IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 7 ta’ Ġunju 2023

 

Katekeżi. Il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni: iż-żelu appostoliku ta’ min jemmen: 16. Xhieda: Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Patruna tal-missjonijiet

 

Għeżież ħuti, merħba, l-għodwa t-tajba!

 

Għandna hawn quddiemna r-relikwi ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Patruna universali tal-missjonijiet. Kemm inzerta tajjeb li dan qed iseħħ waqt li qegħdin nirriflettu fuq il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni, fuq iż-żelu appostoliku. Illum, allura, ejjew inħallu tgħinna x-xhieda ta’ Santa Tereżina. Hi twieldet 150 sena ilu, u f’dan l-anniversarju għandi fi ħsiebi li niddedikalha Ittra Appostolika.

 

Hi Patruna tal-missjonijiet, imma qatt ma marret il-missjoni: kif nispjegawh dan? Kienet monaka Karmelitana u ħajjitha kienet immarkata miċ-ċkunija u mid-dgħufija: hi stess kienet issejjaħ lilha nfisha “daqsxejn ta’ farka tar-ramel”. Xiplija f’saħħitha, mietet ta’ 24 sena biss. Imma jekk ġisimha kien marid, qalbha kienet qawwija, kienet missjunarja. Fid-“djarju” tagħha tirrakkonta li x-xewqa tagħha kienet li tkun missjunarja u riedet tkun hekk mhux biss għal xi sena jew tnejn, imma għal ħajjitha kollha, anzi, sal-aħħar tad-dinja. Tereża kienet “oħt spiritwali” ta’ diversi missjunarji: mill-monasteru kienet isseħibhom bl-ittri tagħha, bit-talb u billi toffri għalihom sagrifiċċji kontinwi. Bla ma tidher, kienet tinterċedi għall-missjonijiet, bħal mutur li, għalkemm moħbi, jagħti lill-vettura s-saħħa biex tibqa’ miexja. Madankollu spiss ma kinitx mifhuma minn ħutha s-sorijiet: iktar tawha “xewk milli ward”, imma laqgħet kollox bi mħabba, bis-sabar, u offriet, flimkien mal-mard tagħha, anki l-ġudizzji u n-nuqqas ta’ komprensjoni. U dan għamlitu bil-ferħ, għamlitu għall-bżonnijiet tal-Knisja, biex, kif kienet tgħid, jixtered “ward fuq kulħadd”, fuq kollox fuq dawk l-aktar imbiegħda.

 

Imma issa, nistaqsi jiena, nistgħu nistaqsu lkoll, dan iż-żelu kollu, din il-qawwa missjunarja u dan il-ferħ li tinterċedi għall-oħrajn, mnejn ġew? Jgħinuna nifhmu dan żewġ episodji, li seħħu qabel ma Tereża daħlet fil-monasteru. L-ewwel wieħed hu mill-jum li bidlilha ħajjitha, il-Milied tal-1886, meta Alla għamel miraklu fil-qalb tagħha. Tereża kienet waslet biex tagħlaq l-14-il sena. Bħala l-iżgħar bint, id-dar kulħadd kien ifissed fiha, imma ma kinitx “imħajma”. Lura mill-Quddiesa ta’ Nofsillejl, missierha, għajjien ħafna, ma kellux moħħ jassisti għall-ftuħ tar-rigali ta’ bintu u qalilha: “Imnalla din l-aħħar sena!”, għax ta’ 15-il sena diġà ma kinux jibqgħu jagħmluha. Tereża, li kienet sensittiva ħafna u malajr taqbad tibki, ħaditha ħażin, telgħet tiġri f’kamritha tolfoq u tibki. Imma ma damitx ma xxuttat id-dmugħ tagħha, niżlet u, kollha ferħ, kienet hi li bdiet tferraħ lil missierha. Imma x’kien ġara? F’dak il-lejl, li fih Ġesù kien sar dgħajjef għall-imħabba tagħna, hi kienet saret qawwija f’ruħha – tassew miraklu: fi ftit waqtiet kienet ħarġet mill-ħabs tal-egoiżmu tagħha u tal-biki fuqha nfisha, u bdiet tħoss li “l-imħabba daħlet f’qalbha bil-ħtieġa li tinsa lilha nfisha” (ara Manuskritt A, 133-134). Minn hawn bdiet tiddedika ż-żelu tagħha għall-oħrajn, biex isibu lil Alla, u flok tfittex il-konsolazzjonijiet għaliha nfisha, ipproponiet li “tfarraġ lil Ġesù, [li] tgħin lill-erwieħ iħobbuh”, għax – tikteb Tereża – “Ġesù huwa marid bl-imħabba u […] il-marda tal-imħabba titfejjaq biss bl-imħabba” (Ittra lil Marie Guérin, Lulju 1890). U hawn naraw il-proponiment ta’ kull ġurnata tagħha: “li nagħmel li Ġesù jkun maħbub” (Ittra lil Céline, 15 ta’ Ottubru 1889), tinterċedi hi biex l-oħrajn iħobbuh. Kitbet: “Jiena rrid kieku nsalva l-erwieħ u ninsa lili nnifsi għalihom; irrid kieku nsalvahom ukoll wara mewti” (Ittra lil P. Roulland, 19 ta’ Marzu 1897). Kemm-il darba qalet: “Iż-żmien tiegħi fil-ġenna rrid ngħaddih nagħmel il-ġid fuq l-art”. Dan hu l-ewwel episodju li bidlilha ħajjitha meta kellha 14-il sena.

 

U dan iż-żelu tagħha kien indirizzat fuq kollox lejn il-midinbin, lejn l-“imbegħdin”. Dan narawh mit-tieni episodju. Tereża saret taf bi kriminal ikkundannat għall-mewt minħabba krimini orribbli, kien jismu Enrico Pranzini – hi tiktbilna ismu: misjub ħati tal-omiċidju brutali ta’ tliet persuni, il-mewt iddestinata għalih kienet il-giljottina, imma ma riedx jirċievi l-faraġ tal-fidi. Tereża daħħlitu f’qalbha u għamlet kulma setgħet: talbet b’kull mod possibbli għall-konverżjoni tiegħu, biex dak li, b’kompassjoni fraterna, kienet issejjaħlu “l-imsejken Pranzini hekk xortih ħażina”, juri mqar sinjal ċkejken ta’ sogħba u jagħmel wisa’ għall-ħniena ta’ Alla, li fiha Tereża kienet tafda b’għajnejha magħluqa. Seħħet l-eżekuzzjoni. L-għada Tereża qrat fil-gazzetta li Pranzini, dritt qabel ma poġġa rasu fuq il-patibolu, “f’daqqa waħda, bħal wieħed imnebbaħ għall-għarrieda, dar, ħataf il-Kurċifiss li s-saċerdot kien qiegħed jurih u bies għal tliet darbiet il-pjagi divini” ta’ Ġesù. Il-qaddisa tikkummenta: “Imbagħad, ruħu marret biex tilqa’ s-sentenza ħanina ta’ Dak li jiddikjara li fis-Sema jkun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma jeħtieġx indiema!” (Manuskritt A, 135).

 

Ħuti, din hi l-qawwa tal-interċessjoni mqanqla mill-imħabba, dan hu l-mutur tal-missjoni. Fil-fatt, il-missjunarji, li tagħhom Tereża hi Patruna, mhumiex biss dawk li jivvjaġġaw toroq twal, jitgħallmu ilsna ġodda, jagħmlu opri ta’ ġid u huma bravi biex ixandru; le, missjunarju huwa wkoll kull min jgħix, hemm fejn jinsab, bħala strument tal-imħabba ta’ Alla; hu min jagħmel minn kollox biex, permezz tax-xhieda tiegħu, it-talb tiegħu, l-interċessjoni tiegħu, Ġesù jgħaddi. U dan hu ż-żelu appostoliku li, niftakru dejjem, ma jaħdem qatt bil-proselitiżmu – qatt! – jew għax bilfors – qatt! – imma b’attrazzjoni: il-fidi tinbet bl-attrazzjoni, ma nsirux Insara għax imġegħlin minn xi ħadd, le, imma għax tmissna l-imħabba. Il-Knisja, qabel tant mezzi, metodi u strutturi, li xi drabi jwarrbuha mill-essenzjal, għandha bżonn ta’ qlub bħal dik ta’ Tereża, qlub li jiġbdu għall-imħabba u jqarrbu lejn Alla. U nitolbu lill-qaddisa – għandna r-relikwi tagħha hawn – nitolbu lill-qaddisa l-grazzja li negħlbu l-egoiżmu tagħna u nitolbu l-passjoni li ninterċedu biex din l-attrazzjoni tkun ikbar fin-nies u biex Ġesù jkun magħruf u maħbub.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard