IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 11 ta’ Marzu 2020

 

Katekeżi fuq il-Beatitudnijiet: 5. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fl-udjenza tal-lum se nkomplu nimmeditaw fuq it-triq imdawla tal-ferħ li l-Mulej tana fil-Beatitudnijiet, u wasalna fir-raba’ waħda: “Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin” (Mt 5:6).

 

Diġà ltqajna mal-faqar fl-ispirtu u mal-biki; issa għandna quddiemna għamla oħra ta’ dgħufija, dik marbuta mal-ġuħ u mal-għatx. Il-ġuħ u l-għatx huma ħtiġijiet primarji, għax għandhom x’jaqsmu ma’ li wieħed iżomm ħaj. Din irrdu nenfasizzawha: hawn m’aħniex nitkellmu fuq xi xewqa ġenerika, imma fuq esiġenza vitali u tal-ħajja ta’ kuljum, jiġifieri li wieħed jitrejjaq biex jgħix.

 

Imma xi jfisser tkun bil-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja? Żgur li m’aħniex nitkellmu fuq dawk li jridu l-vendetta, anzi, fil-beatitudni ta’ qabel tkellimna dwar il-qalb ħelwa. Bla dubju ta’ xejn l-inġustizzji jfieru lill-umanità; is-soċjetà umana għandha bżonn mill-aktar fis ta’ ugwaljanza, ta’ verità u ta’ ġustizzja soċjali; ejjew niftakru li l-ħażen li jġarrbu l-bnedmin tad-dinja jasal sal-qalb ta’ Alla l-Missier. Liema missier ma jbatix minħabba fl-uġigħ ta’ wliedu?

 

L-Iskrittura tkellimna fuq it-tbatija tal-foqra u tal-maħqurin li Alla jaf u jaqsam magħhom. Meta sema’ l-karba ta’ tbatija li telgħet quddiemu minn fomm ulied Iżrael – kif jirrakkonta l-ktieb tal-Eżodu (ara 3:7-10) – Alla niżel jeħles lill-poplu tiegħu. Imma l-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja li fuqhom ikellimna l-Mulej huma bil-wisq iżjed profondi mill-ħtieġa leġittima ta’ ġustizzja umana li kull bniedem iġorr f’qalbu.

 

Fl-istess “Diskors tal-Muntanja”, ftit iżjed ’il quddiem, Ġesù jitkellem fuq ġustizzja ikbar mid-dritt uman jew mill-perfezzjoni personali, meta jgħid: “Jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 5:20). U din hi l-ġustizzja li ġejja minn Alla (ara 1 Kor 1:30).

 

Fl-Iskrittura nsibu l-espressjoni ta’ għatx iktar profond minn dak fiżiku, li hu xewqa mqiegħda fl-għeruq tal-istess eżistenza tagħna. Hemm Salm jgħid hekk: “Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex. Ruħi bil-għatx għalik, għalik imxennaq jiena, bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma” (Salm 63:2). Missirijiet il-Knisja jitkellmu fuq dan in-nuqqas ta’ serħan li jgħammar fil-qalb tal-bniedem. Santu Wistin jgħid: ““Inti għamiltna għalik, Mulej, u qalbna ma ssibx kwiet qabel ma tistrieħ fik”.[1] Hemm għatx interjuri, ġuħ interjuri, nuqqas ta’ serħan…

 

F’kull qalb, saħansitra fl-iżjed persuna korrotta u mbiegħda mit-tajjeb, hemm moħbija xenqa għad-dawl, anki jekk tinsab taħt it-tiġrif tal-qerq u tal-iżbalji, imma dejjem hemm l-għatx għall-verità u għall-ġid, li hu l-għatx ta’ Alla. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jqanqal dan l-għatx: huwa l-ilma ħaj li jagħġen it-trab tagħna, huwa n-nifs ħallieq li tah il-ħajja.

 

Għalhekk il-Knisja hi mibgħuta xxandar lil kulħadd il-Kelma ta’ Alla, mgħaddsa fl-Ispirtu s-Santu. Għax il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu huwa l-ikbar ġustizzja li tista’ tiġi offruta lill-qalb tal-umanità, li għandha bżonn sħiħ tagħha, imqar jekk ma tintebaħx b’dan.[2]

 

Ngħidu aħna, meta raġel u mara jiżżewġu, ikollhom f’moħħhom li jagħmlu xi ħaġa kbira u sabiħa, u jekk iżommu ħaj dan l-għatx, isibu dejjem it-triq biex jimxu ’l quddiem, qalb il-problemi, bl-għajnuna tal-Grazzja. Anki ż-żgħażagħ għandhom dan l-għatx, u m’għandhomx jitilfuh! Hemm bżonn inħarsu u nkebbsu fil-qalb tat-tfal dik ix-xewqa għall-imħabba, għall-ħlewwa, għall-akkoljenza li jesprimu fil-ħeġġa sinċiera u mdawla tagħhom.

 

Kull persuna hi msejħa tiskopri mill-ġdid x’jiswa verament, ta’ xiex għandha bżonn tassew, x’inhu dak li jgħinha tgħix tajjeb u, fl-istess waqt, x’inhu sekondarju, u x’inhu dak li tista’ tgħaddi mingħajru bla nkwiet ta’ xejn.

 

F’din il-beatitudni – il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja – Ġesù jħabbar għatx li mhux sa jibqa’ mhux maqtugħ; għatx li, jekk nagħtu kasu, jiġi maqtugħ u jeħodna dejjem lejn tmiem tajjeb, għax jikkorrispondi għall-istess qalb ta’ Alla, għall-Ispirtu Qaddis tiegħu li hu mħabba, u anki għaż-żerriegħa li l-Ispirtu s-Santu żera’ fil-qlub tagħna. Ħa jagħtina l-Mulej din il-grazzja: li jkollna dan l-għatx għall-ġustizzja li hu sewwasew ix-xewqa li nsibuh, li naraw lil Alla u li nagħmlu l-ġid lill-oħrajn.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Stqarrijiet, 1,1.5.

[2] Ara Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2017: “Il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu tagħtina l-ġustizzja ta’ Alla. L-Ispirtu huwa u jgħaqqadna permezz tal-fidi u tal-Magħmudija, mal-Passjoni u l-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, jagħtina sehem mill-ħajja tiegħu”.