IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 6 ta’ Settembru 2023

 

Katekeżi. Il-Vjaġġ fil-Mongolja

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

It-Tnejn li għadda dħalt lura mill-Mongolja. Nixtieq nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi lejn dawk li sieħbu ż-żjara tiegħi bit-talb u nġedded il-gratitudni tiegħi lejn l-Awtoritajiet, li laqgħuni solennement: b’mod partikulari lis-Sur President Khürelsükh, u anki lill-eks President Enkhbayar, li kien għamilli l-istedina uffiċjali biex inżur il-pajjiż. Nerġa’ niftakar bil-ferħ fil-Knisja lokali u fil-poplu Mongolu: poplu nobbli u għaref, li wrieni tant kordjalità u affett. Illum nixtieq neħodkom fil-qalba ta’ dan il-vjaġġ.

 

Jaf ikun hemm min jistaqsi: għaliex il-Papa jmur tant bogħod iżur merħla ċkejkna ta’ fidili? Għaliex huwa proprju hemm, bogħod mir-rifletturi, li spiss jinsabu s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla, li ma jħarisx lejn dak li jidher minn barra, imma lejn il-qalb kif smajna fis-silta tal-profeta Samwel (ara 1 Sam 16:7). Il-Mulej ma jfittixx iċ-ċentru tal-palk, imma l-qalb sempliċi ta’ min jixtiequ u jħobbu bla ma jidher, bla ma jrid jogħla iżjed mill-oħrajn. U jien kelli l-grazzja li fil-Mongolja niltaqa’ ma’ Knisja umli imma Knisja hienja, li tinsab fil-qalb ta’ Alla, u nista’ nixhed għall-ferħ tagħhom li għal ftit tal-jiem sabu ruħhom huma wkoll fil-qalba tal-Knisja.

 

Dik il-komunità għandha storja li tmiss il-qlub. Nibtet, bi grazzja ta’ Alla, miż-żelu appostoliku – li fuqu qegħdin nirriflettu bħalissa – ta’ xi missjunarji li, appassjonati għall-Vanġelu, xi tletin sena ilu marru f’dak il-pajjiż li ma kinux jafu. Tgħallmu l-lingwa tal-post – li mhijiex faċli – u, imqar jekk kienu ġejjin minn nazzjonijiet differenti, taw ħajja lil komunità magħquda u tassew Kattolika. Fil-fatt dan huwa s-sens tal-kelma “kattoliku”, li tfisser “universali”. Imma m’aħniex nitkellmu fuq universalità li ġġib lil kulħadd l-istess, imma fuq universalità li tinkultura ruħha, hija universalità li tinkultura ruħha. Din hija l-kattoliċità: universalità inkarnata, “inkulturata” li tilqa’ t-tajjeb hemm fejn tgħix u taqdi n-nies li magħhom tgħix. Hekk tgħix il-Knisja: bili tagħti xhieda tal-imħabba ta’ Ġesù bi ħlewwa, bil-ħajja l-ewwel u mbagħad bil-kliem, ferħana bl-għana veru tagħha: il-qadi tal-Mulej u tal-aħwa.

 

Hekk twieldet Knisja żagħżugħa: f’isem il-karità, li hi l-aqwa xhieda tal-fidi. Fl-aħħar taż-żjara tiegħi ħadt pjaċir inbierek u ninawgura d-“Dar tal-ħniena”, l-ewwel opra ta’ karità li nfetħet fil-Mongolja bħala espressjoni tal-komponenti kollha tal-Knisja lokali. Dar li hi l-biljett taż-żjara ta’ dawk l-Insara, imma li tfakkar lil kull komunità tagħna biex tkun dar tal-ħniena: jiġifieri post miftuħ, post li jilqa’, fejn il-miżerji ta’ kull wieħed u waħda jistgħu jidħlu bla mistħija f’kuntatt mal-ħniena ta’ Alla li jerġa’ jerfagħna u jfejjaqna. Din hija x-xhieda tal-Knisja Mongola, b’missjunarji minn diversi pajjiżi li jħossuhom ħaġa waħda mal-poplu, hienja li jistgħu jaqduh u li jiskopru l-ġmiel li diġà hemm fih. Għax dawn il-missjunarji ma marrux hemm jagħmlu proselitiżmu, din mhix ħaġa evanġelika, imma marru hemm biex jgħixu bħall-poplu tal-Mongolja, biex jitkellmu l-ilsien tagħhom, il-lingwa ta’ dawk in-nies, biex jieħdu l-valuri ta’ dak il-poplu u jipprietkaw il-Vanġelu fi stil Mongolu, bil-kliem Mongolu. Marru u “inkulturaw” ruħhom: ħadu l-kultura Mongola biex iħabbru l-Vanġelu f’dik il-kultura.

 

Jien stajt niskopri xi ftit minn dan il-ġmiel, anki billi ltqajt ma’ xi persuni, smajt l-istejjer tagħhom, apprezzajt it-tiftixa reliġjuża tagħhom. Inħossni grat f’dan is-sens għal-laqgħa interreliġjuża u ekumenika tal-Ħadd li għadda. Il-Mongolja għandha tradizzjoni kbira Buddista, b’tant persuni li fis-silenzju jgħixu r-reliġjożità tagħhom b’mod sinċier u radikali, permezz tal-altruwiżmu u l-ġlieda kontra l-passjonijiet tagħhom. Naħsbu f’tant żerriegħa ta’ ġid li, fis-satra, qed tkabbar il-ġnien tad-dinja, meta s-soltu nisimgħu min jitkellem fuq l-istorbju tas-siġar li jaqgħu! U lin-nies, anki lilna, jogħġbuna l-iskandli: “Imma ara x’barbarità, waqgħet siġra, xi storbju għamlet!” – “Imma int m’intix tara l-foresta li tikber ta’ kuljum?”, għax ħaġa li tikber, tikber fis-skiet. Hu deċiżiv li nagħrfu nilmħu u nirrikonoxxu t-tajjeb. Imma spiss napprezzaw lill-oħrajn biss skont kemm jaqblu mal-ideat tagħna, meta għandna narawh dak it-tajjeb. U għalhekk hu importanti, kif jagħmel il-poplu tal-Mongolja, norjentaw ħarsitna fl-għoli, lejn id-dawl tat-tajjeb. B’dan il-mod biss, ibda mir-rikonoxximent tat-tajjeb, nistgħu nibnu l-ġejjieni komuni; huwa biss jekk nivvalorizzaw lill-ieħor li nistgħu ngħinuh jitjieb.

 

Kont fil-qalba tal-Asja u dan għamilli ġid kbir. Jagħmlilna tajjeb li nidħlu fi djalogu ma’ dak il-kontinent kbir, nifhmu l-messaġġi tiegħu, inkunu nafu l-għerf tiegħu, il-mod ta’ kif jaraw l-affarijiet, kif iħaddnu ż-żmien u l-ispazju. Swieli ta’ ġid li ltqajt mal-poplu Mongolu, li jħares l-għeruq u t-tradizzjonijiet tiegħu, jirrispetta lill-anzjani u jgħix f’armonija mal-ambjent: huwa poplu li jgħarrex fis-smewwiet u jħoss in-nifs tal-ħolqien. Xħin naħsbu fil-meded bla tarf u ħiemda tal-Mongolja, ejjew inħallu jqanqalna l-bżonn li nwessgħu l-konfini tal-ħarsa tagħna, nitlobkom: inwessgħu l-konfini, inħarsu fil-wisa’ u fl-għoli, inħarsu u ma naqgħux ilsiera tal-affarijiet ċkejkna, inwessgħu l-konfini tal-ħarsa tagħna, biex tara t-tajjeb li hemm fl-oħrajn u tkun kapaċi twessa’ l-ixfqa tagħha, u anki nwessgħu l-qalb tagħna biex nifhmu, biex inkunu qrib ta’ kull persuna u kull ċiviltà.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard