|
IL-PAPA FRANĠISKU
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
MĦEJJIJA GĦALL-UDJENZA ĠENERALI TAL-5 TA’ MARZU 2025
L-Erbgħa 5 ta’ Marzu 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesu Kristu t-tama tagħna. I. L-infanzja ta’ Ġesù. 8. “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk?” (Lq 2:49). Is-sejba ta’ Ġesù fit-Tempju
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
F’din l-aħħar katekeżi ddedikata lill-infanzja ta’ Ġesù, nieħdu spunt mill-episodju li fih, ta’ tnax-il sena, hu baqa’ fit-Tempju mingħajr ma qal b’xejn lill-ġenituri, li fittxewh inkwetati u sabuh wara tlitt ijiem. Dan ir-rakkont jippreżentalna djalogu interessanti ħafna bejn Marija u Ġesù, li jgħinna nirriflettu fuq il-mixja tal-omm ta’ Ġesù, mixja li żgur ma kinitx faċli. Fil-fatt, Marija wettqet itinerarju spiritwali twil li hu avvanzat fl-għarfien tal-misteru tal-Iben tagħha.
Ejjew nerġgħu naħsbu fid-diversi tappi ta’ din il-mixja. Fil-bidu tat-tqala tagħha, Marija żżur lil Eliżabetta u tieqaf għandha għal tliet xhur, sat-twelid taċ-ċkejken Ġwanni. Imbagħad, meta kienet kważi fid-disa’ xahar, minħabba ċ-ċensiment, flimkien ma’ Ġużeppi tmur Betlehem, fejn tagħti d-dawl lil Ġesù. Wara erbgħin jum imorru Ġerusalemm għall-preżentazzjoni tat-tarbija; u għalhekk ta’ kull sena jirritornaw f’pellegrinaġġ it-Tempju. Imma ma’ Ġesù għadu żgħir stkennu fit-tul fl-Eġittu biex jipproteġuh minn Erodi, u kien biss wara l-mewt tas-sultan li reġgħu marru joqogħdu Nazaret. Meta Ġesù, issa adult, jibda l-ministeru tiegħu, Marija hi preżenti u protagonista fit-tieġ ta’ Kana; imbagħad timxi warajh “mill-bogħod”, sal-aħħar vjaġġ f’Ġerusalemm, sal-passjoni u l-mewt tiegħu. Wara l-Qawmien, Marija tibqa’ Ġerusalemm, bħala Omm id-dixxipli, twieżen il-fidi tagħhom fl-istennija tat-tiswib tal-Ispirtu s-Santu.
F’din il-mixja kollha, il-Verġni hi pellegrina tat-tama, fis-sens qawwi li ssir “bint l-Iben tagħha”, l-ewwel dixxiplu tiegħu. Marija ġabet lil Ġesù fid-dinja, Tama tal-umanità: temgħetu, rabbietu, imxiet warajh waqt li hi l-ewwel waħda li ntgħaġnet mill-Kelma ta’ Alla. Tagħha – kif qal Benedittu XVI – Marija “tassew kienet midħla […], toħroġ u tidħol fiha bil-ħeffa. Hija titkellem u taħseb bil-Kelma ta’ Alla […]. Barra dan jidher li ħsibijietha jixbhu l-ħsibijiet ta’ Alla, ir-rieda tagħha hija ħaġa waħda mar-rieda ta’ Alla. Billi hija kienet mimlija għalkollox bil-Kelma ta’ Alla, hija tista’ ssir Omm il-Kelma li saret bniedem” (Enċiklika Deus caritas est, 41). Din il-komunjoni waħdanija mal-Kelma ta’ Alla xorta ma tiffrankalhiex it-taħbit ta’ “apprentistat” impenjattiv.
L-esperjenza tat-telfa ta’ Ġesù ta’ tnax-il sena, waqt il-pellegrinaġġ annwali Ġerusalemm, tbeżża’ lil Marija tant li ssir leħen ukoll għal Ġużeppi fiċ-ċanfira lil binha: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jien konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma” (Lq 2:48). Marija u Ġużeppi għaddew mit-tbatija tal-ġenituri li jitilfu lil binhom: it-tnejn ħasbu li Ġesù kien fil-karwana tal-qraba tagħhom, imma billi mbagħad għamlu ġurnata sħiħa ma rawhx, jibdew it-tiftixa li twassalhom biex jagħmlu l-vjaġġ lura. Xħin reġgħu lura fit-Tempju, skoprew li Dak li f’għajnejhom, sa ftit ħin qabel, kien tfajjel li riedu jipproteġuh, bħal donnu kiber f’salt, u issa kapaċi jidħol f’diskussjonijiet fuq l-Iskrittura, u jikkonfronta lill-imgħallmin tal-Liġi.
Quddiem iċ-ċanfira tal-omm, Ġesù jwieġeb b’sempliċità li żżarmak: “Għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jien għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:49). Marija u Ġużeppi ma jifhmux: il-misteru ta’ Alla li sar tarbija l-intelliġenza tagħhom ma tlaħħaqx miegħu. Il-ġenituri jridu jipproteġu lil dak l-iben tant prezzjuż taħt il-ġwenħajn ta’ mħabbithom; imma Ġesù jrid jgħix il-vokazzjoni tiegħu ta’ Bin il-Missier li qiegħed għas-servizz tiegħu u jgħix mgħaddas fil-Kelma tiegħu.
Hekk, ir-Rakkonti tal-Infanzja ta’ Luqa jagħlqu bl-aħħar kelmiet ta’ Marija, li jfakkru l-paternità ta’ Ġużeppi fil-konfront ta’ Ġesù, u bl-ewwel kelmiet ta’ Ġesù, li jirrikonoxxu kif din il-paternità ssib għeruqha f’dik tal-Missier tiegħu tas-Sema, li tiegħu jagħraf il-primat assolut.
Għeżież ħuti, bħal Marija u Ġużeppi, mimlijin tama, ejjew aħna wkoll infittxu l-passi tal-Mulej, li ma jħallix l-iskemi tagħna jagħlquh, u jħalli lil min isibu mhux tant f’post, imma fit-tweġiba ta’ mħabba għall-paternità divina u ħelwa, tweġiba ta’ mħabba li hija l-ħajja ta’ wlied.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard