IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 11 ta’ Ottubru 2023

 

Katekeżi. Il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni: iż-żelu appostoliku ta’ min jemmen. 22. Santa Ġużeppina Bakhita: xhud tal-qawwa trasformatriċi tal-maħfra ta’ Kristu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-mixja ta’ katekeżi dwar iż-żelu appostoliku – qed nirriflettu fuq iż-żelu appostoliku –, illum se nħallu tnebbaħna x-xhieda ta’ Santa Ġużeppina Bakhita, qaddisa mis-Sudan. B’xorti ħażina s-Sudan ilu xhur mifni minn kunflitt terribbli bl-armi li llum ftit li xejn nitkellmu fuqu; nitolbu għall-poplu Sudaniż, biex jista’ jgħix fil-paċi! Imma l-fama ta’ Santa Bakhita qabżet kull konfini u laħqet lil dawk kollha li lilhom tiġi rrifjutata identità u dinjità.

 

Imwielda Darfur – il-mifni Darfur – fl-1869, ġiet maħtufa minn ġol-familja tagħha fl-età ta’ seba’ snin u spiċċat ilsira. Dawk li ħatfuha semmewha “Bakhita”, li tfisser “xortiha tajba”. Għaddiet minn taħt idejn tmien proprjetarju – wieħed ibigħ lill-ieħor… It-tbatijiet fiżiċi u morali li tagħhom kienet vittma minn ċkunitha ħallewha bla identità. Ġarrbet kefrijiet u vjolenzi: fuq il-ġisem tagħha kienet iġġorr iżjed minn mitt ċikatriċi. Imma hi stess tat xhieda: “Bħala lsira qatt ma ddisprajt, għax kont inħoss qawwa misterjuża tweżinni”.

 

Quddiem dan jien nistaqsi: liema kien is-sigriet ta’ Santa Bakhita? Nafu li spiss il-persuna miġruħa tispiċċa tweġġa’ lil ħaddieħor hi; il-magħkus faċilment isir hu dak li jgħakkes. Imma l-vokazzjoni tal-magħkusa hi dik li jeħilsu lilhom infushom u lil dawk li jgħakksuhom u jsiru restawraturi tal-umanità. Fid-dgħufija tal-magħkusin biss tista’ tidher il-qawwa tal-imħabba ta’ Alla li jeħles lit-tnejn li huma. Santa Bakhita tesprimi tajjeb wisq din il-verità. Jum wieħed it-tutur tagħha rregalalha Kurċifiss żgħir, u hi, li qatt ma kellha xejn tagħha, għożżitu bħal teżor li ma xtaqet lil ħadd imisshulha. Hija u tħares lejh kienet tħoss liberazzjoni interjuri għax kienet tħossha mifhuma u maħbuba u allura kapaċi tifhem u tħobb: dan huwa l-ewwel pass. Ħassitha mifhuma, ħassitha maħbuba u allura kapaċi tifhem u tħobb lill-oħrajn. Fil-fatt hi qalet: “L-imħabba ta’ Alla dejjem seħbitni b’mod misterjuż… Il-Mulej ħabbni wisq: hemm bżonn inħobb lil kulħadd… Hemm bżonn nikkumpatixxi!”. Din hija r-ruħ ta’ Bakhita. Tassew, tikkum-patixxi tfisser kemm tħoss mal-vittmi ta’ tant diżumanità preżenti fid-dinja, u anki tikkumpatixxi lil min jagħmel żbalji u inġustizzji, bla ma tiġġustifika, imma tumanizza. Din hi ż-żegħila li tgħallimna: numanizzaw. Meta nidħlu fil-loġika tal-ġlied, tal-firda bejnietna, tas-sentimenti kiefra, wieħed kontra l-ieħor, nitilfu l-umanità. U ħafna drabi ngħidu li għandna bżonn ta’ umanità, li nkunu iżjed umani. U din hija l-ħidma li tgħallimna Santa Bakhita: numanizzaw, numanizzaw lilna nfusna u numanizzaw lill-oħrajn.

 

Santa Bakhita, meta saret Nisranija, ħassitha mibdula mill-kelmiet ta’ Kristu li kienet timmedita ta’ kuljum: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Għalhekk kienet tgħid: “Kieku Ġuda talab maħfra lil Ġesù, hu wkoll kien isib ħniena”. Nistgħu ngħidu li l-ħajja ta’ Santa Bakhita saret parabbola eżistenzjali tal-maħfra. Xi ġmiel tgħid dwar persuna li “kellha l-ħila, kienet kapaċi taħfer dejjem”. U hi kienet kapaċi tagħmel dan dejjem, anzi: il-ħajja tagħha hija parabbola eżistenzjali tal-maħfra. Naħfru għax imbagħad aħna se niġu maħfura. Tinsewhx dan: il-maħfra, li hi ż-żegħila ta’ Alla lilna lkoll.

 

Il-maħfra għamlitha persuna ħielsa. Il-maħfra li l-ewwel irċevietha mill-imħabba ħanina ta’ Alla, u mbagħad il-maħfra li tat għamlitha mara ħielsa, hienja, kapaċi tħobb.

 

Bakhita setgħet tgħix il-qadi mhux bħala jasar, imma bħala espressjoni l-għotja ħielsa tagħha nfisha. U dan hu importanti ħafna: hi saret qaddejja minn jeddha – ġiet mibjugħa bħala lsira – u mbagħad għażlet b’mod ħieles li tkun qaddejja, li ġġorr fuq spallejha t-tagħbijiet tal-oħrajn.

 

Santa Ġużeppina Bakhita, bl-eżempju tagħha, turina t-triq biex sa fl-aħħar inkunu ħielsa mill-jasar u l-biżgħat tagħna. Tgħinna nikxfu l-maskri tal-ipokreziji u l-egoiżmi tagħna, biex nissuperaw kull korla u ġlied. U dejjem tinkuraġġina.

 

Għeżież ħuti, il-maħfra ma tneħħi xejn imma żżid – xi żżid il-maħfra? – dinjità: il-maħfra ma tneħħi xejn imma żżid id-dinjità tal-persuna, terfgħalna ħarsitna minn fuqna nfusna lejn l-oħrajn, biex narawhom, iva, dgħajfin daqsna, imma dejjem ħutna fil-Mulej. Ħuti, il-maħfra hi għajn ta’ żelu li jsir ħniena u jsejjaħ għal qdusija umli u hienja, bħal dik ta’ Santa Bakhita.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard