IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 7 ta’ Ottubru 2020

 

Katekeżi – 9. It-talba ta’ Elija

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nerġgħu naqbdu l-katekeżi tagħna fuq it-talb, li waqqafna għal ftit biex nagħmlu l-katekeżi fuq l-għożża tal-ħolqien, u issa nerġgħu naqbdu fejn ħallejna; u niltaqgħu ma’ wieħed mill-iżjed persunaġġi interessanti tal-Iskrittura Mqaddsa: il-profeta Elija. Huwa jaqbeż il-konfini ta’ żmienu u nistgħu nilmħu l-preżenza tiegħu anki f’xi episodji tal-Vanġelu. Jidher maġenb Ġesù, flimkien ma’ Mosè, fil-ħin tat-Trasfigurazzjoni (ara Mt 17:3). Ġesù nnifsu jitnebbaħ mill-figura tiegħu biex iwettaq bi kliemu x-xhieda ta’ Ġwanni l-Battista (ara Mt 17:10-13).

 

Fil-Bibbja, Elija jidher ħabta u sabta, b’mod misterjuż, ġej minn raħal ċkejken għalkollox imwarrab (ara 1 Slat 17:1); u fl-aħħar joħroġ mix-xena, taħt għajnejn id-dixxiplu Eliżew, fuq karru tan-nar li jtellgħu s-sema (ara 2 Slat 2:11-12). Għalhekk huwa bniedem mingħajr oriġni preċiż, u fuq kollox mingħajr tmiem, maħtuf fis-sema: għalhekk ir-ritorn tiegħu kien mistenni qabel il-miġja tal-Messija, bħal prekursur. Hekk kienu jistennewh ir-ritorn ta’ Elija.

 

L-Iskrittura tippreżentalna lil Elija bħala bniedem ta’ fidi ċara daqs il-kristall: fl-istess isem tiegħu, li aktarx ifisser “Jaħweh hu Alla”, hemm miġbur is-sigriet tal-missjoni tiegħu. Hekk jibqa’ għal ħajtu kollha: bniedem integru ħafna, ma jafx x’inhuma l-kompromessi medjokri. Is-simbolu tiegħu huwa n-nar, xbieha tal-qawwa ta’ Alla li jsaffi u jnaddaf. Huwa l-ewwel wieħed li jkollu joqgħod għall-prova iebsa, u jibqa’ fidil. Huwa xempju għall-persuni kollha ta’ fidi li jġarrbu t-tentazzjonijiet u t-tbatijiet, imma ma jmorrux kontra l-ideal li għalih ġew fid-dinja.

 

Mit-talb hu jixrob il-ħin kollu l-qawwa għal ħajtu. Għalhekk hu wieħed mill-egħżeż persunaġġi għat-tradizzjoni monastika, tant li xi wħud ħatruh missier spiritwali tal-ħajja kkonsagrata lil Alla. Elija huwa l-bniedem ta’ Alla, li jogħla ’l fuq bħala difensur tal-primat tal-Aktar Għoli. Madankollu, huwa wkoll ikollu jħabbat wiċċu mad-dgħufijiet tiegħu. Diffiċli ngħidu liema esperjenzi swewlu l-aktar: jekk hux ir-rebħa fuq il-profeti foloz fuq il-muntanja tal-Karmelu (ara 1 Slat 18:20-40), jew inkella l-ħarba fid-deżert fejn jgħid li “mhuwiex aħjar minn missirijietu” (ara 1 Slat 19:4). Fir-ruħ ta’ min jitlob, is-sens tad-dgħufija tiegħu hu iktar prezzjuż mill-mumenti ta’ eżaltazzjoni, meta l-ħajja tidher qisha rikba ta’ rebħiet u ta’ suċċessi. Fit-talb dejjem hekk jiġri: mumenti ta’ talb li aħna nħossuhom jerfgħuna ’l fuq, anki ta’ entużjażmu, u mumenti ta’ talb ta’ tbatija, ta’ nixfa, ta’ tiġrib. It-talb hekk hu: inħallu lil Alla jerfagħna u nħallu wkoll isawtuna sitwazzjonijiet koroh u anki tentazzjonijiet. Din hi realtà li nerġgħu nsibuha anki f’tant sejħat bibliċi oħra, anki fit-Testment il-Ġdid, biżżejjed naħsbu f’San Pietru u San Pawl. Anki ħajjithom kienet hekk: mumenti fejn kienu minn fuq u mumenti fejn kienu minn taħt, ta’ tbatija.

 

Elija hu l-bniedem ta’ ħajja kontemplattiva u, fl-istess ħin, ta’ ħajja attiva, imħasseb bil-ġrajjiet ta’ żmienu, kapaċi jeħodha kontra s-sultan u s-sultana, wara li dawn kienu qatlu lil Nabot biex jieħdu l-għalqa tad-dwieli tiegħu (ara 1 Slat 21:1-24). Kemm għandna bżonn ta’ Nsara li jemmnu, ta’ Nsara żelanti, li jaġixxu quddiem persuni li għandhom responsabbiltà li jmexxu, bl-istess kuraġġ ta’ Elija, biex jgħidulhom: “Dan m’għandux isir! Dan qtil!”. Għandna bżonn tal-ispirtu ta’ Elija. Hu jurina li m’għandux ikun hemm dikotomija fil-ħajja ta’ min jitlob: ninsabu quddiem il-Mulej u hekk niltaqgħu ma’ ħutna li għandhom hu jibgħatna. It-talb ma jfissirx ningħalqu mal-Mulej biex nirtukkjaw ruħna: le, dan mhuwiex talb, hekk inkunu biss qed nagħmlu tabirruħna li qed nitolbu. It-talb hu konfront ma’ Alla u nħalluh jibgħatna naqdu lil ħutna. Il-bank tal-prova tat-talb hu l-imħabba konkreta għall-proxxmu. U bil-kontra: min jemmen, jaġixxi fid-dinja wara li qabel ikun waqaf u talab; inkella l-azzjoni tiegħu tkun impulsiva, tkun nieqsa minn dixxerniment, tkun ġirja bla waqfien u mingħajr destinazzjoni. Fost min jemmen hemm min iġib ruħu hekk, u jagħmel ħafna ħsara, għax qabel ma jkunx mar għand il-Mulej biex jitlob, biex jgħarbel x’għandu jagħmel.

 

Il-paġni tal-Bibbja jħalluna naħsbu li anki l-fidi ta’ Elija għamlet progress: anki hu ried jikber fit-talb, irfinah ftit ftit. Il-wiċċ ta’ Alla sar għalih iktar ċar tul il-mixja. Sakemm laħaq il-quċċata tiegħu f’dik l-esperjenza straordinarja, meta Alla wera ruħu lil Elija fuq il-muntanja (ara 1 Slat 19:9-13). Wera ruħu mhux fil-maltempata qawwija, mhux fit-theżżiża jew fin-nar li jibla’ kollox, imma fiż-“żiffa ħelwa” (v. 12). Jew aħjar, traduzzjoni li tirrifletti tajjeb dik l-esperjenza: f’ħajta ta’ ħemda li tinstema’. Hekk jidher Alla lil Elija. Huwa b’dan is-sinjal umli li Alla juri ruħu lil Elija, li f’dak il-mument hu profeta maħrub li tilef il-paċi. Alla jiġi jiltaqa’ ma’ bniedem għajjien, bniedem li ħaseb li kien falla f’kollox, u b’dik iż-żiffa ħelwa, b’dik il-ħajta ta’ ħemda li tinstema’, ireġġa’ lura f’qalbu l-kalma u l-paċi.

 

Din hi l-ġrajja ta’ Elija, imma donnha miktuba għalina lkoll. Xi darba filgħaxija nistgħu nħossuna bla skop u waħidna. U hemm it-talb jiġi u jħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna. Biċċa mill-mantell ta’ Elija nistgħu niġbruha kollha kemm aħna, kif ġabar in-nofs tal-mantell id-dixxiplu tiegħu Eliżew. U mqar jekk inkunu żbaljajna xi ħaġa, jew inħossuna mhedda u mwerwra, meta nerġgħu lura quddiem il-Mulej fit-talb, jerġgħu lura għandna bħal f’miraklu anki s-serenità u l-paċi. Dan hu dak li jgħallimna l-eżempju ta’ Elija.

  

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard