fuqu kull karba tagħna, kull bikja, kull ferħ, kull supplika… kull talba umana. U ma ninsewx lill-Ispirtu s-Santu li jitlob fina; huwa dak li jwassalna biex nitolbu, iwassalna għand Ġesù. Huwa d-don li l-Missier u l-Iben tawna biex naslu għal-laqgħa tagħna ma’ Alla. U l-Ispirtu s-Santu, meta aħna nitolbu, huwa l-Ispirtu s-Santu li jitlob fi qlubna.

 

Kristu hu kollu kemm hu għalina, anki fil-ħajja tat-talb tagħna. Dan kien jgħidu Santu Wistin b’espressjoni mdawla, li nsibu wkoll fil-Katekiżmu: Ġesù “jitlob għalina bħala l-Qassis tagħna, jitlob fina bħala ras tagħna, hu mitlub minna bħala Alla tagħna. Nagħrfu mela l-ilħna tagħna fih u l-ilħna tiegħu fina” (n. 2616). U huwa għalhekk li n-Nisrani li jitlob ma jibża’ minn xejn, jafda fl-Ispirtu s-Santu, li ngħata lilna bħala don u li jitlob fina, iqanqalna għat-talb. Ħa jkun l-istess Spirtu s-Santu, Mgħallem tat-talb, li jgħallimna t-triq tat-talb.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard