IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 7 ta’ Settembru 2022

 

Katekeżi fuq id-Dixxerniment: 2. Eżempju: Injazju ta’ Loyola

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bir-riflessjoni tagħna fuq id-dixxerniment – f’dan iż-żmien, ta’ kull nhar ta’ Erbgħa se nitkellmu fuq id-dixxerniment spiritwali –, u għalhekk jista’ jiswielna ta’ għajnuna li nagħmlu riferiment għal xhieda konkreta.

 

Wieħed mill-eżempji li l-iżjed nistgħu nitgħallmu minnhom joffrihulna Sant’Injazju ta’ Loyola, b’episodju deċiżiv ta’ ħajtu. Injazju sab ruħu konvalexxenti d-dar, wara li ġie midrub f’riġlu waqt battalja. Biex ma jixbax, talabhom jagħtuh x’jaqra. Hu kien iħobb ir-rakkonti kavallereski, imma b’xorti ħażina fid-dar kien hemm biss ħajjiet tal-qaddisin. Adatta xi ftit kontra qalbu, imma huwa u jaqra beda jiskopri dinja oħra, dinja li rebħitu u donnha kienet tħaqqaqha sew ma’ dik tal-kavallieri. Baqa’ msaħħar mill-figuri ta’ San Franġisk u San Duminku u ħass f’qalbu x-xewqa li jsir jixbahhom. Imma anki d-dinja kavallereska baqgħet teżerċita s-seħer tagħha fuqu. U hekk ħass ġewwa fih din l-alternanza ta’ ħsibijiet, dawk kavallereski u dawk tal-qaddisin, li dehru ndaqs fil-valur.

 

Imma Injazju beda wkoll jinnota xi differenzi. Fl-Awtobijografija tiegħu – fit-tielet persuna – jikteb hekk: “Huwa u jaħseb fil-ħwejjeġ tad-dinja”, u, kif nistgħu nimmaġinaw, fil-ħwejjeġ kavallereski, “kien iħoss pjaċir kbir, imma meta, għajjien, kien jitlaqhom, kien iħossu battal u deluż. Imma sadattant, li jmur Ġerusalemm riġlejh għerja, ma jikolx ħlief ħxejjex, jipprattika l-awsteritajiet kollha li ra li kienu mdorrijin bihom il-qaddisin, dawn kienu ħsibijiet li mhux biss kienu jfarrġuh meta jieqaf fuqhom, imma mqar meta kien jitlaqhom kienu jħalluh sodisfatt u mimli bil-ferħ” (n. 8); kienu jħallulu ħjiel ta’ ferħ.

 

F’din l-esperjenza nistgħu ninnotaw fuq kollox żewġ aspetti. L-ewwel huwa ż-żmien: jiġifieri l-ħsibijiet tad-dinja għall-bidu jiġbdu l-għajn, imma mbagħad ma jibqgħux ileqqu u jħalluk vojt, imdejjaq, hekk iħalluk, ħaġa vojta. Il-ħsibijiet ta’ Alla, bil-maqlub, għall-ewwel iqanqlu ċerta reżistenza – “Imma din il-ħaġa ta’ dwejjaq tal-qaddisin ma rridx naqraha”, imma meta nilqgħuhom, iġibulna paċi li ma konniex nafu biha qabel, li tibqa’ żmien twil.

 

U hawn allura hu l-aspett l-ieħor: il-punt tal-wasla tal-ħsibijiet. Għall-bidu s-sitwazzjoni ma tidhirx wisq ċara. Hemm żvilupp fid-dixxerniment: ngħidu aħna, nifhmu x’inhu tajjeb għalina mhux b’mod astratt, ġenerali, imma tul il-mixja ta’ ħajjitna. Fir-regoli għad-dixxerniment, frott ta’ din l-esperjenza fundamentali, Injazju jqiegħed premessa importanti, li tgħinna nifhmu dan il-proċess: “F’dawk li għaddejjin minn dnub mejjet għal ieħor, l-għadu jħobb soltu jissuġġerilhom ħwejjeġ li jidhru qishom jagħtuhom pjaċir. Hu jagħmel b’mod li jimmaġinaw ħwejjeġ u xewqat li jgħaxxqu s-sensi, biex hekk iktar iżommhom fil-vizzji u jagħmlu iżjed dnubiet. Ma’ nies bħal dawn, l-ispirtu t-tajjeb jimxi bil-maqlub. Permezz tad-dawl tar-raġuni, jagħmel li l-kuxjenza tniggiżhom u jħossu rimors” (Eżerċizzi Spiritwali, 314). Imma dan mhux biżżejjed.

 

Hemm storja li tiġi qabel min jiddixxerni, storja li hi indispensabbli nkunu nafuha, għax id-dixxerniment mhuwiex xi għamla ta’ oraklu jew ta’ fataliżmu jew xi ħaġa tal-laboratorju, bħallikieku wieħed jitfa’ x-xorti fuq żewġ possibbiltajiet. Il-mistoqsijiet il-kbar jiġu meta fil-ħajja nkunu diġà għamilna biċċa triq, u f’din it-triq irridu nerġgħu mmorru biex nifhmu x’qed infittxu. Jekk fil-ħajja nimxu xi ftit, hemmhekk: “Imma għaliex jien miexi f’din id-direzzjoni, x’qed infittex?”, u hemm isir id-dixxerniment. Injazju, meta sab ruħu midrub, fid-dar ta’ missieru, ma kienx qed jaħseb f’Alla jew f’kif se jirriforma ħajtu, le. Hu għamel l-ewwel esperjenza tiegħu ta’ Alla billi sema’ x’qaltlu qalbu, li wrietu taqliba kurjuża: il-ħwejjeġ li mal-ewwel daqqa t’għajn kienu jidhru attraenti ħallewh deluż, u f’oħrajn, inqas brillanti, ħass paċi li twalet fiż-żmien. Aħna wkoll ikollna din l-esperjenza, ħafna drabi nibdew naħsbu f’ħaġa u nibqgħu mwaħħlin hemm u mbagħad niddeludu ruħna. Imma mbagħad nagħmlu opra ta’ karità, nagħmlu ħaġa tajba u nħossu l-ferħ, jiġik ħsieb tajjeb u tifraħ, ħaġa ta’ ferħ, hija esperjenza kollha kemm hi tagħna. Hu, Injazju, għamel l-ewwel esperjenza ta’ Alla, billi sema’ lil qalbu li wrietu taqliba kurjuża. Dan hu li aħna jeħtieġ nitgħallmu: nisimgħu lil qalbna: biex nifhmu x’qed jiġri, liema deċiżjoni għandna nieħdu, nagħmlu ġudizzju fuq sitwazzjoni, hemm bżonn nisimgħu lil qalbna. Aħna nisimgħu x’jgħidulna t-televiżjoni, ir-radju, il-mowbajl, aħna mgħallmin fis-smigħ; imma nistaqsik: taf tisma’ lil qalbek? Tieqaf biex tgħid: “Imma qalbi kif inhi? Sodisfatta, imdejqa, qed tfittex xi ħaġa?”. Biex nieħdu deċiżjonijiet tajba hemm bżonn nisimgħu lil qalbna.

 

Għalhekk Injazju jissuġġerixxi li naqraw il-ħajjiet tal-qaddisin, għaliex juru b’mod narrattiv u li jinftiehem x’inhu l-istil ta’ Alla fil-ħajja ta’ persuni mhux tant differenti minna, għax il-qaddisin kienu tad-demm u l-laħam bħalna. L-azzjonijiet tagħhom ikellmu lil tagħna u jgħinuna nifhmu t-tifsira tagħhom.

 

F’dak l-episodju famuż taż-żewġ sentimenti li kellu Injazju, wieħed huwa u jaqra l-ħwejjeġ tal-kavallieri u l-ieħor huwa u jaqra l-ħajja tal-qaddisin, nistgħu nilmħu aspett ieħor importanti tad-dixxerniment, li diġà semmejnieh l-aħħar darba. Hemm każwalità li tidher fil-ħwejjeġ li jiġrulna fil-ħajja: kollox donnu jitwieled minn diffikultà banali: ma kienx hemm kotba tal-kavallieri, imma biss ħajjiet tal-qaddisin. Diffikultà, imma li fiha kien hemm moħbija l-possibbiltà ta’ żvolta. Kien biss wara ftit taż-żmien li Injazju ntebaħ biha, u minn hawn hu ddedikalha l-attenzjoni kollha tiegħu. Isimgħu tajjeb: Alla jaħdem permezz ta’ ġrajjiet mhux programmabbli li jseħħu b’kumbinazzjoni, imma kumbinazzjoni ġrali hekk, kumbinazzjoni ltqajt ma’ din il-persuna, kumbinazzjoni rajt dak il-film, ma kienx ipprogrammat imma Alla jaħdem permezz ta’ ġrajjiet mhux programmabbli, u anki fid-diffikultajiet li jinqalgħu: “Imma jien kelli mmur passiġġata u nqalgħetli problema f’riġlejja, issa ma nistax…”. Diffikultà: x’qed jgħidlek Alla? X’qed tgħidlek il-ħajja hemm? Dan rajnieh ukoll f’silta mill-Vanġelu ta’ Mattew: raġel li kien qed jaħrat l-għalqa u ħabat ma’ teżor moħbi. Sitwazzjoni xejn mistennija. Imma l-importanti hu li jagħraf fiha x-xorti tajba ta’ ħajtu u b’konsegwenza ta’ dan jiddeċiedi: ibigħ kollox u jixtri dik l-għalqa (ara 13:44). Parir li nagħtikom, attenti għal dak li l-inqas tkunu tistennew. Meta tgħidu: “Ara x’kumbinazzjoni, din ma kontx qed nistennieha”. Hemm qiegħda tkellmek il-ħajja, qed ikellmek il-Mulej, jew qed ikellmek ix-xitan? Xi ħadd. Imma hemm ħaġa li rrid ngħarbel, kif qed nirreaġixxi jien quddiem il-ħwejjeġ li ma nistenniex. Imma jien kont tant bi kwieti d-dar u “bumm, bumm”, ġiet il-kunjata, u int kif tirreaġixxi għall-kunjata? Hemm l-imħabba jew hemm xi ħaġa oħra ġew? U agħmel id-dixxerniment tiegħek. Jien kont għaddej sew fuq xogħli fl-uffiċċju, u ġie ħabib jgħidli li għandu bżonn il-flus, u int kif irreaġixxejt? Naraw x’jiġri fina meta ngħaddu minn ħwejjeġ li ma konniex nistennew u hemm nitgħallmu nagħrfu l-qalb tagħna kif tiċċaqlaq.

 

Id-dixxerniment hu l-għajnuna biex nagħrfu s-sinjali li bihom il-Mulej jiltaqa’ magħna fis-sitwazzjonijiet imprevisti, saħansitra dawk li ma jogħġbuniex, kif kienet għal Injazju l-ferita f’riġlu. Minnhom tista’ tinbet laqgħa li tibdlilna ħajjitna, għal dejjem, kif kien il-każ ta’ Injazju. Tista’ tinbet xi ħaġa li, jew ittejbek jew iġġibek agħar fil-mixja tiegħek, ma nafx, imma noqogħdu attenti, għax l-isbaħ mixja joffruhielna l-ħwejjeġ li ma nkunux nistennew: “X’sa nagħmel quddiem din?”. Il-Mulej jgħinna nagħtu widen lil qalbna, u nagħrfu meta huwa Hu li qed jaħdem u meta mhuwiex, meta tkun xi ħaġa oħra.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard