IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Bitħa ta’ San Damasu

L-Erbgħa 2 ta’ Settembru 2020

Katekeżi - “Infejqu d-dinja”: 5. Is-solidarjetà u l-virtù tal-fidi

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Wara tant xhur, qed nerġgħu nibdew il-laqgħa tagħna wiċċ imb wiċċ u mhux minn skrin għal skrin. Wiċċ imb wiċċ. Kemm hi ħaġa sabiħa! Il-pandemija attwali wrietna l-interdipendenza tagħna: ilkoll aħna marbuta, wieħed mal-ieħor, kemm fil-ħażin u kemm fit-tajjeb. Għalhekk, biex noħorġu aħjar minn din il-kriżi, dan jeħtieġ nagħmluh flimkien. Flimkien, u mhux waħidna, flimkien. Waħidna le, għax ma jistax ikun! Jew naħdmu flimkien jew m’aħniex se naslu. Jeħtieġ nagħmluha flimkien, ilkoll kemm aħna, fis-solidarjetà. Fuq din il-kelma nixtieq nagħfas illum: solidarjetà.

 

Bħala familja umana għandna l-bidu komuni tagħna f’Alla; ngħixu f’dar komuni, il-pjaneta-ġnien, l-art li fiha Alla qegħidna; u fi Kristu għandna destinazzjoni komuni. Imma meta ninsew dan kollu, l-interdipendenza tagħna ssir dipendenza ta’ xi wħud fuq oħrajn – nitilfu din l-armonija tal-interdipendenza fis-solidarjetà – u jikbru n-nuqqas ta’ ugwaljanza u l-emarġinazzjoni; jiddgħajjef it-tessut soċjali u jmur lura l-ambjent. Il-ħaġa dejjem timxi bl-istess mod.

 

Għalhekk, il-prinċipju tas-solidarjetà llum iżjed minn qatt qabel hu meħtieġ, kif għallimna San Ġwanni Pawlu II (ara Enċiklika Sollicitudo rei socialis, 38-40). F’dinja fejn kollox hu f’rabta waħda, qed naraw xi jfisser tgħix fl-istess “villaġġ globali”. Sabiħa din l-espressjoni: id-dinja kbira mhix ħaġa oħra għajr villaġġ globali, għax kollox hu marbut ma’ xulxin. Imma aħna mhux dejjem qed nibdlu din l-interdipendenza f’solidarjetà. Hemm mixja twila mill-interdipendenza għas-solidarjetà. Minflok, l-egoiżmi – individwali, nazzjonali u tal-gruppi ta’ poter – u r-riġiditajiet ideoloġiċi jżidu “strutturi ta’ dnub” (ibid., 36).

 

“Il-kelma ‘solidarjetà’ tilfet xi ftit mill-qawwa tagħha u xi kultant tinftiehem ħażin, għax fil-verità hi tfisser wisq aktar minn xi azzjoni ta’ ġenerożità ’l hawn u ’l hemm. Titlob li noħolqu mentalità ġdida li taħseb f’termini ta’ komunità, fejn, f’konfront mal-ġid f’idejn il-ftit, il-prijorità hi l-ħajja ta’ kulħadd flimkien” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 188). Dan hu li tfisser solidarjetà. Mhix biss kwistjoni li ngħinu lill-oħrajn – dan sew li nagħmluh, imma hi iżjed minn hekk –: tfisser ġustizzja (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1938-1940). L-interdipendenza, biex tkun solidali u tħalli l-frott, għandha bżonn ta’ għeruq sodi fl-uman u fin-natura maħluqa minn Alla, għandha bżonn tar-rispett tal-uċuħ u tal-art.

 

Il-Bibbja, sa mill-bidu, tiftħilna għajnejna. Ġibu quddiem għajnejkom ir-rakkont tat-Torri ta’ Babel (ara Ġen 11:1-9), li jurina x’jiġri meta nippruvaw nilħqu s-sema – id-destinazzjoni tagħna – b’idejna, imma ninjoraw ir-rabta mal-uman, mal-ħolqien u mal-Ħallieq. Hija xbieha biex turina li dan li jiġri kull darba li wieħed irid jitla’, jitla’, mingħajr ma jagħti kas tal-oħrajn. Jiena waħdi! Aħsbu fit-torri. Nibnu torrijiet u binjiet m’ogħla s-sema, imma nkunu neqirdu l-komunità. Ngħaqqdu binjiet kbar u ilsna, imma nkunu nissagrifikaw l-għana kulturali. Irridu nkunu sidien tal-Art, imma nkunu nirvinaw il-bijodiversità u l-bilanċ ekoloġiku. F’xi udjenza oħra rrakkontajtilkom dwar dawk is-sajjieda ta’ San Benedetto del Tronto li ġew din is-sena u qaluli: “Tellajna mill-baħar 24 tunnellata ta’ skart, li nofsu kien plastik”. Immaġinaw naqra! Dawn għandhom l-ispirtu li jaqbdu l-ħut, iva, imma anki ż-żibel u jtellgħuh biex inaddfu l-baħar. Imma dan [it-tinġis] qed jirvina l-art, m’hemmx solidarjetà mal-art li hija don, u mal-bilanċ ekoloġiku.

 

Niftakar f’rakkont Medjevali li jiddeskrivi dan is-“sindromu ta’ Babel”, jiġifieri meta ma hemmx solidarjetà. Dan ir-rakkont Medjevali jgħid li, waqt il-bini tat-torri, meta kien jaqa’ raġel – kienu lsiera – u jmut, ħadd ma kien jgħid xejn, l-iktar l-iktar: “Imsejken, ħa żball u waqa’”. Imma, jekk kienet taqa’ maduma, kulħadd kien igerger. U jekk xi ħadd kien jinstab ħati, kien jiġi kkastigat! Għaliex? Għax maduma kienet tiswa biex taħdimha, tħejjiha, taħmiha. Biex tagħmel maduma ridt il-ħin u x-xogħol. Maduma kienet tiswa iżjed minn ħajja ta’ bniedem. Kull wieħed u waħda minna ħa jaħseb ftit x’qed jiġri llum. B’xorti ħażina anki llum tista’ tiġri xi ħaġa simili. Titbaxxa xi kwota tas-suq finanzjarju – dan rajnieh fuq il-ġurnali f’dawn il-jiem – u l-aħbar tkun fl-aġenziji kollha. Imutu eluf ta’ persuni minħabba l-ġuħ, il-miżerja, u ħadd ma jiftaħ ħalqu.

 

Djametrikament oppost għal Babel hemm Għid il-Ħamsin, smajnieh fil-ftuħ tal-udjenza (ara Atti 2:1-3). L-Ispirtu s-Santu, li niżel mill-għoli bħal riħ u nar, ħakem bil-qawwa l-komunità magħluqa fiċ-Ċenaklu, sawwab fuqha l-qawwa ta’ Alla, imbuttaha biex toħroġ, biex ixxandar lil kulħadd min hu Ġesù l-Mulej. L-Ispirtu joħloq l-għaqda fid-diversità, joħloq l-armonija. Fir-rakkont tat-Torri ta’ Babel ma kienx hemm armonija; kien hemm biss li wieħed iross ’il quddiem biex jiggwadanja hu. Hemm, il-bniedem kien biss strument, kien biss “forza tax-xogħol”, imma hawn, f’Għid il-Ħamsin, kull wieħed u waħda minna hu strument, imma strument komunitarju li jipparteċipa b’kulma hu fil-bini tal-komunità. San Franġisk ta’ Assisi dan kien jafu tajjeb, u mqawwi mill-Ispirtu kien jagħti lill-persuni kollha, anzi, lill-ħlejjaq, l-isem ta’ ħija u oħti (ara LS, 11; ara San Bonaventura, Legenda maior, VIII, 6: FF 1145). Anki l-lupu kien ħuh, ma ninsewx.

 

F’Għid il-Ħamsin, Alla jsir preżenti u jnebbaħ il-fidi tal-komunità magħquda fid-diversità u fis-solidarjetà. Diversità u solidarjetà mxerkin f’armonija, din hija t-triq. Diversità solidali għandha fiha l-“immunità” biex is-singularità ta’ kull persuna – li hija don, uniku u irripetibbli – ma timradx bl-individwaliżmu, bl-egoiżmu. Id-diversità solidali għandha fiha wkoll l-immunità biex tfejjaq strutturi u proċessi soċjali li spiċċaw inbidlu f’sistemi ta’ inġustizzja, f’sistemi ta’ moħqrija (ara Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 192). Għalhekk, is-solidarjetà llum hija t-triq li għandna nimxu lejn dinja post-pandemija, lejn il-fejqan tal-mardiet interpersonali u soċjali tagħna. M’hemmx oħra. Jew nimxu ’l quddiem fit-triq tas-solidarjetà, jew l-affarijiet sa jkunu agħar. Irrid intennih dan: minn kriżi ma noħorġux bħalma konna qabel. Il-pandemija hija kriżi. Minn kriżi noħorġu, jew aħjar jew agħar. Aħna rridu nagħżlu. U s-solidarjetà hija proprju triq biex noħorġu mill-kriżi aħjar, mhux b’bidliet tal-qoxra, b’daqqa verniċ u kollox sew. Le. Aħjar!

 

F’nofs il-kriżi, solidarjetà mmexxija mill-fidi tippermettilna nittraduċu l-imħabba ta’ Alla fil-kultura globalizzata tagħna, mhux nibnu torrijiet jew ħitan – u kemm ħitan qed jinbnew illum – li jifirdu, imma mbagħad jiġġarrfu, imma ninsġu komunitajiet u nwieżnu proċessi fejn wieħed jikber b’mod tassew uman u sod. U f’dan tgħin is-solidarjetà. Ħa nagħmel mistoqsija: jien qed naħseb fil-bżonnijiet tal-oħrajn? Kulħadd iwieġeb f’qalbu.

 

F’nofs il-kriżi u t-tempesti, il-Mulej qed jisfidana u jistedinna biex inqajmu mill-ġdid fina din is-solidarjetà li kapaċi żżomm fis-sod, twieżen u tagħti sens lil dawn is-sigħat li fihom kollox donnu ħa jegħreq. Ħa tkun il-kreattività tal-Ispirtu s-Santu li tagħmlilna l-qalb biex noħolqu għamliet ġodda ta’ ospitalità familjari, ta’ fraternità għammiela u ta’ solidarjetà universali. Grazzi.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard