IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 4 ta’ Novembru 2020

 

Katekeżi fuq it-talb – 13. Ġesù mgħallem tat-talb

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Jiddispjaċini li kellna nerġgħu lura għal din l-udjenza fil-Bibljoteka, biex inħarsu ruħna mill-Covid. Dan jgħallimna wkoll li għandna nkunu attenti ħafna għal dak li jgħidulna l-Awtoritajiet, kemm jekk huma l-Awtoritajiet politiċi u kemm jekk huma l-Awtoritajiet tas-saħħa, biex inħarsu ruħna minn din il-pandemija. Noffru lill-Mulej din id-distanza bejnietna, għall-ġid ta’ kulħadd, u naħsbu ħafna fil-morda, f’dawk li jidħlu fl-isptarijiet diġà bħala skart, naħsbu fit-tobba, fl-infermiera, fil-voluntiera, f’tant nies li qed jaħdmu mal-morda bħalissa: dawn qed jirriskjaw ħajjithom imma qed jagħmlu dan bi mħabba lejn il-proxxmu, qisha vokazzjoni. Nitolbu għalihom.

 

Tul il-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù l-ħin kollu kien ifittex il-qawwa tat-talb. Il-Vanġelu dan jurihulna meta hu kien jirtira f’postijiet imwarrbin biex jitlob. Huma osservazzjonijiet sobrji u diskreti, li jħalluna biss nimmaġinaw dawk id-djalogi ta’ talb. Imma huma xhieda ċara li, imqar fil-mumenti tal-ikbar dedikazzjoni għall-foqra u għall-morda, Ġesù ma kien qatt iwarrab id-djalogu intimu tiegħu mal-Missier. Iktar ma kien mixħut fil-bżonnijiet tan-nies, iktar kien iħoss il-ħtieġa li jistrieħ fil-Komunjoni Trinitarja, li jerġa’ lura għand il-Missier u għand l-Ispirtu.

 

Għalhekk fil-ħajja ta’ Ġesù hemm sigriet, moħbi għal għajnejn il-bnedmin, li jirrappreżenta l-qalba ta’ kollox. It-talb ta’ Ġesù hu realtà misterjuża, li minnha nifhmu biss xi ħaġa, imma li tħallina naqraw fl-aħjar perspettiva l-missjoni sħiħa tiegħu. F’dawk is-sigħat waħdu – qabel iż-żerniq jew billejl – Ġesù kien jogħdos fl-intimità tiegħu mal-Missier, jiġifieri fl-Imħabba li kull ruħ hi għatxana għaliha. Huwa dan li joħroġ sa mill-ewwel jiem tal-ministeru pubbliku tiegħu.

 

Sibt minnhom, ngħidu aħna, ir-raħal ta’ Kafarnahum inbidel fi “sptar fuq il-kamp tal-battalja”: wara nżul ix-xemx lil Ġesù ġabulu l-morda kollha, u hu fejjaqhom. Imma, qabel sebaħ, Ġesù għeb: mar waħdu f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u l-oħrajn ifittxuh u meta jsibuh jgħidulu: “Kulħadd qed jistaqsi għalik!”. Xi jwieġeb Ġesù? “Jeħtieġ immur fl-irħula l-oħra; għax għalhekk ħriġt” (ara Mk 1:35-38). Ġesù dejjem jinsab ftit ’il quddiem, ’il quddiem fit-talb mal-Missier u ’l quddiem, fi rħula oħra, ixfqa oħra biex imur jipprietka hemm, lil nies oħra.

 

Huwa t-talb it-tmun li jmexxi r-rotta ta’ Ġesù. Li jiddetta t-tappi tal-missjoni tiegħu, u mhux is-suċċessi, mhux il-kunsens, mhix dik il-frażi qarrieqa “kulħadd qed jistaqsi għalik”. Il-mixja ta’ Ġesù hi mmarkata mit-triq l-inqas komda, li imma tagħti widen għat-tnebbiħa tal-Missier, li Ġesù jisma’ u jilqa’ fit-talb tiegħu waħdu.

 

Il-Katekiżmu jistqarr: “Meta Ġesù jitlob ikun ġa jgħallimna nitolbu” (n. 2607). Għalhekk, mill-eżempju ta’ Ġesù nistgħu nisiltu xi karatteristiċi tat-talb Nisrani.

 

Qabelxejn għandu primat: hu ­l-ewwel xewqa tal-ġurnata, xi ħaġa li nagħmluha ma’ sbiħ il-jum, qabel ma tistenbaħ id-dinja. Jagħti ruħ lil dak li, inkella, jibqa’ bla nifs. Jum mingħajr talb jirriskja li jinbidel f’esperjenza ta’ dwejjaq, jew monotona: dak kollu li jiġrilna jista’ jsir għalina xi ħaġa li ma nifilħux nissaportu jew destin għama. Imma Ġesù jedukana għall-ubbidjenza għar-realtà u allura għas-smigħ. It-talb hu qabelxejn smigħ u laqgħa ma’ Alla. Hekk il-problemi ta’ kuljum ma jsirux xkiel, imma sejħat ta’ Alla nnifsu biex nisimgħu u nilqgħu lil min għandna quddiemna. Il-provi tal-ħajja hekk jinbidlu f’okkażjonijiet biex nikbru fil-fidi u fl-imħabba. Il-mixja ta’ kuljum, inkluż it-taħbit u l-għeja, tikseb il-perspettiva ta’ “vokazzjoni”. It-talb għandu l-qawwa li jibdel f’tajjeb dak li fil-ħajja nkella jkun kundanna; it-talb għandu l-qawwa li jiftaħ xefaq kbir għall-moħħ u jwessa’ l-qalb.

 

It-tieni nett, it-talb hu arti li nipprattikaw b’insistenza. Ġesù nnifsu jgħidilna: ħabbtu, ħabbtu, ħabbtu. Ilkoll aħna kapaċi nitolbu ’l hemm u ’l hawn, talb li joħroġ mill-emozzjoni ta’ mument; imma Ġesù jedukana għal għamla oħra ta’ talb: dak li jaf b’dixxiplina, taħriġ, u jsir parti minn regola ta’ ħajja. Talb perseveranti jġib bidla progressiva, iqawwina fil-perjodi ta’ tiġrib, jagħtina l-grazzja li nħossuna mwieżna minn Dak li jħobbna u jipproteġina dejjem.

 

Karatteristika oħra tat-talb ta’ Ġesù hi ­s-solitudni. Min jitlob ma jaħrabx mid-dinja, imma jfittex l-imkejjen imwarrba. Hemm, fil-ħemda, jistgħu joħorġu tant ilħna li nkunu naħbu ġewwa fina: ix-xewqat l-aktar misħuqa, il-veritajiet li nibqgħu nwebbsu rasna u nifgawhom, u l-bqija. U, fuq kollox, fis-skiet jitkellem Alla. Kull persuna għandha bżonn ta’ spazju għaliha nfisha, fejn tikkultiva l-ħajja interjuri tagħha, fejn l-azzjonijiet isibu tifsira. Mingħajr ħajja interjuri nsiru superfiċjali, aġitati, anzjużi – l-ansjetà kemm tagħmlilna ħażin! Għalhekk irridu nfittxu t-talb; mingħajr ħajja interjuri nkunu naħarbu mir-realtà, u anki minna nfusna, inkunu nies dejjem f’ħarba.

 

Fl-aħħar nett, it-talb ta’ Ġesù huwa l-post fejn inħossu li kollox ġej minn Alla u jerġa’ lura għandu. Xi drabi aħna l-bnedmin naħsbu li aħna s-sidien ta’ kollox, jew bil-maqlub, nitilfu kull stima tagħna nfusna, nitbandlu minn naħa għall-oħra. It-talb jgħinna nsibu d-dimensjoni t-tajba, fir-relazzjoni ma’ Alla, Missierna, u mal-ħolqien kollu. U t-talb ta’ Ġesù fl-aħħar mill-aħħar hu li nintelqu f’idejn il-Missier, bħal Ġesù fil-ġnien taż-żebbuġ, f’dak il-biża’ kollu: “Missier, jekk tista’…, imma jkun li trid int”. L-abbandun f’idejn il-Missier. Sabiħ li meta nkunu xi ftit aġitati, imħassbin, l-Ispirtu s-Santu jibdilna minn ġewwa u jwassalna għal dan l-abbandun f’idejn il-Missier: “Missier, ikun li trid int”.

 

Għeżież ħuti, niskopru mill-ġdid, fil-Vanġelu, lil Ġesù Kristu bħala mgħallem ta’ talb, u noqogħdu fl-iskola tiegħu. Niżgurakom li nsibu l-ferħ u l-paċi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard